Kif Tirbħu l-Ġenna u r-Rwol tat-Tbatija

Il-Ġimgħa, 14 ta’ Jannar 2011 @ 10:00

Kif Tirbħu l-Ġenna u r-Rwol tat-Tbatija.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, fl-14 ta’ Jannar, 2011, fl-10am.


Maħbuba binti, il-mod kif Jiena Nikkomunika miegħek qiegħed issa jibda jinbidel. Filwaqt li, fil-Messaġġi ta’ qabel, Jiena Wissejt lil uliedi dwar l-urġenza li jindmu minn dnubiethom, sabiex jiksbu s-salvazzjoni, il-Komunikazzjonijiet tiegħi li jmiss, sejrin jiffokaw fuq li Jiena Ngħin lill-erwieħ (nies ħajjin) jimmiraw lejn il-perfezzjoni spiritwali. Il-Ġenna binti, għalkemm id-Dar bi dritt, ta’ kull wieħed u waħda minnkom, mhijiex faċli sabiex tidħlu fiha. Id-daħla hija żgħira, u jistgħu jidħlu biss daqstant nies kull darba. Sabiex ikunu jistgħu jidħlu, l-erwieħ iridu juru umiltà, u jpoġġu lilhom infushom kompletament f’Idejja. Huma jridu jwarrbu l-kburija, kif ukoll ir-ras iebsa, il-ħeġġa żejda u r-rabta li għandhom mal-affarijiet materjali fuq din l-art, jekk iridu jidħlu l-Ġenna. Uliedi kollha, dawk li issa sejrin jibdew il-vjaġġ spiritwali tagħhom Lejja, sabiex huma jifhmu l-Verità, issa jeħtieġ li jaħdmu bil-qawwa kollha, ħalli jiskopru dawk il-kwalitajiet essenzjali ħalli jidħlu fis-Saltna ta’ Missieri.


L-Importanza tal-Umiltà

L-umiltà hija terminu, li ħafna minn uliedi saru jifhmuh, permezz tat-Tagħlim tiegħi. Filwaqt li ħafna mis-segwaċi tiegħi jifhmu għaliex l-umiltà hija importanti, madankollu, huma jinsabu konfużi dwar x’tinvolvi sewwa sew. L-umiltà tfisser sinċerità. Tfisser li taċċettaw b’dinjità, il-provi, l-isfidi u l-abbużi li intom tiffaċċjaw, speċjalment meta taġixxu f’Ismi. L-aħjar Parir tiegħi għalikom huwa dan: Aħsbu fuqkom innfuskom bħallikieku kontu tfal żgħar, jiġifieri tfal innoċenti u sempliċi, mingħajr ebda idea tas-soċjetà krudili li normalment tesperjenzaw intom bħala adulti. Ikkomunikaw Miegħi f’kull ħin fit-talb tagħkom, permezz tal-għajnejn u l-qalb tat-tfal żgħar. Żommu t-talb u l-komunikazzjoni tagħkom Miegħi sempliċi. Jiena ma Nistenniex li intom tirreċitaw dak it-talb kollu mogħti mill-Imħabba tiegħi lid-dinja. Ħarsu 'il fuq u aqsmu l-problemi tagħkom Miegħi. Aqsmu t-tbatijiet tagħkom. Agħtuhomli. Intom sejrin tiġu Ppremjati bil-kbir meta taċċettaw in-niket jew it-tbatija f’ħajjitkom Għalija. Forsi intom ma tintebħux b’dan, imma meta tagħmlu hekk, tkunu qegħdin issalvaw ħafna erwieħ u tkunu qegħdin twittu t-triq għalihom sabiex jidħlu l-Ġenna. Dan il-fatt mhux se jiġi żvelat lilkom sakemm intom ukoll tidħlu fil-Ġenna, fejn sejrin tesperjenzaw il-glorja tar-rigal ġeneruż tagħkom Lili.


Titilfux it-Tempra Meta Tiddefendu l-Fidi Tagħkom

Meta intom turu l-umiltà jfisser, li tkunu qegħdin taċċettaw dak li jkun qiegħed jiġri madwarkom, għalkemm dan jista’ jkun ta’ wġigħ. Uru dinjità l-ħin kollu, anke meta Ismi jkun qiegħed jiġi mżeblaħ fil-preżenza tagħkom. Sintendi iddefenduni, u dan b’passjoni wkoll jekk tixtiequ, imma araw li qatt ma twarrbu lil min jabbuża, billi tiddisprezzawh pubblikament. Spjegaw il-Verità tat-Tagħlim tiegħi bil-kalma. Araw li ma titilfux it-tempra. Imma lanqas m’għandkom turu biża’ minn min ikun qiegħed jabbuża. Qis li tibqgħu sodi. Iddefendu lilkom innfuskom, imma biss billi tirrepetu t-Tagħlim tiegħi. Qatt tibżgħu titkellmu dwar il-Verità fil-miftuħ. Tħawwdux l-umiltà mal-biża’ tal-kodardija. Xi wħud mis-segwaċi tiegħi, li jifhmu l-importanza tal-umiltà u l-bżonn tagħha fil-qdusija tal-erwieħ, iħawdu dan, billi jibqgħu siekta meta Ismi jiġi mwaqqa’ għar-redikolu fil-pubbliku. Iva, qatt m’għandkom tiġġudikaw persuna li tirridikola Lili jew lil Missieri Etern jew tabilħaqq, lil Maħbuba Ommi l-Imbierka, iżda għandkom tibqgħu iżżommu sodi fid-difiża tal-Verità.


In-Niket Huwa Rigal Mingħand Alla

Meta intom titkellmu Miegħi bħala tfal zgħar, ifhmu dan: Jekk tiftħu qalbkom u tpoġġu l-fiduċja tagħkom kollha Fija, Jiena Niddereġikom meta tbatu n-niket f’din l-art. Araw li ma ttunix dahrkom. Filwaqt li huwa ta’ wġigħ kbir, intom uliedi għandkom tqisu n-niket bħala Rigal mingħand Alla. Dan huwa Barka. Għaliex huwa permezz tan-niket u t-tbatija li se sseħħ il-purifikazzjoni. Offru t-tbatijiet tagħkom Lili. Meta tagħmlu hekk, intom tkunu qegħdin teħilsuni mit-Turment li Jiena Nissaporti, meta Nesperjenza l-Uġigħ tal-Passjoni tiegħi fuq is-Salib, darba wara l-oħra, kuljum, hekk kif Jiena Nara t-twerwir fid-dinja tal-lum.

Il-Purifikazzjoni li sseħħ, meta taċċettaw in-niket jew it-tbatija, irrispettivament minn kemm ikunu kbar, meta dawn ikunu offruti bil-ferħ għas-salvazzjoni tal-umanità, ma tistax tinftiehem sewwa sew minnkom uliedi. Imma hekk kif intom tersqu eqreb Lejja, billi tiftħu qlubkom, tabbandunaw ir-rieda tagħkom Lili, u ċċedu kompletament u kollox Lili, intom sejrin tifhmu aħjar. Intom tridu taraw li huwa biss meta tagħmlu hekk, li intom tkunu tistgħu tidħlu f’għaqda Miegħi. U meta tagħmlu hekk, il-provi u t-tbatija tagħkom fuq l-art, jittaffew. Maż-żmien, intom issiru taċċettaw it-tbatija bil-ferħ f’qalbkom. Speċjalment meta toffru dan kollu bħala Rigal Lili. It-tbatija hija Rigal mingħand Alla u hija permessa. L-erwieħ li intom tgħinu ssalvaw, jiggarantulkom post fis-Saltna ta’ Missieri. Dan it-Tagħlim mhuwiex ġdid uliedi. Kien biss li intom ma ġejtux imfakkra f’din il-Verità sempliċi. Il-Messaġġi u t-Tagħlim tiegħi qatt ma nbidlu. Huma sempliċi u huma miġbura fil-qosor fl-Evanġelji u fl-Għaxar Kmandamenti. Intom ftakru biss, li meta tagħtu lilkom infuskom lil oħrajn, tkunu qegħdin tagħtikom lilkom infuskom Lili. Uru mħabba lill-proxxmu tagħkom u tkunu qegħdin turi mħabba Lejja.

Ittrattaw lill-proxxmu tagħkom bil-mod li bih tistennew li tiġu trattati intom stess. U araw li qatt ma tinsew, li meta ssibu ruħkom irrabjati ma’ ħaddieħor, u tkunu ttantati li tagħmlulhom xi ħsara, jew tikkastigawhom b’xi mod jew ieħor, ftakru li Jiena nkun preżenti fihom, saħansitra anke f’dawk l-istess nies li Lili jobogħduni. Agħmlu xi ħsara lil kwalunkwe wieħed jew waħda minn uliedi, u tkunu qegħdin tagħmlu l-istess ħsara Lili. Maż-żmien uliedi, dawn l-azzjonijiet grazzjużi kollha għad jagħmlu sens. Itolbuni kuljum għal-Qawwa sabiex tgħixu ħajjitkom f’Ismi. Kunu afu, li kull darba li taħfru lil xi ħadd, għalkemm jista’ jidher qisu l-għadu tagħkom, intom tkunu qegħdin tkattru l-Mħabba u Ħniena f’Qalbi. Għal dan kollu, intom sejrin tirċievu l-Hena eterna fil-Ġenna. Itolbu wkoll għall-perseveranza. Imitaw lil-Ħajti. Għalkemm Naf li din mhux sejra tkun xi ħaġa faċli għalikom. Imma l-azzjonijiet tagħkom, ikunu kemm ikunu żgħar, sejrin jgħinu lil-erwieħ.


Il-Maħbub Għalliem u Salvatur tagħkom Ġesù Kristu,
Ħaġa Waħda ma’ Alla l-Missier Etern u mal-Ispirtu s-Santu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM