Saħansitra Anke l-Gruppi Żgħar tat-Talb tal-Ħniena Divina, Jistgħu Jsalvaw Miljuni ta’ Nies.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tas-16 ta’ April, 2011, fl-10.45 pm.
Maħbuba binti, iż-żmien għat-Twissija l-Kbira issa wasal qrib, u din se tiġri malajr, f’teptipa tal-għajn. Kulħadd se jieqaf zoptu, ikun fejn ikun, hekk kif se jaraw il-Ħniena l-Kbira tiegħi. Itolbu għal dawk kollha li jinsabu fid-dnub il-mejjet bħala prijorità. Huma jeħtieġu t-talb tagħkom, minħabba li ħafna minnhom se jmutu zoptu mix-xokk ta’ meta jaraw il-waħx, kif jidher minn Għajnejja, tal-atroċitajiet midinba li wettqu. It-talba tal-Kurunella tal-Ħniena Divina tista’ ssalva miljuni ta nies, anke jekk din biss tingħad minn grupp żgħir ta’ segwaċi devoti u mimlijin imħabba.
Jiena mhux se nagħtik data binti, għal dan l-avveniment kbir. Imma ibqa’ ċerta, li ż-żmien issa wasal fid-dinja, hekk kif il-ħażen qiegħed ikompli jikber bla waqfien madwar id-dinja kollha, hekk ukoll l-Id ta’ Missieri issa se taqa’ f’daqqa kullimkien. Hu mhux se joqgħod lura u jħalli lil dawn il-midinbin krudili f’kollaborazzjoni max-Xitan (Satana), jeqirdu jew jinfettaw lil uliedi aktar. Imisshom jistħu dawk il-midinbin ossessjonati bihom infushom, u li Jiena għadni nħobb, minkejja t-tebgħa kerha tad-dnub tagħhom. Jiena qiegħed nitlobkom sabiex titolbu għall-maħfra ta’ dnubiethom issa.
Hekk kif it-Twissija l-Kbira issa se sseħħ, hekk ukoll id-diżastri ekoloġiċi se jolqtu lill-umanità. It-talb huwa l-unika arma tagħkom issa wliedi, sabiex issalvaw lilkom infuskom u lill-umanità min-nar tal-Infern. Ladarba t-Twissija l-Kbira tkun għaddiet, il-paċi u l-ferħ se joħorġu rebbiħin. Imma mbagħad tibda l-persekuzzjoni mill-Alleanza tad-Dinja l-Ġdida. Madankollu, l-qawwa tagħhom se tiddgħajjef jekk ikun hemm numru biżżejjed minnkom, li ixerrdu l-konverżjoni u titolbu bil-qawwa kollha.
Tinħasbux, għeżież segwaċi tiegħi, intom se taħdmu mill-qrib flimkien, sabiex titolbu għas-salvazzjoni tal-umanità. U se ssalvaw miljuni ta’ nies fil-proċess.
Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu