Il-Ħajja li Jmiss.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-11 ta’ Diċembru, 2010, fid-9.15 am.
Maħbuba binti l-għażiża, inti issa lesta biex timxi 'l quddiem u tkompli bil-Kompitu li tlesti l-Ktieb tal-Verità Imqaddes tiegħi. Inti binti, kont għaddejja mit-tisfija meħtieġa sabiex Jien Inqawwik għal dan ix-Xogħol. Uliedi, tant maqbuda f’dinja bħalissa maqsuma fi tnejn, mhux qegħdin jintebħu li dalwaqt kollox se jsir ħaġa waħda. Iż-żewġ partijiet jinvolvu n-niket u l-ferħ. In-niket jeżisti fid-dinja b’tali mod li qiegħed jikkawża konfużjoni u disperazzjoni profonda. Dan huwa niket differenti minn kwalunkwe niket ieħor, sa mill-ħolqien tad-dinja. In-niket li qiegħed jinħass illum huwa bbażat fuq it-telf, li seħħ minħabba li ttieħdu l-affarijiet materjali. Hemm ukoll ix-xenqa għall-paċi fil-moħħ, fil-ġisem u fir-ruħ. Dan iseħħ biss permezz tal-umiltà, l-aċċettazzjoni u l-imħabba tal-Missier Etern tiegħi. Imbagħad hemm il-ferħ. Jiena Nitbissem bl-Imħabba meta wliedi jidħku, jitbissmu u jieħdu gost. Dan huwa Rigal Mingħandi. Id-daħk u l-ferħ huma Doni importanti għall-umanità ladarba jkunu puri u mhux ta’ detriment ta’ wieħed fuq l-ieħor.
Uliedi ta’ fidi ċkejkna, naf li huwa diffiċli li tieqfu u tgħidu: Sejjer nerġa’ ndur lura lejn Alla. Ħafna minnkom ma tafux Min hu l-Missier Etern. Ftit jifhmu li Hu qiegħed jieħu ħsiebkom kull jum ta’ ħajjithom, kull wieħed u waħda minnkom. Hu Jitbissem, Jidħak u Jħoss sens kbir ta’ Ferħ meta wliedu jkunu kuntenti. Madankollu, Hu ma Jħarisx bi ħlewwa lejn dawk li l-ferħ tagħhom, jew li jagħmlu tabirruħhom ferħanin, inkiseb mingħajr l-imħabba f’qalbhom. Jiena, is-Salvatur tagħkom, Ġesù Kristu, Inħobbkom ilkoll, uliedi wkoll. Madankollu, Jiena ħaġa waħda mal-Missier Etern tiegħi. Jiena Nitbissmilkom ilkoll u Nittama li terġgħu lura Għandi. Ejjew Għandi wliedi, ejjew magħqudin ħaġa waħda u ersqu Lejja b’qalb miftuħa. Għal ħafna minn uliedi, l-Messaġġi li jirreferu għat-Tieni Miġja tiegħi fid-dinja, iġġegħelhom jibżgħu f’qalbhom. M’hemmx għalfejn tibżgħu. Dan se jkun mument ta’ ferħ perfett, glorja u hena safja. Għaliex għalikom ilkoll, li tinsabu ddawru qlubkom lura Lejja, Jien Inħaddankom f’Dirgħajja u Nibki Dmugħ ta’ Ferħ. Jekk jogħġobkom, intom li temmnu Fija, jekk jogħġobkom itolbu issa, għal dawk li ma jemmnux jew li tilfu triqthom. Ir-ragħaj li jiġbor il-merħla tiegħu, bla waqfien jistinka u jfittex sabiex isib lil dawk in-nagħaġ mitlufa. Il-ħlewwa pjaċevoli tar-rebħa li jħoss, meta jerġgħu lura fil-maqjel tan-nagħaġ tiegħu, hija simili għal dik is-sensazzjoni li Jiena Nħoss meta wliedi mitlufa jerġgħu lura Għandi.
Uliedi, anke waqt dawk il-mumenti ta’ ferħ u daħk f’din l-art, jekk jogħġobkom ftakru ħaġa waħda: Dan huwa biss raġġ wieħed mill-hena u l-ferħ innoċenti li se jeżistu fuq l-Art il-Ġdida meta titfaċċa l-Ġenna l-mitlufa. Meta jiġri dan, il-poplu l-magħżul tiegħi, dawk li jgħixu ħajja tajba, li jemmnu fil-Ħallieq tagħhom, sejrin jingħaqdu mal-mejtin irxoxtati. Dawk in-nies, ħbieb u familjari, li jkunu ħallew din il-ħajja, se jingħaqdu miegħi f’din l-Eternità Glorjuża u Ġdida. Ftakru uliedi, kemm huwa mportanti li ma tieħdux din id-dinja biss bħala xi dritt ta’ fatt. Lanqas tassumu li intom tikkontrollaw kollox, għaliex dan mhuwiex veru. Hekk kif tibqgħu tkunu kkonsmati mill-wegħdiet, id-diżappunti, il-ferħ u l-għeġubijiet tad-dinja, ftakru li huwa biss post temporanju. Stadju li jgħaddi, qabel ma tidħlu fis-Saltna ta’ Missieri: is-Sema u l-Art il-Ġdida, li sejrin jingħaqdu ħaġa waħda. Sejħa waħda tal-aħħar uliedi: Itolbuni fi kliemkom stess. Staqsuni sabiex Niggwidakom. Staqsuni sabiex Nurikom l-imħabba u l-Verità, b’tali mod li tistgħu tifhmuni. Tħallux raskom midfuna fir-ramel, għaliex inkella ma tgawdux il-glorja tad-Dinja l-Ġdida.
Triq Vojta li Ma Twassal Għal Imkien
Dwak uliedi li jidħqu Bija u jwarrbuni, jgħidulek li m’hemm l-ebda ħajja oħra wara din. Nassigurakom li huma, mhux biss qegħdin iċaħdu lilhom infushom mid-dħul fil-Ġenna, iżda minflok qegħdin jagħżlu triq oħra li hija vojta u li ma twassal għal imkien. F’xi każijiet, dawn qegħdin isegwu l-gideb tal-Qarrieqi, ix-Xitan, li jimxi b’mod tant sieket, imma b’ħila fatali, li huma, billi ma jemmnux li jeżisti, isegwuh bl-addoċċ, waqt li jibqgħu iżommulu jdejh sa ma jaslu ġewwa l-bibien tal-Infern.
It-Tbatija Tiegħi fil-Ġnien tal-Ġetsemani
Meta dawk li jemmnu Fija jaraw lil dawn l-imsejkna nies mexjin wieqfa mdandna u b’arroganza, u jiftaħru bl-ateiżmu tagħhom, dawk li jemmnu Fija jħossu tbatija terribbli fihom infushom. Dawn huma dawk li refgħu s-Salib tiegħi, li jinsabu jħossu l-Agunija li Jiena Sofrejt matul il-ħin tiegħi fil-Ġnien tal-Ġetsemani. Hawnhekk kien fejn Jiena sirt Naf, li anke jekk minn jeddi, Jien għamilt is-Sagrifiċċju aħħari tiegħi, meta Jien Aċċettajt il-Mewt bħala mezz, sabiex Nagħti ċans lil uliedi jirbħu post fis-Saltna ta’ Missieri, Jien sirt Naf ukoll, fil-fond ta’ Qalbi, li dan ma kien se jagħmel l-ebda differenza għal xi wħud minn uliedi. Din kienet l-agħar Agunija u dik li ġegħlitni Negħreq l-Għaraq tad-Demm. It-Twerwir li Ħassejt għal dawk l-erwieħ mitlufa għadu jeżisti Fija sal-lum. Dawk minnkom li tistaqsuni: Jekk inti Alla, jew jekk inti Ġesù Kristu, allura żgur li tista’ tagħmel xi ħaġa? It-tweġiba tiegħi hija: Sintendi li Nista’, ħlief għal ħaġa waħda biss... Jiena ma nista’ qatt nindaħal fir-rieda ħielsa tagħkom mogħtija lill-bniedem. Uliedi stess iridu jagħmlu din l-għażla finali tagħhom, skont ir-rieda ħielsa tagħhom stess.
Kristul-Maħbub tagħkom,
Is-Salvatur tagħkom Ġesù Kristu