Il-Ktieb tal-Verità

Is-Sibt, 18 ta’ Diċembru 2010 @ 09:40

Il-Ktieb tal-Verità.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-18 ta’ Diċembru, 2010, fid-9.40 am.


Inti allura issa taf, li dak li Jien Inwiegħed iseħħ tassew. Bgħattlek direttur spiritwali, il-persuna li Jiena Għażilt mill-bidu nett tal-vjaġġ tiegħek. Dan sejjer jieħu ftit taż-żmien, sabiex dawk il-ftit magħżula, jaċċettaw il-Kalċi tax-Xogħol tiegħi. Binti, inti għandek bżonn direttur spiritwali, sabiex il-Messaġġi tiegħi jkunu jistgħu jinftiehmu tajjeb minn xi Saċerdot tiegħi. B’dak il-mod, il-Kelma tinfirex, u n-nies jindunaw bil-Verità. Għalik, din se tkun trejqa mimlija ħotob u passaġġi oħra qosra, li se jidhru f’daqqa waħda quddiemek, sabiex jeħduk f’direzzjoni differenti, imma inti m’għandekx għalfejn tibża’. Bħalissa inti qiegħda tiġi Ggwidata Minni u se tħoss kunfidenza akbar għax-Xogħol tiegħek.

Issa ikteb dan: Il-Ktieb tal-Verità qiegħed jiġi ppreżentat lill-umanità sabiex jgħinhom jifdu lilhom infushom ġewwa Qalbi. In-nies qegħdin jingħataw l-għażla, jekk iridux li jiddikjaraw il-Glorja tiegħi qabel ma Jiena Nerġa’ Niġi Lura bħala s-Salvatur Ħanin u l-Imħallef Ġust. Jiena qatt ma rrid Nikkastiga lil uliedi, imma f’ċerti ċirkostanzi, dawk li jissieħbu mal-Qarrieqi u jkunu jafu sew x’qegħdin jagħmlu, waqt li jagħtuh, flimkien lill-qaddejja krudili tiegħu, tant stima, sal-punt li anke jagħtuh ġieħ quddiem l-artali tiegħi, dawn ma jistgħux jiġu salvati. Huma stess jafu min huma. Dawn se jsibuha diffiċli ħafna biex jerġgħu lura Għandi. Araw li titolbu għalihom.


Lil Min Jattakka x-Xitan

Il-Qarrieqi issa, ftit li xejn fadallu żmien fid-dinja, sabiex joħloq ħerba, u għalhekk qiegħed jintensifika l-attivitajiet tiegħu kullimkien. Huwa jimmira biex jattakka l-aktar lil-Qaddejja Sagri (is-Saċerdoti) tiegħi fil-Knisja ta’ Missieri, liż-żgħażagħ, kif ukoll in-nies sbieħ u dawk intelliġenti ħafna. Dawk li sejrin jibqgħu jiftaħru li ma jemmnux Fija jew fil-Missier Etern tiegħi, sejrin jingħataw ċans wieħed ieħor biss, sabiex jiftħu qlubhom. Jien Inweġġa’ Nħares lejhom. Dan kollu qisu bħal meta wieħed ikun qiegħed jara karozza mimlija nies, uliedi prezzjużi, u jkunu qegħdin isuqu waqt ċpar qawwi, waqt li jkunu ħdejn xifer l-irdum. Huma jkunu ħadu t-triq ħażina u issa, filwaqt li qed jaħsbu li sejrin lura lejn il-kumdità ta’ djarhom, waslu sabiex jintefgħu mill-irdum għal isfel, fid-dlam ċappa u mingħajr ebda tama.


Il-Profeziji Mbassra Issa Sejrin Jiġu Żvelati

Biex inti ġġiegħel lil uliedi jisimgħu, mhux se tkun xi ħaġa faċli, binti l-maħbuba. Inti trid tippersisti minkejja l-ostakli. Il-paċenzja hija importanti. Dawn il-Messaġġi huma prezzjużi ħafna, u mimlija mħabba, kif ukoll twissijiet. Dawn uliedi, jridu jieqfu u jifhmu, li l-Profeziji mbassra minn tant żmien ilu, issa sejrin jiġu żvelati. Dawn il-ġrajjiet dalwaqt se jseħħu fuq din l-art, u ż-żmien li baqa’ issa huwa qasir tassew. 


Jiena Qatt Mhu Sejjer Niżvela d-Data tat-Tieni Miġja Tiegħi

Le, maħbuba binti, Jiena qatt mhu sejjer niżvela lilkom id-data tat-Tieni Miġja tiegħi, għax dik mhix affarikom. Imma qabel ma Nerga’ Niġi, Jiena qiegħed Nikkomunika mad-dinja kollha issa, sabiex inkun Nista’ Nuri lil uliedi l-Ħniena Ġusta tiegħi.


Ommi Qiegħda Taħdem f’Ismi

Il-Maħbuba Ommi, li qiegħda Taħdem f’Ismi, tinsab ixxerred il-Messaġġi permezz tal-Viżjonarji magħżula. Profeti oħra magħżula, jinsabu jsofru privatament, għażla magħmulha minnhom stess, sabiex isalvaw l-erwieħ (nies ħajjin). Jiena Nippermettilhom li jsofru l-istess Uġigħ tiegħi, u dan bħala ġest ta’ ġenerożità enormi minn dawn il-fidili l-aktar devoti tiegħi. Huma jinsabu responsabbli għas-salvazzjoni ta’ ħafna erwieħ. Fuq kollox, huma mhux biss qegħdin isofru t-tbatijiet li ssaportejt Jien fuq is-Salib, imma qed iħossu l-istess Uġigħ li qiegħed insofri Jien llum. Barra minn hekk, huma qegħdin isofru wkoll ir-redikoli, l-abbużi u t-tgħajjir, minn żmien għall-ieħor. Madankollu, permezz tal-umiltà tagħhom, huma jistgħu jissaportu kollox fis-skiet u fil-moħbi, jew f’xi minn daqqiet, quddiem kulħadd ukoll. Oħrajn, il-Qaddejja Sagri tiegħi, li jagħżlu ħajja ta’ solitudni, Lili qegħdin iservuni bil-kbir. Is-sagrifiċċju speċjali li huma qegħdin jagħmlu, ta’ ċaħda tagħhom infushom, ukoll tgħin sabiex issalvaw l-erwieħ. 


Id-Doni Mingħand Alla Meħuda Bħala Xi Dritt ta’ Fatt

Il-komunikazzjoni tal-Verità f’dinja moderna, fejn it-teknoloġija ittellgħet daqshekk fil-għoli li tistordik, hija diffiċli. Leħni ġabuh qisu biss tnehida, li bil-kemm jinstema’ fid-deżert, imwarrab fil-ġenb mill-eċċitament tal-ħajja. Uliedi mhux qegħdin jifhmu l-għeġubijiet kollha li jsiru għall-ġid tal-bniedem, permezz tat-teknoloġija, huma Rigal mill-Missier Etern. L-għeġubijiet kollha fl-iżvilupp tal-mediċini, għall-ġid tal-umanità, huma wkoll Rigali. Madankollu, dawn ir-Rigali jittieħdu bħala xi dritt ta’ fatt, għaliex uliedi jaħsbu li dan kollu huwa biss xogħol il-bniedem, imma dan mhux hekk.


Id-Don tal-Intelliġenza

Bħad-Don tal-kant, id-Don tal-intelliġenza, huwa Don mis-Saltna Divina, u għaliex huma preċiżament Doni mingħand Alla, huma jiġu fil-mira tax-Xitan (Satana), il-Qerriedi, biex jattakkhom. Huwa permezz tal-influwenza tiegħu, li t-teknoloġija qiegħda tiġi mbagħbsa, sabiex tfarrak u teqred d-dinja. Huwa kemm jidħak bil-qalb, meta jara l-gwerer jinqalgħu, u meta t-teknoloġija tintuża biex tispjuna jew toqtol. Kemm jidħak aktar, meta jara t-teknoloġija fil-mediċini tintuża, mhux biss biex toqtol, iżda biex tiġġustifika l-qtil. Dawn ir-reati kollha tal-biża’ kontra l-umanità, li huma permessi mit-teknoloġija, qegħdin jinħbew wara l-faċċata tal-hekk imsejħa “tolleranza”.


It-Tolleranza Bħala Maskra Għall-Krudeltà

It-tolleranza tista’ tkun l-aktar maskra perfetta għall-krudeltà. Jidher ċar għal kull min hu attent, permezz tat-Tagħlim tiegħi, sabiex jinduna mill-ewwel, meta dawn ir-reati kontra l-umanità jiżvolġu quddiem għajnejh. In-nies qegħdin jinqatlu f’isem it-tolleranza, qegħdin jiġu miċħuda l-libertà tagħhom, u fuq kollox, id-dritt li jiġġieldu għall-ġustizzja morali. O iva uliedi, oqogħdu attenti, b’għajnejkom miftuħin u għassa tagħhom, meta tisimgħu l-kelma “tolleranza” għax hija waħda mill-logħobiet favoriti tal-qerq tax-Xitan.


In-Nies Qegħdin Jonqsu Milli Jiddefendu l-Kristjaneżmu

Minkejja l-komunikazzjonijiet moderni fid-dinja, uliedi qegħdin jonqsu milli jqumu, jammettu li huma Nsara u jiddefendu l-Kristjaneżmu. Dan ġej mil-fatt, li l-biċċa l-kbira tal-Insara, jgħixu fid-dinja tal-Punent. Huma jibżgħu li l-oħrajn sejrin jidħqu bihom u jiġu intimidati. Għandhom raġun biex ibigħu. Ghaliex veru hekk se jagħmlulhom. Imma oqgħodu attenti għal dan: Uliedi dejjem se jsofru xi tip ta’ redikolazzjoni meta jerfgħu s-Salib tiegħi. Hawnhekk huma jistgħu jaċċertaw ruħhom, li qed jagħmlu x-Xogħol tiegħi. Min ibati f’Ismi, se jirċievi Barkiet kbar u ħafna Grazzji. Imma dawk l-Insara li jiġġieldu għad-dritt li jxandru Ismi fil-pubbliku, dawn se jsofru l-aktar. Hu jew hi, jridu jibqgħu sodi. Intom it-Tama tiegħi fuq din l-art. Mingħajr is-segwaċi devoti tiegħi, uliedi ma jistgħux jitilgħu u jaqbżu l-aħħar tarġa li twassal għas-Saltna ta’ Missieri. Jiena Nħobb lis-segwaċi tiegħi kollha. Jiena Ninsab f’qalbhom u dan huma jafuh. Oqgħodu attenti għall-Kelma tiegħi issa, permezz ta’ din il-Profeta. Tinjorawx dawn il-Messaġġi. Dawn se jgħinu, permezz tax-xandir tal-kelma, sabiex isalvaw miljuni ta’ erwieħ madwar id-dinja, qabel it-Tieni Miġja tiegħi. Morru issa fil-Paċi u fl-Imħabba. 


Id-Devot Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM