Qisu li Qatt Ma Tiġġudikaw Reliġjonijiet, Twemmin jew Persważjonijiet Sesswali Oħra

L-Erbgħa, 6 ta’ April 2011 @ 00:05

Qisu li Qatt Ma Tiġġudikaw Reliġjonijiet, Twemmin jew Persważjonijiet Sesswali Oħra.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tas-6 ta’ April, 2011, f’12:05 am


Maħbuba binti, dan it-turment li inti qiegħda tissaporti bħalissa huwa minħabba li l-Qarrieqi, qed jipprova jittantak kontinwament, sabiex inti tabbanduna dan ix-Xogħol l-aktar Sagru. Huwa qiegħed iqattagħek biċċiet. Dan aċċettah. Int ara li qatt ma tiddubita mill-Kelma Divina tiegħi, irrispettivament minn kemm din tista’ tkun diffiċli għalik. Inti sejra tiġi ppremjata bl-Ispirtu tal-Paċi, meta tkun tassew ċedejt kollox Lili. Kompli għidli dan il-kliem kuljum. Kellimni matul il-ġurnata u itlobni l-Grazzji sabiex jimlewk bil-ferħ, hekk kif il-Qarrieqi jkun qiegħed jattakkak. Żomm ruħek soda, binti. Qis li qatt ma taqta’ qalbek. Żomm moħħok ħieles mill-imbarazz u kkonċentra fuq il-Messaġġi tiegħi għad-dinja. Dawn huma l-aktar Messaġġi importanti għall-umanità llum. Huma qegħdin jingħataw biex jgħallmu lill-umanità kif għandhom isibu t-triq it-tajba lura Lejja mill-ġdid.


In-Nies Jinsabu Konfużi bit-Tagħlim Tiegħi

Ħafna nies illum jinsabu mitlufa. Huma jinsabu konfużi bit-Tagħlim tiegħi u l-bosta modi kif dawn ġew interpretati. Imnaqqsa. Mibdula. Miżjuda. Imneħħija. Uliedi issa jeħtieġu gwida, sabiex ikunu jistgħu jitolbu għall-Grazzji meħtieġa, ħalli jerġgħu iqumu fuq saqajhom u jkollhom qalbhom ħafifa. Dan jista’ jseħħ biss bit-talb u billi jżommu mat-Tagħlim tiegħi.


Jiena Ma Neskludi Minni Lanqas Ruħ Waħda fid-Dinja

Dawk uliedi li kkonvertew jafu b’dan, fejn huma jersqu eqreb lejn il-Qalb tiegħi, permezz tas-Sagramenti. Madankollu, għal dawk uliedi mitlufa, u li ma jafux fejn sejrin, iridu issa jibdew mill-bidu nett, u jfakkru lilhom infushom fl-Għaxar Kmandamenti, mogħtija lid-dinja permezz ta’ Mosè. Ħafna u ħafna minn uliedi llum, mhumiex konxji ta’ dawn. Jiena ma neskludi Minni lanqas ruħ waħda fid-dinja, u dan irrispettivament liema reliġjon jipprattikaw.


Twissija lil Dawk li Jemmnu Fija u Li Jistmerru Twemmin Differenti

Jekk dawk li jemmnu Fija jinqatgħu għalihom infushom, ipoġġu jew jeżaltaw lilhom infushom ’l fuq minn nies oħrajn, li mhumiex konxji tat-Tagħlim tiegħi, allura jkunu qegħdin iġibu ruħhom eżatt bħalma għamlu l-Fariżej. Lil dawk li jqisu lilhom infushom ’il fuq mill-erwieħ (nies ħajjin) li jeħtieġu d-Dawl, imisshom jistħu. Imisshom jistħu ukoll dawk, li għalkemm huma konxji tal-Verità, jiddisprezzaw lil oħrajn ta’ twemmin differenti, fejn jaħsbu li għax huma jafu l-Verità, u li jibbenefikaw mis-Sagramenti l-aktar Qaddisa, huma aktar importanti f’Għajnejja. Iva, huwa veru, li Jiena nirċievi l-faraġ u ferħ kbir f’Qalbi, minn dawk is-segwaċi devoti. Imma meta dawn jikkundannaw jew jiġġudikaw lil ħaddieħor minħabba l-fidi tagħhom, huma Lili joffenduni bil-kbir.

Intom segwaċi tiegħi, iftħu għajnejkom għall-Verità tat-Tagħlim tiegħi, fl-aktar livell sempliċi. Qisu li ma tiġġudikawx lil ħaddieħor. Tħarsux b’disprezz lejn dawk li intom taħsbu li huma midinbin u li qed jiċħdu t-Tagħlim tiegħi, għax huma ugwali għalikom f’Għajnejja, għalkemm intom ingħatajtu r-Rigal tal-Verità. Jiena jkolli wġigħ ta’ qalb kbir, meta nara lil dawk is-segwaċi tiegħi, għalkemm b’intenzjoni tajba, jiddettaw lil dawk l-erwieħ mitlufa u msieken, kif għandhom jgħixu ħajjithom. Dawn qegħdin jużaw triq ħażina.


Araw li Qatt Ma Tgħidu Lil Dawk ta’ Twemmin jew Persważjonijiet Sesswali Differenti li Huma Ddestinati Għall-Infern

Meta tisforzaw it-Tagħlim tiegħi b’mod fejn tgħidu lil dawk li mhumiex segwaċi tiegħi, li huma sejrin jintilfu għal dejjem, jew li se jbatu l-ħsara minħabba t-triq ‘ħażina’ tagħhom, intom tkunu sempliċement qegħdin iġġibuhom aktar dgħajfa minn qabel. Ħafna minnhom sempliċement se jagħtukom daharhom. Imbagħad intom tkunu fallejtu. Minflok ma toqgħodu tagħtu ċanfira, uru kompassjoni. Għallmu bl-eżempju. Qatt tgħidu jew tipprovaw tgħidu lil dawn in-nies, li huma ddestinati għall-Infern f’Għajnejja, għax fil fatt, mhumiex.

Jien inħobb lil kull ruħ u ta’ kull reliġjon, ta’ kull persważjoni, ta’ kull twemmin, u ta’ kull preferenza sesswali. Kull wieħed u waħda minnkom, intom il-prezzjużi ibni u binti, ħadd ma hu aqwa mill-ieħor. Filwaqt li d-dnub dejjem se jkun hemm, ftakru li intom ilkoll midinbin, imbagħad jiddependi fuq kull wieħed u waħda minnkom biex issegwu t-Tagħlim tiegħi u xxerrdu l-Kelma tiegħi.

Għannqu lil xulxin. Qisu li turu kompassjoni ma’ xulxin. Teskludu lil ħadd, irrispettivament minn jekk humiex Kattoliċi, minn denominazzjonijiet Kristjani oħra, Musulmani, Hindu, Lhud u Buddisti, saħansitra anke dawk mill-kulti l-ġodda li tfaċċaw, fejn ma jemmnux f’Alla, il-Missier Etern. Itolbu għalihom. Għallmuhom l-importanza li jiftħu qlubhom għall-Verità. Għallmu bl-eżempju. Xerrdu l-konverżjoni. Imma araw li qatt ma tiġġudikaw lil ħaddieħor, jew tippruvaw tiddistingwu ruħkom fuq dawk li ma jifhmux il-Verità.

Qatt taħsbu, li għax ingħatajtu l-grazzji mis-Sema minħabba l-lealtà tagħkom Lejja, intom aħjar minn ħutkom. Iva, intom iġġibuli l-ferħ f’Qalbi Mqaddsa, imma tridu tittrattaw lil ħaddieħor bl-imħabba u mhux b’mod dittatorjali.


Ħadd Minnkom Mhu Denju li Jiġġudika Lil Ħaddieħor

Ftakru din il-lezzjoni. Ħadd minnkom mhu denju li jiġġudika jew jivvaluta lil ħaddieħor. Ħadd m’għandu l-qawwa jew l-Għarfien Divin li jagħmel xi valutazzjoni morali fuq ħaddieħor. Żommu moħħkom dejjem miftuħ u ftakru li jekk jasal dak il-jum fuqkom, meta taħsbu li intom aktar importanti f’Għajnejja milli minn dawk li intom tqisu bħala midinbin, dan ikun il-jum li intom tintilfu Minni.


Jiena Mhu Se Neskludi l-Ebda Twemmin Minn Dawn il-Messaġġi

Il-Kelma tiegħi issa qiegħda tingħata bħala Rigal lill-umanità, lil kull wieħed u waħda minnkom. Permezz ta’ dawn il-komunikazzjonijiet, Jiena mhux sejjer niffoka fuq grupp wieħed biss ta’ segwaċi devoti. Għal dawk minnkom li tifhmu l-Verità, ħalluni nfakkarkom. Huma uliedi kollha madwar id-dinja, speċjalment dawk il-midinbin l-aktar ħorox, u dawk li ma jemmnux fl-eżistenza tal-Missier Etern tiegħi, Alla l-Ħallieq u li kollox sar Bih, li issa huma prijorità Għalija. Se jkun f’idejkom is-segwaċi tiegħi, li titolbu bil-qawwa kollha u turu mħabba lil dawk li huma għomja. Imma agħmlu dan bil-mod ta’ kif qiegħed nagħtikom l-struzzjonijiet Jien. Fl-aħħar ftakru li Jiena nħobbkom ilkoll.


Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu,
Sultan tal-Umanità kollha


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM