L-Immoralità Sesswali Sejra Tibgħatkom l-Infern.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tad-19 ta’ April, 2011, it-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa, fil-11.50 pm.
Binti, hekk kif id-dinja qiegħda tinqasam f’partijiet differenti, jiġifieri dawk li jgħixu ħajja sempliċi u ordnata, xi wħud fil-ġid u l-paċi, waqt li oħrajn jinsabu milquta mill-faqar u l-mard, jew li huma vittmi tal-gwerra, jew dawk fil-poter, dawn kollha kemm huma, sejrin jaraw l-istess avvenimenti li ġejjin, bi stagħġib.
Ħafna nies se jħarsu lejn il-katastrofi ekoloġiċi bħala ġejjin minn Idejn Alla. Oħrajn se jgħidu li huma s-sinjali tal-aħħar tad-dinja, filwaqt li oħrajn se jgħidu li dan kollu ġej minħabba t-tibdil tal-klima globali. Imma l-aktar ħaġa importanti, issa f’dan iż-żmien hija, li intom tifhmu dan. Id-dnub, meta jeskala għal livelli bla preċedent, xorta waħda se jġib qerda fil-ħajja ordnata tagħkom. Imma, meta d-dnub jintensifika għal-livelli attwali, kif qegħdin tesperjenzaw u taraw b’għajnejkom intom ilkoll llum fid-dinja, allura tistgħu tibqgħu ċerti, li l-katastrofi bħal dawn se jkunu ġejjin minn Idejn Alla.
Alla l-Missier Etern, diġà wieġeb u aġixxa b’dan il-mod. Issa, hekk kif qiegħed joqrob iż-żmien biex jinqered lix-Xitan (Satana) u s-segwaċi tiegħu, aktar inkwiet ekoloġiku se jintbagħat minn Alla, mill-Ħniena tiegħu stess. Huwa sejjer jagħmel dan biex jostakola lil Satana, u lil dawk il-pupazzi umani u korrotti kollha tiegħu, dawk li jixxenqu għall-prospetti tar-rikezzi u l-glorja, li x-Xitan iwiegħedhom permezz tal-poteri psikoloġiċi tiegħu.
Ix-Xitan idaħħal ħsibijiet u azzjonijiet ħżiena fl-erwieħ (nies ħajjin) dgħajfa biżżejjed, sabiex huma jesponu lilhom infushom għall-poteri possessivi tiegħu. Nies bħal dawn għandhom karatteristiċi komuni. Huma moħħhom fihom infushom, iffissati fuq l-ambizzjonijiet u l-ġid tad-dinja, u jinsabu vvizzjati minn devjazzjonijiet u poteri sesswali. Dawn kollha se jispiċċaw fl-Infern, jekk huma jkomplu jsegwu l-glorifikazzjoni tal-Antikrist, li dalwaqt se juri lilu nnifsu lid-dinja.
Ħafna nies innoċenti, ma jemmnux fix-Xitan, fl-Antikrist jew saħansitra f’Alla, il-Missier li Jista’ Kollox. Għalhekk jagħlqu għajn waħda. Madankollu, huma jistaqsu, għaliex is-soċjetà li huma stess jinsabu jgħixu fiha, tfarrket. Dawn mhux qegħdin jindunaw bil-ħeffa tal-biża’ fil-kollass taċ-ċellola tal-familja tradizzjonali. Huma qegħdin jattribwixxu dan sempliċiment għall-ħażen tas-soċjetà moderna. Imma dak li ma jafux huwa, li x-Xitan jimmira sabiex jattakka l-familja bħala l-prijorità tiegħu. Dan minħabba li hu jaf tajjeb, li jekk il-familja tiġġarraf allura s-soċjetà tiġġarraf ukoll. Ħafna jafu b’dan, għaliex qed isir dejjem aktar evidenti fid-dinja tal-lum.
Imbagħad xi ngħidu għall-immoralità sesswali. Forsi tistaqsu, imma kif is-soċjetà ġiet infestata b’dan in-nuqqas u b’dan il-mod orribbli. Għal darb’oħra, dak li m’intomx tindunaw huwa, li x-Xitan huwa assolutament responsabbli għal kull att ta’ immoralità oxxena fid-dinja. Filwaqt li dawk minnkom, maqbuda f’dinja ta’ libertinaġġ, devjazzjoni sesswali u abbużi fuq ħaddieħor, sejrin targumentaw li dawn l-atti huma biss sors ta’ divertiment, u f’xi każijiet mezz ta’ qliegħ ta’ flus, mela allura għandkom tkunu tafu, li dawn żgur huma l-passaport tagħkom għal ġewwa l-fjammi eterni tal-Infern. Għal kull att sesswali maħmuġ li intom tipparteċipaw fih, hekk ukoll ġisimkom sejjer jinħaraq, daqslikieku kien bil-laħam b’kollox, fl-Infern u għall-eternità, anke jekk intom tkunu hemm fl-ispirtu.
Kull parti tal-ġisem tagħkom, li tabbużaw minnha permezz tad-dnub il-mejjet, se tkun dik il-parti stess l-aktar li sejra tbati uġigħ fin-nirien tal-Infern. Kif jista’ jkun li intom tridu dan kollu? Ħafna minnkom, erwieħ imsieken u mqarrqin, m’intomx qegħdin tindunaw, li qatt ma ntqalitilkom il-Verità, jiġifieri r-realtà li teżisti l-Ġenna, il-Purgatorju u l-Infern. Ħafna mill-Qaddejja Sagri (is-Saċerdoti) tiegħi tal-Knejjes li għandhom intenzjonijiet tajba, ma enfasizzawx dan it-Tagħlim għal żmien twil ħafna. Imisshom jistħu. Jiena nibki għall-uġigħ li sejrin ibagħtu, għaliex ħafna minnhom lanqas huma stess ma jemmnu fl-Infern. Allura kif jistgħu jippridkaw dwar il-biża tal-waħx li huwa l-Infern? Huma ma jistgħux, għaliex ħafna għażlu din ir-risposta faċli. “Alla huwa dejjem Ħanin. Qatt m’huwa sejjer jibgħatkom fl-Infern. Mhux veru?”
It-tweġiba hija le. Huwa veru li Alla ma jibgħatkomx l-Infern. Dan huwa minnu għaliex Alla qatt ma jista’ jagħti Dahru lil uliedu. Imma r-realtà hi, li ħafna u ħafna erwieħ, imblukkati mid-dnub il-mejjet, li huma ġew imħajrin jagħmlu, jsiru dipendenti fuq dnubiethom darba wara l-oħra u darba wara l-oħra. Huma jinsabu f’tant dlam, fejn saħansitra jispiċċaw komdi fl-immoralità tagħhom stess, u li se jkomplu jagħżlu dan id-dlam, anke wara mewthom. Issa dawn mbagħad, ma jistgħux jiġu salvati. Huma stess ikunu għażlu din it-triq bir-rieda ħielsa tagħhom, li hija rigal mingħand Alla, u li Hu qatt ma jista jindaħal fiha. Imma x-Xitan jista’jagħmel dan. U fil-fatt, hekk jagħmel.
Agħżlu issa intom liema ħajja tridu. Jew it-triq tal-ħajja lejn Alla, il-Missier Etern, lejn is-Smewwiet, jew inkella t-triq tax-Xitan, il-Qarrieqi, fin-nar tal-Infern ta’ dejjem. M’hemm l-ebda mod aktar ċar kif Jiena nista’ nispjegalkom r-riżultat tal-għażla tagħkom uliedi. Huwa minħabba l-Imħabba u l-Kompassjoni tiegħi li Jiena rrid ngħallimkom il-Verità.
Dan il-Messaġġ tieghi huwa maħsub biex ibeżżagħkom xi ftit, għaliex sakemm Jiena ma nurikomx x’hemm lest għalihom, dawk li jmorru fl-Infern, ma nkunx qed niżvela l-Imħabba Vera tiegħi lilkom ilkoll.
Issa wasal iż-żmien li tiffaċċjaw il-futur, mhux biss għalikom infuskom, iżda wkoll għal dawk il-ħbieb, il-familja u l-maħbubin li intom tinfluwenzawhom permezz tal-imġieba tagħkom stess. L-imġieba tkattar l-imġieba. Fil-każ tal-innoċenza, intom wkoll tistgħu bla ma tkunu tafu, issibu lilkom infuskom qegħdin tiggwidawhom u tmexxuhom fit-triq lejn id-dlam etern minħabba l-injoranza.
Qisu li tieħdu ħsieb ruħkom. Ruħkom hija rigal mingħand Alla. Hija dak kollu li se tieħdu magħkom fil-ħajja li jmiss.
Is-Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu