It-Taraġ tal-Perfezzjoni Spiritwali

L-Erbgħa, 24 ta’ Novembru 2010 @ 02:30

It-Taraġ tal-Perfezzjoni Spiritwali.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-24 ta’ Novembru, 2010, fis-2.30 am.


Ikteb hekk maħbuba binti. Il-fidi għandha ħabta kif tabbanduna lis-segwaċi l-aktar devoti tiegħi, meta huma l-inqas li jkunu qed jistennewha. Din hija ħaġa mportanti, sabiex tittestja l-fidi tagħhom, ħalli terġgħu lura f’Qalbi, aktar b’saħħithom minn qabel, minħabba din l-esperjenza. Tibżgħux, din hija prova, li Jiena Nħalli lil uliedi jissaportu sabiex isiru aktar sodi. Mhux faċli li żżommu l-fidi tagħkom Fija uliedi, għaliex tant hemm ostakli li jimblokkaw id-devozzjoni tagħkom. Minn żmien għal żmien, intom tħossu vojt kbir f’ruħkom. Dan jista’ jħallikom fi stat aġitat, għax tħossukom waħedkom u mingħajr appoġġ ta’ xejn.

Lis-segwaċi fidili tiegħi, hemm bżonn li tifhmu dan: Minkejja s-solitudni li tistgħu tesperjenzaw, Jiena qatt ma Nkun ’il bogħod. Dawn l-episodji kollha għandhom għan wieħed: li jsaħħu l-fidi tagħkom b’tali mod, li jiżguraw li intom tersqu ftit passi oħra Lejja kull darba. Dan huwa dak li jissejjaħ it-taraġ tal-perfezzjoni spiritwali, li hija s-Sema. Huwa taraġ twil u jista’ jieħu ħafna żmien biex intom tilħqu t-taraġ sa fuq nett. Kull pass jista’ jirrappreżenta xi rivelazzjoni ġdida, dwar liema lezzjonijiet ikollkom tesperjenzaw, qabel ma tkunu tistgħu tiksbu l-grazzji li teħtieġu, sabiex ruħkom titla  aktar lejn il-perfezzjoni spiritwali meħtieġa, biex tidħlu fil-Ġenna ta’ Missieri. Ma’ kull tarġa li titilgħu, intom tindunaw b’għarfien ġdid li Jiena nistenna minnkom. Xi drabi jista’ jidher diffiċli, u xi drabi oħra inġust. Imma għal kull tarġa li titilgħu, intom aktar sejrin issiru għaqlin biex tifhmu l-Verità tat-Tagħlim tiegħi.

Xi wħud jitilgħu dawn it-tarġiet malajr, filwaqt li oħrajn jieħdu l-ħin tagħhom. Xi wħud mis-segwaċi devoti tiegħi, jistgħu jitilfu l-kuraġġ u jirtiraw tarġa waħda l-isfel, żewġ tarġiet, jew anke tlieta lura kull darba. Dan huwa naturali. Oħrajn li jitilgħu malajr wisq, jistgħu jiksbu l-kunfidenza li tikkonvinċihom li huma jifhmu l-kwistjonijiet spiritwali kollha. Imma dan huwa l-mod tal-Qarrieqi, sabiex iġegħelkom temmnu u taċċettaw din il-kunfidenza falza. Ir-rigali kollha mogħtija lilkom jistgħu jiġu biss Minni. Jingħataw lilkom, is-segwaċi fidili tiegħi, mill-Imħabba bla limiti tiegħi għalikom. Qatt m’għandkom tassumu, li għax il-fidi tagħkom hija soda, dan kollu ġej minn għemilkom. Iva, il-fidi tagħkom tista’ tkun qawwija minħabba t-tjubija ta’ qalbkom. Madankollu, din hija wkoll Don Minni. Sabiex tilħqu l-aħħar tarġa ta’ fuq nett, tridu tkunu umli fl-imħabba tagħkom Għalija. Araw li turu virtù l-ħin kollu.

Qisu li turu fiduċja fil-fidi tagħkom b’kull mezz, għax dan Lili Jogħġobni. Imma araw li qatt ma taqgħu fin-nasba li temmnu, li intom tafu l-misteri kollha tar-Realtà Divina. Bħala bnedmin imwielda bid-dnub oriġinali, iż-żmien biss sejjer jiżvela dawn il-misteri lilkom, uliedi. Intom stinkaw dejjem sabiex taċċettaw kollox, anke l-provi li Jiena Nista’ Nibgħatilkom, bħala Don Mingħandi. Ir-Rigali kollha tiegħi huma mogħtija sabiex jissodawkom fl-imħabba tagħkom Għalija. Jiena Kburi ħafna b’uliedi kollha li jemmnu Fija, u juruni unur u rispett. Sabiex inkun nista’ ngħollikom għall-Glorja sħiħa tal-Ġenna ta’ Missieri, intom tridu taspiraw għall-glorja tal-għaqda perfetta Miegħi. Biex tagħmlu dan uliedi, intom tridu tieħdu ftit talż-żmien, u tieħdu paċenzja, qabel ma ċċedu l-abbandun totali ta’ ruħkom Lili. Imbagħad, ladarba jiġri dan, intom issiru parti mill-Ġisem Mistiku tiegħi għall-eternità. Qisu li ċċedu uliedi, għall-Imħabba Safja u Assoluta tiegħi, sabiex qatt ma jkollkom għalfejn tħarsu lura jew tibżgħu, għax intom tkunu fis-sigurtà ta’ Dirgħajja. Ibqgħu sodi, wliedi fidili tiegħi, anke meta tiffaċċjaw l-ostakli, għax Jiena qatt mhu sejjer Nabbanduna lis-segwaċi devoti u għeżież tiegħi. U dan qatt u qatt.


Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM