L-Ewwel Messaġġ mill-Virġni Marija.
Mill-Ktieb tal-Verità. L-Ewwel Messaġġ minn Omm Alla, Omm is-Salvazzjoni, lil Marija Ħniena Divina, tat-8 ta’ Novembru, 2010, fit-3.30pm
Il-Maddonna tħabbar il-profeziji futuri li għad trid tirċievi din il-Viżjonarja privata, li kien għad ma kellha l-ebda idea x’kienet qegħda tintalab tagħmel f’dak il-mument, hekk kif spiċċat titlob ir-Rużarju.
Binti, inti għandek Xogħol responsabbli x’tagħmel u qis li ma tħalli lil ħadd iwaqqfek. Il-Verità jeħtieġ li toħroġ. Inti ġejt magħżula biex tagħmel din il- Ħidma. Binti, ibqa’ soda. Ħares 'il-fuq lejn Alla għall-Gwida, biex tagħmel ix-Xogħol tiegħi. Għandek il-Qaddisin kollha lesti sabiex jaħdmu miegħek. Il-figuri li rajt (*) kollha qegħdin hemm ħalli jgħinuk ixxerred il-Messaġġi Infiniti tiegħi, sabiex id-dinja kollha tismagħhom. Inti qiegħda tiġi Ggwidata. Mhux se ssibha faċli, imma inti għandek ħabta kif tippersisti. Dak li qed jiġri bħalissa, kollu ġie mbassar minn qabel. Inti strument tal-komunikazzjoni tal-Kelma t’Alla lil Uliedu kollha. Ara li qatt ma tinsa li Alla jħobb lil uliedu kollha, inklużi dawk il-midinbin li offendewh. Qis li titlob għall-Ħniena għal kull wieħed u waħda minnkom. Il-Familja Mqaddsa għad terġa’ tingħaqad...
...Pawża... F’dak il-mument, jien bqajt sorpriża u għalhekk staqsejt lill-Madonna, “Jien fhimt sew din il-parti?” Hija tbissmet bil-ħlewwa u kompliet...
Isa, aqbad il-pinna tiegħek, iva hekk hu, u xerred il-Verità qabel ma jkun tard wisq. Dawn il-Messaġġi huma ta’ Oriġini Divina u jeħtieġ li jiġu rrispettati. Jiena ninsab Nafda fik, sabiex tiżgura li jitwasslu b’mod effettiv lid-dinja li ma temminx. Huwa importanti ħafna li tibqa’ soda għal Ibni l-Maħbub. Jiena naf li inti qegħda tbati Għalih, Miegħu u permezz Tiegħu. Ifraħ għax dan huwa tajjeb. Inti Mbiereka binti, li ġejt magħżula għal dan ix-Xogħol. Ibqa’ b’saħħtek. Ara li titlob għall-Gwida kuljum. Inti se tissaħħaħ maż-żmien. Tibżax, Jiena miegħek u mal-familja tiegħek kuljum. Inti qegħda timtela bl-Ispirtu s-Santu, sabiex tkun tista’ tiżvela l-Verità dwar il-pjan ta’ Missieri fid-dinja. Binti, warrab id-dubji tiegħek fil-ġenb. Inti m’intix timmaġina dwar dan il-Messaġġ Divin. It-tbassir tal-Iskrittura dalwaqt sejjer jidher.
Issa jeħtieġli inti titlob għal Ulied Alla kollha. Ibni l-Maħbub qiegħed Ibati ħafna kuljum. Huwa jinsab Itturmentat bid-dnubiet tal-bnedmin. It-Tbatija tiegħu laħqet livelli bla preċedent, li ma ġewx esperjenzati Minnu sa minn mindu Miet fuq is-Salib. Bil-barka t’Alla, inti għandek l-enerġija u l-Ispirtu meħtieġ, sabiex twettaq il-Missjoni tiegħek. Il-purifikazzjoni tiegħek hija kompluta. Inti issa tinsab lesta għall-battalja li qegħda tistenniek. Mur issa, binti. Ilbes l-armatura tiegħek. Imxi b’rasek merfugħa ’l fuq u għin fil-ġlieda kontra l-Qarrieqi. Ara li ma tiddisprax, meta minn żmien għal żmien tħossok iżolata. Inti għandek l-Anġli u l-Qaddisin kollha, inkluż il-Papa Ġwanni Pawlu II, Santa Fawstina u San Ġużepp biex jiggwidawk, u dan ma’ kull pass f’din it-triq tiegħek. Grazzi binti għall-fidi li wrejt. Inti taf kif tikkumbatti u maħbuba ħafna minn Alla l-Missier u minn Ibni l-Maħbub. Inti ħaġa waħda ma’ Ġesù u idek qegħda tiġi Ggwidata mill-Ispirtu s-Santu. Mur issa binti, sabiex twettaq din il-Ħidma, billi tuża l-għodda kollha disponibbli għalik f’dan iż-żmien l-aktar importanti fl-istorja tal-umanità. Alla jbierkek binti.
Ommok il-Maħbuba fi Kristu,
Marija Sultana tad-Dinja
(*) Il-figuri msemmija huma x-xbihat ta’ diversi qaddisin li dehru lill-viżjonarja waqt l-apparizzjoni privata tagħha, iżda hi ma kellha l-ebda idea min kienu dawn, sa aktar tard għajr dawk identifikati hawn fuq eż. il-Papa Ġwanni Pawlu II, Santa Fawstina u San Ġużepp u żewġ figuri oħra, li ma kienux identifikati.