It-Twissija tal-Infern u l-Wegħda tal-Ġenna

Is-Sibt, 13 ta’ Novembru 2010 @ 03:00

It-Twissija tal-Infern u l-Wegħda tal-Ġenna.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mis-Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-13 ta’ Novembru, 2010, fit-3 am.


Maħbuba binti, inti għaddejt minn persekuzzjoni terribbli, li Jien ippermettejt, sabiex teħles lil ruħek mit-turmenti tal-Infern. Issa inti ħielsa, u l-ispirtu tiegħek sejjer jgħinek ixxerred il-Kelma tiegħi, sabiex il-bnedmin ikunu jistgħu jinħelsu mit-tbatija li qegħda tistenniehom, jekk se jibqgħu daqshekk boloh li jaqgħu għax-Xitan (Satana). Inti binti, kont mibgħutha mill-bidu nett. Jiena qiegħed Inqawwik il-ħin kollu, u dan fi ftit jiem biss. Kif taħseb li se tkun fi żmien ġimgħa, sena jew sentejn oħra? Ġellieda u kuraġġuża sal-aħħar. Inti sejra taħdem miegħi sabiex tnaddaf l-erwieħ ta’ wliedi l-għeżież, li għalihom Jiena għandi Kompassjoni profonda u kollha Mħabba. L-Imħabba tiġri fil-Vini tiegħi bħal xmara. Il-Kompassjoni tiegħi qatt ma tonqos, minkejja l-fatt li dawn in-nies idawru wiċċhom in-naħa l-oħra.


Jiena Se Nsalvahom mit-Turmenti tal-Infern

Għidilhom, binti, li Jiena sejjer Insalvahom mit-turmenti tal-Infern. Għandi bżonnhom iduru Lejja mill-istat konfuż u mdejjaq tagħhom. Hemm mod wieħed biss għall-imħabba u l-paċi. Dan se jkun fil-Ġenna tal-Art il-Ġdida tiegħi, meta s-Sema u l-Art isiru ħaġa waħda. Possibbli ma jafuħx dan? Jaqaw qatt ma semgħu bil-Wegħda tiegħi tal-qedem? Il-Wegħda tal-Ħajja Eterna, fejn huma, anzi l-umanità kollha li sejra ddur Lejja, se jittellgħu bil-ġisem, bir-ruħ u bil-moħħ, lejn l-Art u s-Sema l-Ġdida, meta dawn jerġgħu jingħaqdu bħala l-Ġenna tal-Art, li ilha mwiegħda lil ulied Missieri. Emmnuni, qiegħed Nitlobkom. Aħsbu ftit. Jekk qatt ma ġejtu esposti għall-Iskrittura Mqaddsa, allura staqsu lilkom infuskom din il-mistoqsija sempliċi: Jekk tħossu l-imħabba f’qalbkom, minn fejn taħsbu li ġejja din? Mhix l-Imħabba li tkun qegħda ġġiegħlek tħossok ġentili, umli, imxennaq għat-tajjeb u ħieles minn kull egoiżmu? Jekk iva, allura din hija l-imħabba li Jiena qiegħed Inwiegħed lil uliedi kollha, li jduru lura Lejja.


Kif l-Ambizzjonijiet tad-Dinja Jħalluk Vojt Minn Ġewwa

Jiena Naf li huwa diffiċli, għeżież uliedi, li temmnu f’dinja differenti minn dik li qegħdin tgħixu fiha bħalissa. Ftakru li din id-dinja nħolqot minn Alla, il-Missier Etern, fejn imbagħad tħammġet mill-għemejjel tal-Qarrieqi. Hu, x-Xitan (Satana), huwa makakk ħafna. Intom, uliedi, ma tafux li l-ambizzjonijiet tad-dinja, żgur li ma jxebbawkomx u ma jissodisfawkomx? Iva, tħossu vojt minn ġewwa li ma tistgħux tispjegawh jew tifhmuh. Mhux veru dan? U mbagħad tistinkaw għal aktar u aktar. Imma xorta waħda, xorta ma tkunux sodisfatti meta taħsbu li suppost tkunu sodisfatti. Tafu għaliex jiġri dan kollu? Ħaristu f’qalbkom u staqsejtu għaliex? Tassew, għaliex? It-tweġiba hija sempliċi ħafna: Alla Ħalaq lill-umanità. L-umanità ġiet ittantata mix-Xitan. Ix-Xitan jeżisti f’din id-dinja sabiħa li l-Missier Etern tiegħi Ħalaq mill-Imħabba Safja tiegħu. Sfortunatament hu, x-Xitan, se jibqa’ jeżisti sat-Tieni Miġja tiegħi. Imbagħad se jiġi espost għall-gideb u l-qerq sfaċċat tiegħu, li wera f’uliedi. Madankollu, dakinhar ikun tard wisq għal ħafna minn uliedi, inklużi dawk li mhumiex ċerti jew joqogħdu lura milli jemmnu fil-Ħolqien Divin u Superjuri tas-Saltna ta’ Missieri.


Araw li Ma Tiċħdunix

Agħtuni widen issa! Jiena, Ġesù Kristu, is-Salvatur mibgħut sabiex Nagħtikom it-tieni ċans ħalli tidħlu fis-Saltna ta’ Missieri, isimgħu issa l-Wegħda tiegħi. Isimgħu Leħni, mibgħut bil-Grazzja Divina permezz tal-Viżjonarji u l-Profeti tiegħi fid-dinja tal-lum, u ifhmu li wliedi kollha huma ugwali f’għajnejn Missieri. Dawk li jimxu wara Missieri, huma mberkin, iżda jħossuhom ittortutati għal dawk l-erwieħ li ma jemmnux, u li jirrifjutaw li jisimgħu. Alla hu li Ħalaq id-dinja. Id-dinja ma saritx mix-xejn. Il-bniedem ma vvintax, u lanqas ma seta jivvinta xi Miraklu bħal dan, li x-xjenza qatt mhi ser tkun tista’ tispjega. Is-Sopranaturali Divin, qatt ma jista’ jinftiehem tassew, sakemm l-ulied kollha ta’ Alla, ma jċedux moħħhom, ġisimhom u ruħhom għall-Imħabba Safja li Jiena Noffri. Jekk jogħġobkom, Nitlobkom ilkoll, sabiex ma tiċħdux lill-Ħallieq tagħkom. Jekk jogħġobkom, tisimgħux il-qerq u l-gideb li qalilkom il-Qarrieqi, permezz tad-diviżjonijiet tal-Mażunerija, tal-Illuminati, tal-Profeti Foloz u tal-kulti strambi u kompletament ħżiena, li evolvew minħabba l-innoċenza tal-bniedem.


Ix-Xitan Jeżisti Tassew

L-umanità hija dgħajfa. Anke l-akbar segwaċi qaddisin tiegħi, jaqgħu vittmi tat-tentazzjonijiet kontinwi tax-Xitan. Il-problema hi, li huma, dawk li jfittxu l-pjaċiri tad-dinja, ma jemmnux li hu jeżisti verament. Oħrajn jafu li hu reali u li jeżisti. Dawn huma dawk li Lili jikkawżawli l-akbar Qsim il-Qalb.


Feriti li Qed Jerġgħu Jinfetħu u Jnixxu

Jiena tant qiegħed inbati, li l-Feriti li ġarrabt fil-Kruċifissjoni terribbli tiegħi u li sofrejt, qed jerġgħu jinfetħu u jnixxu mill-ġdid, u qegħdin iħalluni f’Agunija, u bl-akbar Wġigħ fil-Ġisem, fir-Ruħ u fid-Divinità tieghi. Madankollu, Jiena qatt mhu sejjer nieqaf Inħobbkom ilkoll uliedi. Qiegħed Insejħilkom mis-Smewwiet u f’Isem Missieri l-Etern, li Ħalaq lil kull wieħed u waħda minnkom b’Imħabba Safja, sabiex tibqgħu sodi. Qisu li tiċħdu lix-Xitan. Emmnu li hu tassew jeżisti. Aċċettaw dak li qiegħed jagħmel. Iftħu għajnejkom. Jaqaw m’intomx tintebħu bir-rovina li qiegħed iħalli f’ħajjitkom? Possibbli li intom għomja?


Messaġġ lill-Għonja

Lill-għonja Jiena qiegħed Ngħidilkom: ieqfu. Aħsbu u staqsu lil Alla għal mument wieħed biss: ir-rwol tagħkom ta’ kif tinsabu tgħixu l-kmandamenti t’Alla qiegħed jogħġobkom? Tħossu li dan huwa tajjeb? Intom ċħadtuni għad-detriment ta’ dak li hu żejjed fid-dinja? Huma dawn l-istess  pjaċiri u dak li hu żejjed għalikom, li sejjer iħallulkom vojt ġewwa qalbkom. Intom tkunu tafu, u dan ġewwa qalbkom stess, meta ma tħossukomx tajjeb. Madankollu, intom xorta tibqagħu iżżidu fil-kilba għal aktar minn dawk il-wegħdiet vojta u eċċitanti, li jaf joffri l-Qarrieqi, sabiex jisirqilkom ruħkom.


Messaġġ lil Dawk is-Segwaċci tal-Illuminati

Jiena qieġħed Nitlobkom ilkoll, speċjalment dawk uliedi li ġejtu miġbuda ġewwa l-għaqda tal-Illuminati, u entitajiet ħżiena oħra bħal dawn. Ladarba tkunu hemm ġew, intom tirċievu  l-kundanna eterna. Jaħasra, kif m’intomx tifhmu, li dak li ġejtu mwiegħda bi tpartit ta’ ruħkom, huwa gidba? Iva, gidba qarrieqa u tal-biża’. Intom qatt mhu sejrin tirċievu r-rigali mwiegħda minn dan il-Messaġġier Kriminali, li ġej mill-qiegħ tal-Infern. Bħala s-Salvatur tagħkom fuq is-Salib, Jiena tajt Ħajti sabiex insalvakom, mela issa, jekk jogħġobkom, tħallunix Nitlifkom issa. Jien Inħobbkom uliedi. Jiena qiegħed Nibki, hekk kif ninsab Nitlobkom għall-aħħar darba, sabiex Lili ma tiċħdunix, flok tiċħdu lill-Qarrieqi.


Naħfer lil Dawk Kollha li Jmorru Jqerru

Jiena ma nistax Nindaħal fir-rieda ħielsa tagħkom, għax dak huwa wieħed mid-Doni mogħtija lilkom meta twelidtu fid-Dawl ta’ Alla. Jiena sejjer Nerga’ Niġi dalwaqt ħafna, kif bassret l-Iskrittura, u dan aktar malajr milli tistgħu taħsbu tafux. Id-dinja sejra togħdos fid-dlam u d-disperazzjoni. Madankollu, Jiena Naħfer lil kull wieħed u waħda minn uliedi, meta dnubiethom jiġu murija lilhom, ikunu kbar kemm ikunu kbar, jekk l-offizi tagħhom iqerruhom, Jiena Naħfiromlhom u dak il-hin stess waqt il-Qrar. Huma se jidħlu b’ruħhom u b’ġisimhom fil-Ġenna tal-Art, meta s-Sema u l-Art isiru ħaġa waħda, fejn intom ilkoll se tgħixu għall-eternità mal-familji tagħkom, għal dejjem ta’ dejjem.


Il-Wegħdiet li l-Ġenna tal-Art Se Toffri

Le, mhu sejjer jkun hemm l-ebda marda, l-ebda tħassir tal-ġisem, l-ebda ebda dnub: imma Mħabba biss. Din hija l-Wegħda tal-Ġenna tiegħi. Ħadd ma jkun jonqsu xejn. Kulħadd se jgħix fl-armonija, fil-ferħ u fl-mħabba.


L-Infern Jeżisti Tassew

Araw li ma tiċħdux din il-Ħajja Minni, minflok ticħdu l-ħajja li qiegħed iwiegħedkom ix-Xitan! Hu qiegħed jigdbilkom. Jekk issegwu xi triq, fejn Alla, jew Jiena, Ġesù Kristu, s-Salvatur tiegħek, mhuwiex parti minnha, allura tkunu fit-triq tal-kundanna eterna. Intom sejrin twerżqu ​​b’biza’ tal-waħx, meta tindunaw b’dan l-iżball li tkun għamiltu. Dakinhar titolbuni Ħniena, iċċarrtu wiċċkom u tqattgħu xagħrkom, imma peress li kellkom ir-rieda ħielsa, Rigal mingħand Missieri, din qatt ma tista tittieħed mingħandkom, ikun tard wisq. Meta intom tagħżlu din it-triq falza, intom tbatu l-kundanna u tmorru tinħarqu fl-Infern għal dejjem. Din hija ħaġa reali ħafna.


L-Akbar Kundanna Hija li Taf li Qatt Mhu Sejjer Tara Wiċċ Alla

L-akbar kastig etern huwa li fl-aħħar tindunaw li veru hemm Alla. Li Jiena, is-Salvatur tagħkom, Ġesù Kristu, fil-fatt neżisti, imma li f’dak l-istadju, ma jkun baqa’ l-ebda mod sabiex issalvaw lilkom infuskom. Il-familja tagħkom tkun tista’ tħares lejkom min-naħa l-oħra. Meta jiġri dan kollu u tirrealizzaw din l-verità tal-waħx, imbagħad ikun tard wisq. Araw li tiftakruhom dawn il-kliem. L-akbar saħta eterna hija meta wieħed ikun jaf li qatt mhu sejjer jara Wiċċ Alla. Dak ikun l-akbar turment u li se jibqa’ magħkom għal dejjem fin-nar tal-Infern, fejn l-uġigħ huwa kontinwu u ma jaqta xejn. Intom, minflok ma tgawdu l-Ġenna mwiegħda lilkom, minħabba l-gideb tal-Qarrieqi, tispiċċaw fil-kurituri orribbli tal-Infern. Tinsewx, li l-Infern jeżisti tassew u jfisser tbatija eterna.

Jekk jogħġobkom, intom ilkoll li ma temmnux li Jiena qiegħed Nikkomunika mal-umanità, qiegħed Nitlobkom titolbu lill-Qalb Imqaddsa tiegħi. Itolbu kuljum il-Kurunella tal-Ħniena Divina tiegħi fit-3 ta’ wara nofsinhar. Jiena sejjer Inwieġeb għat-talba tagħkom b’Imħabba, li tħossuha dak il-ħin stess. Isa, żommuli Jdejja wliedi. U titilquhiex. Jien Inħobbkom ħafna lkoll, tant li Jiena tajt Ħajti għal kull wieħed u waħda minnkom, sabiex Issalvaw. Din id-darba Jiena Ġej sabiex iġġudikakom. Issa, għalkemm Inħobbkom, Jiena ma nistax nindaħal fid-Don tar-rieda ħielsa li Ngħatatilkom mill-Għażiż Missieri. Nittama li permezz tal-Viżjonarji u l-Profeti tiegħi tal-lum, intom ilkoll fl-aħħar tisimgħu. Qisu li tiftakru li l-Verità hija t-triq għas-salvazzjoni eterna u l-bidu ġdid, meta l-Ġenna tal-Art terġa’ lura fid-Dinja.


Il-Gideb tax-Xitan

Il-gideb, iħajjarkom kemm iħajjarkom għal ħeżen, huwa biss gideb. Dan il-gideb huwa maħsub biex jisraq l-erwieħ maħbuba, li Missieri, l-Ħallieq u li Bih saret id-Dinja, ma jistax Jitlaq minn Idejh.


Is-Salvatur Divin tagħkom, Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM