Appell lil Dawk li Jemmnu Fija Sabiex Jikkonvertu lill-Erwieħ Mitlufa.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tas-26 ta’ Novembru, 2010, fit-3 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, it-Trinità Mqaddsa qiegħda tingħaqad miegħek ħaġa waħda, sabiex inti tmexxi 'l quddiem il-Verità Divina, lil kull persuna fid-dinja, u dan neċessarjament urġenti. Inti binti, issa qiegħda tħoss l-uġigħ u t-tbatija f’qalbek, u dan hekk kif inti tinsab f’għaqda Miegħi għall-umanità. It-telfien tal-fidi tagħhom, qegħda ġġiblek dwejjaq kbar, u sens ta’ biża’ hekk kif tinsab inkwetata għall-futur tagħhom. Is-segwaċi leali u devoti tiegħi, bħalissa qegħdin jingħaqdu flimkien madwar id-dinja, permezz tar-rabta tagħhom mal-Imħabba Divina u qawwija tiegħi, sabiex jikkumbattu, ħalli jsalvaw l-erwieħ (nies ħajjin) mit-telfien ta’ dejjem. Dawn uliedi tad-Dawl, ġejjin minn kull nazzjon. Huma jagħrfu lil xulxin mill-ewwel, irrispettivament mir-razza, l-kulur jew it-twemmin tagħhom. Jiena qiegħed Niggwidahom, sabiex din l-Armata ta’ Mħabba, tgħin ħalli ssaħħaħ il-fidi tal-umanità, f’dan il-mument tal-istorja. Jiena qatt qabel ma għamilt il-Preżenza tiegħi, daqshekk evidenti fil-qlub ta’ dawk li jemmnu Fija. Huma qegħdin iħossu t-tbatija li Nissaporti Jiena, hekk kif qed Nara l-krudeltà ta’ qsim il-qalb, li toħroġ mill-bniedem, anke minn fost dawk li wieħed jista’ jqishom ta’ qalbhom tajba, u li jimpurthom mill-oħrajn. L-imħabba lejhom infushom qegħda teqridhom lil dawn uliedi.
L-egoiżmu u n-nuqqas ta’ konsiderazzjoni għal dawk ta’ madwarkom u għall-vulnerabbli qegħdin joħolqu tebgħa tal-mistħija, li diffiċli titħassar. Il-krudeltà li l-bniedem qiegħed juri lill-proxxmu tiegħu, u dan kollu b’motiv wieħed f’moħħu, jiġifieri s-sodisfazzjon personali tiegħu, issa laħqet l-ogħla livell tagħha. Il-fissazzjoni għall-bżonnijiet tagħhom biss, hija dnub f’għajnejn Missieri l-Etern. Tant skużi foloz, magħmula f’isem l-istima personali, huma kompletament inaċċettabbli u kontra t-Tagħlim tiegħi. Issa araw li tħobbu lil xulxin. Ittrattaw lil ħaddieħor, kif tistennew li tiġi ttrattati intom stess. Aħsbu fil-bżonnijiet ta’ ħaddieħor qabel tagħkom. Iddefendu d-drittijiet umani ta’ ħutkom, meta dawn jiffaċċjaw l-inġustizzja minn ħaddieħor. Qisu li qatt ma tiġġustifikaw li tikkastigaw imqar xi persuna waħda, sabiex tiksbu xi vantaġġ materjali. Uru mħabba u kompassjoni, anke lejn l-għedewwa tagħkom.
Jiena Naf li din mhix xi biċċa xogħol faċli, u dan minħabba l-insigurtajiet materjalisti li jħossu wliedi. Is-sintomi tal-ossessjoni egoistika biex takkwistaw il-ġid, is-sbuħija personali u l-hekk imsejjaħ suċċess, fejn ħafna nies jemmnu li huma attributi naturali tal-ħajja umana, qed jikkawżaw konfużjoni terribbli. L-idea fejn in-nies jiġu mbuttati, biex ipoġġu l-ewwel il-bżonnijiet tagħhom stess, u dan f’isem l-istima personali, ilha tnibbet fil-psike umana għal żmien twil, iżda din il-filosofija ġiet imsaħħa bil-qawwa tal-komunikazzjoni moderna. Meta wliedi jisimgħu dawn it-tip ta’ messaġġi, kważi ta’ kuljum, permezz tat-TV, il-midja, iċ-ċinema, il-mużika u l-internet, jibdew jaċċettaw dawn il-messaġġi bħala importanti.
Minkejja l-wegħda falza li dan it-tip ta’ twemmin jirrappreżenta, fejn jidher attraenti, għax joffri sodisfazzjon personali, u fejn huwa diffiċli li tiċħdu, uliedi xorta jaċċettaw din il-gidba, il-gidba li tħawlet mill-Qarrieqi, jiġifieri x-Xitan (Satana). Id-dwejjaq li dawn iħossu wara ftit, wara li jkunu ħadu vantaġġ minn xi ħadd ieħor, huwa diffiċli għalihom biex jifhmuh. Dawn uliedi, wara li jkunu rebħu l-premju mixtieq, xorta ma jkunux kuntenti. Allura mbagħad, huma jkomplu jfittxu aktar u aktar, sabiex jagħmlu l-istess, għaliex ma jkunux jistgħu jaqtgħu l-aptit tagħhom. Iżda dan ikun kollu ta’ xejn. Għaliex qatt ma jistgħu jissodisfaw lilhom infushom għal kollox. Huma jkunu dejjem nieqsa mill-ferħ veru, mill-kuntentizza naturali, u ma jifhmux għaliex iħossu l-vojt ġewwa fihom.
Meta xi ħadd ipoġġi lilu nnifsu l-ewwel u qabel ħaddieħor, dan huwa egoist. Meta xi ħadd jieħu vantaġġ inġust fuq dawk li huma aktar dgħajfa u vulnerabbli minnu, dan ikun dnub. Meta xi ħadd jagħmel ħsara lill-abbiltà ta’ persuna oħra li tgħix b’dinjità, u mbagħad anke iċċaħadha mid-dritt li titma’ lill-familji tagħha b’mod adegwat, dan Lili Joffendini bil-kbir. Jiena Nbati ma’ dawn l-erwieħ (nies ħajjin). Meta intom tagħmlu ħsara lill-proxxmu tagħkom, dan tkunu qegħdin tagħmluh Lili. Meta tweġġgħu lill-proxxmu tagħkom permezz ta’ kliem kattiv, intom tkunu ħatja li Lili tikkawżali uġigħ f’Qalbi. Meta bniedem jikkastiga lill-bniedem ieħor permezz tal-vjolenza, Jiena Nerġa’ Nissaporti l-uġigħ tal-Passjoni tiegħi fuq is-Salib. Nerġa’ Ngħixu mill-ġdid. Jiena Nħoss l-Uġigħ tagħhom, hekk kif intom tkunu qegħdin tagħmlulhom ħsara fiżika. Imbagħad meta intom toqtlu, intom tkunu ħatja tal-insult finali, li Lili Ssammruni mas-Salib.
Uliedi, araw li kunu tafu b’dan: Id-dnub iwassalkom għall-Infern. Dan huwa tal-biża’ għal dawk li jemmnu Fija u li jarawni bħala l-Imħallef Ħanin. Il-Wegħda tiegħi ta’ Ħniena bla Limitu, li se nagħti lil kull wieħed u waħda minnkom li jindmu minn dnubiethom, tibqa’ garantita. Imma jiena kif Nista’ Nsalva lil dawk li mhux sejrin jaraw l-iżball fil-ħajja mħawda tagħhom? Li Jiena Nipprietka l-Verità tat-Tagħlim tiegħi huwa importanti. Huwa minħabba ġibda ta’ tant distrazzjonijiet, li huma tant abbundanti, li ħafna minn uliedi se jsibuha diffiċilissima sabiex jagħrfu l-Kelma t’Alla. Ħafna nies mhux se jaslilhom l-għarfien tat-Tagħlim t’Alla permezz tal-Profeti jew permezz tal-Iskrittura Mqaddsa. Ħafna oħrajn, sempliċement ma jridux ikunu jafu. Għal nies oħra mbagħad, dawn sejrin jirrifjutaw li jisimgħu, anke jekk il-Kelma tinxtered permezz tal-Profeti u l-Viżjonarji tiegħi tal-lum, b’sinjali ċari ħalli kulħadd jarahom. Huwa għalhekk, li issa dawn sejrin ikun f’idejn dawk li jemmnu Fija, sabiex jitolbu għall-oħrajn. Issa talb speċjali huwa meħtieġ. Billi titolbu l-Kurunella tal-Ħniena Divina, it-talba qawwija mogħtija lil maħbuba Sor Faustina, din sejra ġġib ħafna konverżjoni. Sabiex mbagħad dak jiġri, Jiena qiegħed Nitlob li wliedi kollha jerġgħu jingħaqdu fi gruppi tat-talb, ħalli jkomplu jitolbu u joffru gwida lil dawn l-ulied ħalja tiegħi, ħutkom stess, subien u bniet. F’Ismi u f’Isem it-Trinità Mqaddsa, Inħeġġeġ lil uliedi l-maħbuba, biex jingħaqdu flimkien u ma’ Qalbi, ħalli tgħinuni Nsalva r-ruħ tagħhom. Jiena Nħobbhom ilkoll, tant li Nibki Dmugħ ta’ Niket, ta’ Diżappunt u ta’ Twerwir għalihom. Jiena ma rridx Nitilfuhom.
Għinuni, intom is-segwaċi tiegħi tad-Dawl, sabiex nerġgħu ngħaqqdu dawn l-erwieħ mitlufa mal-Familja tiegħi, sabiex huma wkoll jesperjenzaw il-Ġenna Vera, li huma tant jinsabu jistinkaw għaliha. Oħorġu jdejkom lejhom. Tkellmu magħhom. Isimgħuhom. Uruhom kompassjoni, anke meta din huma jitfgħuhielkom lura f’wiċċkom b’disprezz. Qisu li turuhom paċenzja. Fuq kollox ġegħeluhom iħossu l-Imħabba tiegħi għalihom permezz tagħkom. Huma mbagħad, se jsibuha diffiċli li jkeċċukom, anke jekk jiddieħku bikom. Permezz tat-talb tagħkom, intom tistgħu, u fil-fatt sejrin ssalvaw lir-ruħ tagħhom. Insellmilkom, intom is-segwaċi prezzjużi tiegħi. Inthom Iġġibuli d-Dmugħ f’Għajnejja bl-imħabba u d-devozzjoni li turu Lili, lill-Ommi l-Mbierka, ir-Reġina tas-Smewwiet u lit-Trinità Mbierka. Aħna, u l-Anġli u l-Qaddisin kollha fis-Smewwiet, issa qegħdin Nifirħu bit-tweġiba tagħkom għal din is-sejħa. Morru mela u agħmlu x-xogħol tagħkom f’Isem Missieri l-Etern. Ġibu lura l-Merħla tiegħi.
Id-Devot Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu