Is-Sena 2011 Hija s-Sena tal-Purifikazzjoni.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, fil-11 ta’ Jannar, 2011, fin-12.30am.
Maħbuba binti, fl-aħħar erġajna ltaqna. Issa ilni numru ta’ jiem naħseb dwarek biex inti tirċievi l-Messaġġi tiegħi. Issa tibża’ xejn għax ser ikollok bżonn ftit ħin biex tisma’ l-aktar Messaġġ urġenti tiegħi, mogħti lid-dinja s’issa.
Is-sena 2011 hija s-sena li fiha l-bidliet, jiġifieri l-purifikazzjoni, se jibdew u se jarawhom miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Għalkemm it-talb se jgħin biex jitnaqqsu d-diżastri globali, issa dan mhux se jkun biżżejjed biex iwaqqaf l-Id tal-Missier Etern tiegħi, meta dalwaqt Idu se tinżel fuq l-umanità.
L-imġieba ħażina u l-ħmieġ li hemm fil-moħħ, fil-ġisem u fir-ruħ tal-bnedmin, li huma evidenti fid-dinja bħalissa, huma ċari għalikom ilkoll biex tarawhom. Għal dawk minnkom tant impenjati u aljenati b’ħajjitkom, issa huwa ż-żmien li tieqfu u taraw x’qed jiġri quddiem għajnejkom stess.
Id-Demonju, dak li jaħdem permezz tan-nies li jinsabu fid-dlam, ħoloq kaos, fejn il-qtil ta’ kuljum issa sar tant rutina, li l-umanità mhix tagħti aktar kas tal-qattiela krudili li qegħdin jwettqu dawn l-atroċitajiet. L-imħabba ogoistà u r-regħba, qed jiddominaw is-soċjetà tagħkom. Il-mexxejja u l-politiċi tagħkom huma għatxana għall-poter u f’ħafna każijiet, ma jimpurtahomx mill-ġid tagħkom. Is-suwiċidju li qed jiżdied, huwa kkawżat mid-disperazzjoni maħluqa mill-Qarrieqi, jiġifieri d-Demonju, fis-soċjetà tagħkom.
Hu, li qatt ma juri lilu nnifsu lilkom, jinħeba wara kull att ta’ xi dimostrazzjoni pubblika, li tigglorifika l-immoralità sesswali u l-mutilazzjoni tal-ġisem, sew ta’ ħaddieħor u sew tagħkom stess.
It-tfittxija kontinwa għal oġġetti lussużi, li intom tagħtu prijorità, aktar mill-ġid tal-familji tagħkom, hija rampanti. Hekk kif intom uliedi, qegħdin tiġru wara dan il-ħolm li ma jiswa xejn, maż-żmien se ssibu li se tkunu mingħajr ikel. Dawk l-affarijiet vojta u inutli tagħkom, imbagħad mhux se jimlew l-istonku bil-guħ tagħkom. Lanqas m’huma se jissodisfaw lir-ruħkom vojta tagħkom, li qed iwerżqu jitolbu l-kumdità, il-kumdità li ma tkunx aktar għad-dispożizzjoni tagħkom. Din il-kumdità tista’ tinkiseb biss permezz tat-talb, u partikolarment it-talb organizzat fi gruppi.
Il-purifikazzjoni Se Tiġi Qabel it-Tieni Miġja Tiegħi
It-terremoti issa waslu biex jolqtu lid-dinja, hekk kif il-korla tar-rabja kbira ta’ Missieri issa se tintwera. Intom, uliedi ingrati, li tajtu daharkom lid-Dawl tal-Verità, hemm bżonn li issa tibżgħu. Il-bidu tat-Tribulazzjoni l-Kbira wasal biex jibda jseħħ, fejn l-ispettaklu tat-tħarbit ekoloġiku se jeskala. Il-bniedem mhu se jkun jista’ jagħmel xejn. Maż-żmien, hu se jinduna u jaċċetta li Missieri jeżisti u li Jiena, Ibnu l-Għażiż, issa qed inħejji t-triq għad-dinja, biex tara ir-Ritorn tiegħi fid-dinja għat-tieni darba. Dak iż-żmien issa qed joqrob sew. Madankollu, id-dinja trid l-ewwel tgħaddi minn din il-purifikazzjoni essenzjali. Hekk kif in-numru ta’ diżastri naturali fid-dinja se jkomplu jiżdiedu, hekk ukoll se jkomplu jiżdiedu dawk is-segwaċi tax-Xitan (Satana). Bi sfida, huma se jkomplu bil-ħajja ħażina u miżerabbli tagħhom, fejn jikkaġunaw uġigħ u biza’ fuq dawk li jemmnu Fija, u fuq dawk li qed jgħixu ħajja tajba.
Għalkemm dawk li jemmnu Fija se jiddikjaraw il-Verità lil dinja li ma temminx, madankollu, xorta aktar nies se jtennu li huma jaċċettaw bħala fatt il-bidliet li se jseħħu fid-dinja. Dalwaqt, permezz tal-profeziji li Jiena qed inwassal lil uliedi, permezz tal-Messaġġiera magħżula tiegħi, huma se jifhmu dak li fil-fatt ikunu qed jaraw, għaliex l-avvenimenti li se jidhru ma jistgħux ikunu kkawżati mill-bniedem. Jistgħu jiġru biss, jekk u meta Missieri l-Etern jagħti l-Permess tiegħu.
Wasal iż-Żmien Sabiex is-Siġilli Jinkisru
Uliedi, iż-żmien ta’ meta s-sinjali, kif kienu mbassra, meta s-siġilli jinkisru u fejn it-trombi jħabbru l-bidliet, issa wasal. Kull ħażen mhux se jkun ittollerat aktar minn Alla, il-Ħallieq tal-Umanità u li issa se jiġi mrażżan fid-dinja għal dejjem. L-ebda segwaċi tad-Demonju, irrispettivament minn kemm hu jew hi, jaħdmu għax-Xitan u l-wegħdiet fiergħa tiegħu, m’huma se jaħarbu, sakemm dawn ma jindmux!
L-imħabba uliedi, se tintwera lis-segwaċi kollha tiegħi, u lis-segwaċi tal-Missier Etern, meta intom tiftħu qlubkom. Madankollu x-Xitan, issa wera ruħu f’livell tant għoli ta’ eżaltazzjoni, u fejn li l-qawwa tiegħu issa infettat lil tant minn uliedi, li ħafna m’għadhomx jemmnu fil-virtujiet, bħal tal-onestà, l-għemejjel tajba, ir-rispett għall-ħajja, u dan la għal xulxin u lanqas għall-familja tagħhom stess. Ir-raġel qed idur kontra ħuh, il-mara kontra oħtha, il-ġar kontra l-ġar tiegħu, il-Qassis kontra s-superjuri tiegħu, u l-Isqfijiet kontra t-tagħlim tal-Kotba Mqaddsa.
Għaliex Qegħdin Tikkastigawni bin-Nuqqas ta’ Mħabba Tagħkom Għalija?
Uliedi saħansitra, taw daharhom lil din il-pjaneta sabiħa, li ġiet ippreżentata lilkom b’tant Imħabba minn Alla l-Missier, il-Ħallieq u li Bih sar kollox. Ara issa x’għamiltu? Għaliex qegħdin tikkastigawni bin-nuqqas ta’ mħabba għas-Salvatur tagħkom? Għaliex qegħdin tagħtu dahrkom għall-bżonnijiet tagħkom stess, jiġfieri l-urġenza li titimgħu lir-ruħkom, u l-bżonn li taqtgħu l-għatx, sabiex tgħarfu s-Saltna ta’ Missieri, il-Ġenna, il-wirt imwiegħed likom? Intom uliedi, qegħdin tagħtu dahrkom lis-salvazzjoni tagħkom stess! Kif m’intomx tindunaw b’dan? Jekk jogħġobkom emmnu, li sakemm mhux se teżaminaw il-kuxjenza tagħkom issa, u titolbuni nigwidakom, ma tistgħux, u mhux se tiġu salvati?
Il-Qassisin Qeghdin Jinjoraw it-Tagħlim Tiegħi
Il-Qaddejja Sagri (is-Saċerdoti) tiegħi, l-istess rgħajja maħtura biex jiggwidaw il-merħla tiegħi, ma spjegawx l-eżistenza tad-Demonju. Huma, fit-tfittxija tagħhom biex jidhru bħala għalliema moderni, b’moħħ miftuħ u prattiċi, naqsu milli jindikaw il-perikli ta’ meta n-nies jinjoraw it-Tagħlim li jinsab fil-Ktieb ta’ Missieri. Dan il-Ktieb jiddikjara b’mod ċar l-eżistenza tad-Demonju, u kif jaħdem permezz ta’ kull wieħed u waħda minnkom, sabiex hu jkun jista’ jeħodkom 'il bogħod mid-Dar aħħarija, iżda ġusta tagħkom, jiġifieri, il-Ġenna tal Art il-Ġdida, li Jiena wegħedtkom ilkoll meta Mit fuq is-Salib għalikom. Jiena ma Mittx għal xi grupp ta’ nies anonimi. Jiena tajt Ħajti għal kull wieħed u waħda minnkom personalment sabiex tistgħu tiġu salvati.
Ftakru, li għalkemm l-Imħabba tiegħi, hija kollha kemm hi għalikom, din Lili tikkawżali wkoll tbatija kbira. Din is-sofferenza ġejja għaliex intom qegħdin tinjoraw l-Eżistenza tiegħi. Intom għażiltu fil-għama u qed tkomplu temmnu b’mod sempliċi, li d-dinja se tipprovdilkom dak kollu li qatt tistgħu tixtiequ. Intom qegħdin tinsew li l-ħajja, jiġifieri l-ħajja ta’ wara din, se tkompli għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Profeziji Mogħtija Lilkom Ħerġin Mill-Ħniena Tiegħi
Is-sinjali, l-messaġġi u l-profeziji li ntbagħtu lilkom uliedi, matul is-snin, kienu riżultat tal-Ħniena tiegħi. Bl-eċċezzjoni tas-segwaċi tiegħi, ftit li xejn minnkom tisimgħuhom, tiftħu għajnejkom, jew taħsbu mqarr għal mument wieħed biss, sabiex tistaqsu lilkom infuskom din il-mistoqsija. Tista’ din tkun tassew Komunikazzjoni Divina? U jekk hija hekk, allura aħna x’għandna nagħmlu? It-tweġiba hija li għandkom tisimgħu u taċċettaw il-Verità tal-għażliet futuri tiegħkom stess. Iddeċiedu liema triq tixtiequ tieħdu. Itolbu allura għal ruħkom u għal dawk tal-maħbubin tagħkom.
Għal dawk minnkom li b’arroganza tagħtu daharkom b’disprezz, meta jissemma Ismi, jew li xxejru jdejkom b’nuqqas ta’ rispett, meta s-segwaċi tiegħi jipproklamaw il-Verità tiegħi, allura intom mitlufin Minni. Jiena nista’ biss, permezz tal-Ħniena tiegħi, nagħti lil din id-dinja sinjali u messaġġi biex jgħinukom u jiggwidawkom. Minħabba d-Don tal-libertà tal-għażla tagħkom, mogħtija lill-umanità mill-Missier Etern, Alla l-Ħallieq u li Bih sar kollox, ma nistax nisforzakom. Filwaqt li l-messaġġ ta’ Mħabba u Kompassjoni dejjem se jkun ir-raġuni bażika tiegħi għaliex nikkomunika magħkom, hekk ukoll se jkun is-Sens tiegħi ta’ Wġigħ u Dwejjaq.
Is-Sofferenza, it-Tbatija u l-Uġigħ tiegħi issa qed jintensifikaw, hekk kif uliedi qegħdin jintelqu fid-dirgħajn miftuħa tax-Xitan. Dan ifisser, li issa Jiena rrid nuri b’mod ċar lilkom ilkoll, x’destin hemm jistennikom, intom li tiċħdu lili u lil Missieri Etern.
Ir-Realtà tal-Infern
Jekk intom tagħżlu l-gideb imxerred mill-Qarrieqi, fejn l-akbar gidba tiegħu hija li Alla, il-Missier Etern, ma jeżistix, allura intom tiġu kundannati. Hekk kif tidħlu mill-biebien tal-Infern, imbagħad hemmhekk tindunaw bl-iżball tal-waħx li tkunu għamiltu. Emmnuni uliedi, li kieku tistgħu taraw biss il-ħasda kbira u s-sens ta’ terrur ta’ dawk l-erwieħ, meta l-Verità aħħarija wara l-mewt tiġi żvelata lilhom, intom ma tkunux tistgħu tifilħu tissaportu lanqas mument wieħed biss minn dan it-turment. Kieku intom kellkom taraw biss ħjiel ta’ dan il-post bħalissa, bħala bnedmin, intom tmutu bil-biza’ tal-waħx, għad-destin li huma jkunu spiċċaw fih, jigifieri dawk li għażlu t-triq tad-dnub.
Din it-triq, għal-ewwel tidher sabiħa, gustuża, tħajjrek, glorjuża u mimlija stagħġib, imma mbagħad tinbidel meta intom taslu f’nofsha. Il-bidliet li tiltaqgħu magħhom f’nofs triq, jibdew jurukom li m’inthomx sodisfatti. Din is-sensazzjoni stramba ta’ vojt minn ġewwa u diżappuntanti, tkompli bla waqfien għall-bqija tal-vjaġġ. Intom ma tkunux tistgħu tifhmu għaliex qed tħossukom hekk. L-esperjenzi tagħkom, għalkemm pjaċevoli minn barra, jsiru mimlija sentimenti inkwetanti u koroh mhux mistennija minn ġewwa, li jiġu mħallta mar-rabja, frustrazzjoni, solitudni u biża’. Huwa biss meta fi tmiem il-vjaġġ, intom tiltaqgħu mal-Idolu tagħkom u tħarsu f’għajnejh krudili, li jibdew jiżżeffnu f’divertiment arroganti, li intom tibdew twerżqu sakemm tinħanqu. Sfortunatament, ma jkunx qabel dak l-aħħar mument meta tgħajjtuli u titolbuni l-Għajnuna. Imma mbagħad dan ikun tard wisq. F’dak l-istadju, m’ hemmx ritorn lura. Intom tkunu diġà għamiltu l-għażla tagħkom f’din il-ħajja. U għalkemm Jien se nibki dmugħ kbir u ta’ niket profond, għal kull wieħed u waħda mill-erwieħ mitlufa tiegħi, Jiena ma nkunx nista’ nsalvakom f’dak l-istadju. Ir-rieda ħielsa tiegħkom, fejn intom tagħżlu d-destin tiegħkom stess, se tkun kompletament mhux taħt il-Kontroll tiegħi.
Permezz ta’ dan il-Messaġġ, għalkemm huwa aħrax, Jiena qed nagħti lid-dinja l-Aħħar Twissija, ħierġa mill-Imħabba Safja għal kull wieħed u waħda minnkom. Qiegħed nitlobkom biex fl-aħħar tisimgħu Leħni issa, sabiex tkunu tistgħu ssalvaw erwieħkom.
Il-Maħbub tagħkom Ġesù Kristu,
Is-Salvatur tal-Umanità u l-Imħallef Ġust