Konverżjoni

Il-Ħadd, 21 ta’ Novembru 2010 @ 01:30

Konverżjoni.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-21 ta’ Novembru, 2010, fis-1.30 am.


Illum binti, Jiena qiegħed inwassal Messaġġ ta’ Tama u ta’ Paċi lil uliedi kollha, li għandhom mnejn iħossu li dawn il-Messaġġi jirrappreżentaw xi biża’. Mela issa kunu afu, li anke għal dawk minnkom, li jsibuha diffiċli sabiex temmnu Fija, fil-Missier Etern tiegħi u fl-Ispirtu s-Santu, araw li ma tinkwetawx. Ħafna minnkom, uliedi għeżież, tixtiequ temmnu, imma minħabba r-raġunament u l-loġika tagħkom, fejn tevalwaw kollox ibbażat fuq il-ħsieb razzjonali, issibuha diffiċli sabiex temmnu fis-sopranaturali. Qisu li ma tibżgħux. Jekk intom titolbu, anke darba biss kuljum, u titolbu lill-Qalb Imqaddsa tiegħi biex tferra’ l-Imħabba tiegħi fuqkom, intom dalwaqt tħossukom differenti. Ħafna minnkom, dawk li mhumiex żguri mit-twemmin tagħkom, tgħiru għal ħaddieħor li għandhom fidi profonda. Tridu tifhmu li Jien Inħobbkom ilkoll. Jien bħal Ġenitur, kull wieħed minnkom għandu post profond u speċjali f’Qalbi. Qatt m’għandkom tħossukom li m’intomx denji tal-Imħabba tiegħi.

Mela Jiena ma ħabbejtkomx tant, li minn jeddi, tajt Ħajti għalikom, bit-tama li tingħataw t-tieni ċans sabiex terġgħu lura għandi? Uliedi, intom dejjem se tiġu mwarrba mill-oħrajn, talli tesprimu twemmin fil-Ħallieq Divin tagħkom. Meta jiġri dan, ftakru li din hija xi ħaġa li l-bniedem irid isofri fuq din l-art, għall-imħabba tagħkom għalija. Qatt tħallu dan it-twemmin fija, is-Salvatur Divin tagħkom, jiġi fix-xejn, jew jinħeba minn dawk li jħarsu lejkom b’ċerta ħasra. Iva, ħafna minn uliedi, influwenzati mir-raġunar u l-loġika umana, imqiegħda apposta f’ruħhom li issa tinsab magħluqa, sejrin jiddubitaw it-twemmin tagħkom. Biex jinsulentawkom aktar, huma se jiġu mfixxkla bil-fidi tagħkom, u filwaqt li mhux sejrin jammettuha pubblikament, iħossu għira kurjuża għalikom. Din l-għira tinbet miċ-ċertezza li jħossu fihom infushom, li ġewwa ruħhom hemm il-vojt. Ma jiswa xejn kemm iħarsu ġewwa fihom infushom stess, għax huma ma jistgħux jifhmu għaliex qiegħed jiġrilhom hekk. Sadanittant, inti li temmen, sejjer tgħaddi minn umiljazzjoni permezz tal-għajnejn konfużi ta’ dawk li jkunu qed iħarsu lejk b’fidi dgħajfa, jew bla fidi xejn.

Qatt tibżgħu jew tistħu tammettu l-imħabba li għandkom f’qalbkom għal Missier Etern tiegħi. Kunu ċari dwar il-fidi tagħkom. Uru mħabbitkom Għalija bi kburija, sabiex kulħadd jinduna biha. Meta tagħmlu dan, tkunu qegħdin tmexxu lill-oħrajn bl-eżempju tagħkom. Qatt tipprovaw timponu żżejjed permezz ta’ xi raġunament loġiku b’mod aggressiv, it-twemmin tagħkom fuq dawk li ma jemmnux. Minflok, uru lil ħutkom imħabba u appoġġ, anke jekk tafu li dawn jeħtieġu l-gwida. Meta huma jaraw l-onestà li biha tesprimu mħabbitkom Lejja, b’mod miftuħ u bil-ferħ f’qalbkom, huma mbagħad jibdew jistaqsu lilhom infushom. Meta intom tigwidaw lil ħaddieħor, permezz tal-eżempji tal-imħabba, ir-rispett u l-għemejjel tajba tagħkom, huma se jinġibdu lejn id-Dawl. Ħafna nies mhux se jifhmu għaliex mil-ewwel. Imma maż-żmien, u speċjalment bil-qawwa tat-talb tagħkom, huma jersqu Lejja.

Jien Inħeġġiġkom ilkoll sabiex titolbu għall-konverżjoni tal-erwieħ kollha. Dan jinkludi dawk in-nies li intom tafu personalment, li tħossu li għandhom bżonn it-talb minħabba d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom f’din il-ħajja. Itolbu wkoll għall-konverżjoni ta’ dawk l-imsieken uliedi, li ntilfu Minni  minħabba d-Dlam, li jagħmihom għall-Verità. Itolbu speċjalment b’kompassjoni u mħabba għal dawk li jsegwu, b’mod attiv, it-triq tal-Qarrieqi. Huma, aktar minn ħaddieħor, jeħtieġu t-talb tagħkom. Araw li tgħarrfu lil dawk kollha li tiltaqgħu magħhom, id-dettalji dwar kif kull wieħed minnhom jista’ jiġi mifdi, imqar fil-mument tal-mewt, billi jirreċita l-Kurunella tal-Ħniena Divina. Jekk jogħġobkom u jekk jogħġobkom, agħtu din lil kull min lest li jisma’. Ħeġġuhom, jekk jazzardaw jaqrawha, u ftakru, għax jekk tagħmlu dan, u huma jirreċitawha fl-aħħar ftit nifsijiet tagħhom, jistgħu, u fil-fatt, sejrin jiġu salvati Minni.


Qatt Tistħu mis-Slaleb li Tilbsu

Qatt tħossukom insulentati meta dawk li ma jemmnux Fija, jiżżuvjettaw jew jiddieħku bikom meta titolbu. Qatt tistħu mis-Slaleb li tilbsu għall-protezzjoni. Taħbux dawn is-simboli tal-imħabba li għandkom Għalija, is-Salvatur Divin tiegħkom, għall-Missier Etern tiegħi jew l-Ispirtu s-Santu. Meta tilbsu bi kburija dawn is-simboli ta’ unur qaddis, intom sejrin tressqu lill-oħrajn Lejja. Minkejja d-disprezz ċar li tistgħu tesperjenzaw minn dawn in-nies, ġewwa fihom huma jgħiru għall-fidi tagħkom. Ħafna minn dawn l-osservaturi jħossu vojt ġewwa fihom, minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom Fija. It-talb uliedi, jista’ jgħinni Nirbaħ lir-ruħhom. Għidu din it-talba għalihom.


It-Talba Ċkejkna tal-Kruċjata (3) Għal Dawk li Ma Jemmnux, u fil-Miftuħ, Jidħku, Jitmejlu u Jċanfru lil Dawk li Jitolbu:

Mulej, Għażiż tiegħi, dirgħajja miftuħin għalik, biex nitolbok tieħu lill-maħbubin ħuti f’Dirgħajk mimlija Tenerezza. Berikom bid-Demm Imqaddes tiegħek u agħtihom il-Grazzja meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jirċievu l-Ispirtu tal-Imħabba tiegħek, biex twassalhom għas-Salvazzjoni Eterna.


Meta intom, dawk li temmnu Fija, tiġu sfidati apertament mill-oħrajn, dwar il-fidi tagħkom, l-ewwel għidu din it-talba:


Jiena segwaċi ta’ Kristu, li sofra l-Mewt minn idejn dawk li ma jemmnux. Minħabba f’hekk, bħala segwaċi ta’ Kristu, jiena dejjem se nsofri t-tbatija minn ħaddieħor minħabba l-imħabba tiegħi Għalih. Dak huwa s-salib li nġorr u jien kburi b’dan il-fatt. Hu, is-Salvatur tiegħi, Miet mhux biss għal dnubieti, iżda wkoll għal tagħkom.

Meta dawn jiftaħru bil-fatt li huma agnostiċi jew atei, għidulhom hekk: Staqsuhom jekk humiex sejrin iħossuhom differenti, meta ħajjithom fuq din l-art tkun qegħda toqrob lejn tmiemha. Imbagħad agħtuhom dan il-parir: Fuq is-sodda tal-mewt tiegħek ftakar f’din it-talba tal-Ħniena Divina, anke jekk għadek inċert. Issa araw li intom tiftħu qalbkom u titolbu lill-Missier Etern tiegħi sabiex lil dawn in-nies Jaħfrilhom. Ftakru fil-Wegħda tiegħi: Bħala Mħallef, kif ukoll bħala s-Salvatur tagħkom, Jiena sejjer nibqa’ Naħfer sal-aħħar nifs ta’ kull wieħed u waħda minn uliedi fuq din l-art. Staqsuhom sabiex jitolbu bil-qawwa kollha, ħalli jkunu jistgħu jiftħu qlubhom imqar darba waħda biss. It-talb iwassal lil uliedi kollha eqreb lejn is-Saltna tiegħi fuq din l-art, meta s-Sema u l-Art sejrin jingħaqdu flimkien bħala ħaġa waħda. Il-qawwa tat-talb tinftiehem tassew biss, meta wliedi jiftħu qlubhom u jsejħuli. Itolbu, u jekk tkun ir-rieda t’Alla, it-talb tagħkom jiġi mwieġeb.


Qatt Iċċaħħdu lil Uliedkom mis-Sagrament tal-Magħmudija

Fl-aħħarnett, itolbu għat-tfal żgħar, għal uliedkom, subien u bniet, u għaż-żgħażagħ fid-dinja. Kull wieħed minnhom jistħoqqlu li jintwera l-Verità. Dawn, ma ntwerewx il-Verità tal-Imħabba t’Alla jew ma ngħatawx gwida mill-ġenituri tagħhom minħabba d-dlam spiritwali, li eżista fid-dinja matul dawn l-aħħar żewġ deċennji. Anke jekk il-fidi tagħkom hija dgħajfa, taħarbux mid-dmir tagħkom bħala ġenituri, li tagħtuhom aċċess għas-Sagramenti, speċjalment il-Magħmudija. Qatt tkunu intom responsabbli li ċċaħħdu dan is-Sagrament l-aktar importanti lil uliedkom stess. Ħafna ġenituri li jiftaħru bi kburija, il-fehmiet tagħhom dwar in-nuqqas ta’ twemmin Fija, qegħdin jagħmlu ħsara lill-erwieħ ta’ wliedhom. Agħtu lil uliedkom ir-Rigal tas-Sagramenti. Maż-żmien, huma jew jirringrazzjawkom għal dan, jew jiċħduni. Imbagħad dak ikun jiddependi minnhom. Iċħduni intom jekk tridu, imma qisu li ma tisirqux l-erwieħ ta’ wliedi. Intom tistgħu biss tkunu l-ġenituri tagħhom f’din id-dinja, imma huma wlied Missieri l-Etern, il-Ħallieq li Bih sar kollox. Tippruvawx teħduhom fid-Dlam magħkom. Ftakru mill-ġdid, li minkejja t-twemmin tagħkom stess, hu x’hinu, Jien inħobbkom ilkoll.


Is-Salvatur u l-Imħallef Divin tagħkom,
Ġesù Kristu,
Bin il-Missier Etern


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM