It-Twissija l-Kbira, It-Tieni Miġja Tiegħi u ċ-Ċans Biex Issalvaw Ruħkom

L-Erbgħa, 12 ta’ Jannar 2011 @ 15:00

It-Twissija l-Kbira, It-Tieni Miġja Tiegħi u ċ-Ċans Biex Issalvaw Ruħkom.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, fit-12 ta’ Jannar, 2011, fit-3 pm.


Binti, l-Messaġġ tiegħi tal-bieraħ kien aħrax. Ħafna minn dawk li jaqrawh se jgħidu: “Dan żgur mhux il-mod kif jitkellem il-Mulej”. Imma Jiena Nistaqsi: Dawn kif jafu? Huwa minħabba t-tbatija li qegħdin jgħaddu minnha uliedi, l-maħbubin tiegħi, minn idejn ħaddieħor, li Jiena rrid bil-fors Nitkellem. Irrid Nitkellem minħabba l-Ħniena Divina tiegħi, sabiex Ngħinkom Issalvaw uliedi, ħalli aħna nkunu nistgħu ningħaqdu ħaġa waħda flimkien, bħala Familja Qaddisa fil-Ġenna tal-Art il-Ġdida. Jiena ma rridx li Nitlef lanqas ruħ (persuna ħajja) waħda minħabba l-Qarrieqi. Għalhekk huwa importanti li Leħni jinstema'.


Dawk Li Ma Jemmnux Fija Jsibuha Diffiċli Ħafna 

Jiena Nifhem, li għal ħafna minn uliedi, speċjalment dawk li ma jemmnux Fija, jsibuha diffiċli ħafna sabiex jemmnu fil-ħajja li jmiss. Huma tant saru jiddependu fuq l-affarijiet tad-dinja, li fit-taqbida tagħhom biex jibqgħu ħajjin, ittraskuraw l-ispiritwalità tagħhom, sat-tali punt, li ma jemmnux li wara kollox hemm ħajja oħra wara din. Issa jeħtieġ li dawn jerġgħu jikkunsidraw. Huma jemmnu li kollox jispiċċa wara l-mewt, u li l-unika dinja li għandhom għalfejn jinkwetaw dwarha, hija dik li qegħdin jgħixu fiha bħalissa. Kif Niddispra għal dawn l-erwieħ żbaljati. Kieku biss huma setgħu jesperjenzaw imqar lemħa waħda minn dak li tipprovdi l-Ġenna tal-Art, kieku huma kienu jqattgħu l-ġranet tagħhom fit-talb u l-adorazzjoni tagħhom Lili u lil Missieri Etern, b’tifħir u radd il-ħajr. Din id-dinja l-ġdida, li Jiena Wegħedt hija realtà. Infaħħar lill-dawk il-fidili tiegħi, li qatt ma nsew dan il-fatt, u li għadhom jitolbu Lili kuljum s’issa. Jiena kemm Inħobb lis-segwaċi tiegħi. Imma kemm Inbati għalihom ukoll. Dawn is-segwaċi devoti tiegħi, jagħmlu dak kollu li jistgħu, sabiex jikkonvinċu lil oħrajn bl-Eżistenza tiegħi. Imbagħad minn fuq, dawk jidħqu bihom u jiġu mżebilħa f’Ismi. Kif naqsam Qalbi b’dan.


Kif il-Mejtin Jinfnew Għal Dawk Kollha Li Spiċċaw Bla Fidi Fija

Il-maħbubin tagħkom fuq in-naħa l-oħra tal-ħajja, infnew fuqkom, intom ilkoll li ma temminx Fija! Għal dawk minnkom, li l-maħbubin tagħkom jinsabu fil-Paċi fis-Saltna ta’ Missieri, huma qegħdin kontinwament jitolbu u jinterċedu għalikom. Dak li m’intomx tindunaw huwa dan: Li jekk intom issibu l-ħin biex titkellmu miegħi privatament, jiġfieri fi kliemkom stess, u titolbuni Nigwidakom, anke jekk il-fidi tagħkom hija fietla, allura Jiena Nismagħkom żgur. U mbagħad intom tkunu tafu li Jiena Weġibtkom. Duru Lejja issa, uliedi. Itolbuni fi kliemkom stess, sabiex Jien Inġedded il-fidi tagħkom. Aħsbu fuq it-Tagħlim tiegħi permezz ta’ dawn il-Messaġġi u permezz tal-Bibbja, u fakkru lilkom infuskom kif għandkom tgħixu ħajjitkom. Jiena, permezz tal-Ħniena tiegħi, dalwaqt sejjer Nurikom l-offiżi tagħkom kontra t-Tagħlim tiegħi, kif ukoll kull dnub u kull insult li għamiltu matul ħajjitkom kollha.


Dan Mhux Jum il-Ġudizzju, Imma Biss Togħma Ta’ Kif Sejjer Ikun

Dan huwa att ta’ Ħniena min-naħa Tiegħi. Intom sejrin taraw dnubietkom u sejrin tifhmu mill-ewwel kif dawn jidhru Minni. Minnufih intom sejrin tifhmu b’mod ċar, kemm dnibietkom huma offensivi u ħżiena. Dan huwa ċ-ċans tagħkom uliedi, sabiex tindmu. Dan mhux Jum il-Ġudizzju, imma biss togħma ta’ kif sejjer ikun. Mill-Ħniena tiegħi, qed jingħatalkom l-akbar rigal minnhom kollha, qabel Jum il-Ġudizzju, jiġifieri ċ-ċans li tindmu u tbiddlu ħajjitkom qabel l-Aħħar Jum, li huwa ż-żmien meta Jiena sejjer Nerġa’ Niġi fuq din l-art. Jiena, kif tafu, issa sejjer Niġi mhux bħala Salvatur, imma bħala Mħallef Ġust. Dak iż-żmien issa wasal, uliedi. Araw li ma tibżgħux. Jiena Nħobbkom ilkoll. Intom tinsabu f’Qalbi. Ħalluni issa Nidħol f’ħajjitkom, u Ħalluni Niggwidakom lejn is-Saltna ta’ Missieri. Araw li qatt ma tibżgħu mill-mewt. Il-mewt sejra tkun sempliċement il-bieb għal ħajja ġdida u sabiħa ta’ eternità, mimlija mħabba, paċi u hena.


Din il-Ħajja Fid-Dinja, Hija Biss Passaġġ Fiż-Żmien

Ħajjitkom f’din id-dinja, hija sempliċement passaġġ fiż-żmien. Din tista’ tkun mimlija mħabba, ferħ, uġigħ, ċaħda, biża’, rabja, disperazzjoni, frustrazzjoni u dwejjaq. Imma huwa biss meta dduru Lejja, li l-uġigħ tagħkom jittaffa. Henjin dawk li jsofru u speċjalment dawk li jsofru f’Ismi, għaliex intom sejrin tiġu gglorifikati fis-Saltna ta’ Missieri. Henjin ukoll dawk li jduru lura Lejja, għaliex sejjer jkun hemm ferħ kbir fis-Sema għalikom. Intom se tiġu milqugħa fil-Ġenna tal-Art il-Ġdida tiegħi. Itolbu issa għal ruħkom u għal dawk tal-familji tagħkom. It-Twissija l-Kbira sejra sseħħ dalwaqt. Imbagħad tkunu tafu l-Verità. Imbagħad ukoll, ikollkom iċ-ċans li tifdu lilkom infuskom f’Għajnejja. Jien Inħobbkom ilkoll. Jiena Nifraħ għax Naf li ħafna aktar minn uliedi, issa se jduru lura Lejja u lejn Alla, il-Missier Etern, hekk kif l-Aħħar taż-Żminijiet, issa qorob ġmielu. Mela kunu ppreparati.


Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM