Irrifjutaw Dak Kollu li Għandu x’Jaqsam mal-Ispiritwalità tal-Era l-Ġdida.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-15 ta’ Mejju, 2011, fil-5 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, qiegħed nappella lis-segwaċi kollha tiegħi, sabiex jikkundannaw kwalunkwe ħidma tal-Moviment tal-Era l-Ġdida, li ħakem lid-dinja.
Il-Kristjaneżmu, dejjem kien il-mira ewlenija tax-Xitan (Satana). Minħabba li tant huwa makakk, huwa kontinwament jipprova jħajjar għad-dnub, lil dawk li ghandhom ruħhom vojta u mitlufa spiritwalment. Huwa dejjem jipprova jippreżenta l-gideb tiegħu, moħbi f’dak li jidher li hu Mħabba. Imbagħad, ix-Xitan jipprova jikkontrolla l-imħuħ ta’ wliedi, billi juża tattiċi pagani antiki, imfassla sabiex jeħilsu minn ġo moħħhom, l-hekk imsejħa tensjoni tal-ħajja moderna. Dawk minnkom li ċedejtu għal dawn il-prattiċi, oqgħodu attenti, għaliex huma jsostnu li jġibu l-istat mentali tagħkom fi stadju li tinsew kollox, f’isem il-meditazzjoni. Ladarba tħallu lil moħħkom jiġi kkontrollat b’dan il-mod, ix-Xitan u d-demonji tiegħu jistgħu jidħlu fikom tant baxx baxx, li lanqas biss tindunaw, tant kemm tkun bla xkiel din it-tranżizzjoni.
Evitaw il-Prattiċi Spiritwali Antiki, Inkluż l-Użu tal-Karti tat-Tarot
Ħafna u ħafna erwieħ fid-dinja, huma għatxana għal gwida spiritwali. Fit-tfittxija tagħhom biex sibu xi forma ta’ tifsira f’ħajjithom, bla ma jkunu jafu, jkunu qegħdin iħallu lilhom infushom jinġibdu fi prattiċi li jammontaw għal paganiżmu. Kwalunkwe dogma falza, li tħajjarkom sabiex temmnu li l-paċi f’qalbkom u f’ruħkom tista’ tinkiseb permezz ta’ prattiċi spiritwali antiki, trid tiġi evitata minkom l-ħin kollu. Tgħallmu kif tagħrfuhom għal dak li verament huma.
L-użu tal-kristalli, il-meditazzjoni, ir-reiki, il-yoga, il-karti tat-tarot, it-twemmin fi gwidi spiritwali, il-metafiżika u dawk li suppost ifejqu bil-fidi (faith healers) qegħdin hemm biss, biex iħajrukom temmnu f’eżistenza superjuri oħra, barra minn dik maħluqa minn Alla l-Missier Etern.
Twissija Dwar l-Imgħallmin Axxendenti
Ħafna minnkom illum, li tinsabu tfittxu kontinwament il-faraġ spiritwali fil-prattika li ssegwu l-anġli tagħkom, wkoll tridu toqgħodu attenti għall-fatt, li ladarba jissemma t-terminu “l-Imgħallmin Axxendenti”, tistgħu tibqgħu ċerti li dawn l-anġli mhux ġejjin mis-Sema. Dawn l-Imgħallmin Axxendenti uliedi, huma l-anġli ribelli u ġejjin mis-Saltna tad-Dlam. Madankollu, huma jgħidulkom u mbagħad anke jikkonvinċukom, li huma ġejjin mis-Saltna tad-Dawl. Dan l-ispiritwaliżmu pagan kollu, jekk tħalluh jikkontrolla ħajjitkom, eventwalment se jiġbidkom 'l isfel fil-qiegħ tas-Saltna tad-Dlam, meta intom lanqas tkunu qegħdin tistennew. Ix-Xitan se joqgħod attent ħafna, dwar kif jippreżenta dan il-gideb sewdieni tiegħu, għaliex huma se jgħidulkom il-ħin kollu, u intom temmnu, li dawn l-affarijiet huma kollha tajbin.
Ħafna minn dawn il-prattiċi huma ppreżentati bħala tajbin sabiex ikollkom stima tajba tagħkom infuskom, biex takkwistaw il-kunfidenza, u saħansitra l-kontroll fuq ħajjitkom, li kollha huma gideb. Dawn il-prattiċi, mhux biss iwarrbukom mill-Verità, iżda jġibu wkoll miżerja kbira fukom, ladarba l-Ispirti l-Ħżiena jidħlu f’ruħkom bħala riżultat dirett ta’ dawn il-prattiċi.
Il-Bibbja Twissi Dwar il-Perikli tal-Maġija
Il-Verità qatt ma tista’ tiġi mbagħbsa. It-Tagħlim mogħti lill-bniedem fil-Bibbja Mqaddsa, jwissi lill-umanità dwar il-perikli tal-maġija, it-tbassir tal-futur u l-inċensar tal-Allat foloz. Fid-dinja tal-lum, dawn il-prattiċi huma ppreżentati li ma jagħmlux ħsara, anzi, huma neċessarji għall-ġid spiritwali tagħkom. Minħabba n-natura ta’ ċerti erwieħ mansi, ħafna minnhom se jkunu b’mod naturali miġbuda lejn il-Prattiċi tal-Era l-Ġdida, minħabba l-faċċata falza tal-Imħabba li jippreżentaw. Xejn ma jista' jkun aktar 'il bogħod mill-Verità.
Twissija Dwar id-Devozzjoni Fanatika Lejn l-Anġli
Ftakru li huwa x-Xitan u demonji tiegħu, li b’reqqa u b’makakkerija jiġbdukom f’dan il-gideb, li inthom lanqas biss tissusspettaw fih. Għal dawk minnkom li qegħdin tippromwovu din id-devozzjoni kważi fanatika lejn l-anġli, għandi dan x’ngħidilkom. Għaliex l-ewwel ma tipproklamawx il-Kelma t’Alla, il-Missier Etern tiegħi? Jaqaw din l-ossessjoni bl-anġli, mhijiex biss forma oħra ta' idolatrija? Iva u ovvjament, li intom għandkom titolbu l-għajnuna tal-Anġli Mqaddsa, madankollu, dejjem għandkom tistaqsu din il-mistoqsija: Id-devozzjoni tagħkom lejn l-anġli hija għad-detriment tal-imħabba tagħkom għal Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla jew għal Alla, il-Missier Etern? Jekk iva, allura qegħdin toffendu Lili, is-Salvatur Divin tagħkom, Ġesù Kristu.
Stenbħu issa għal dan il-gideb tal-hekk imsejjaħ spiritwaliżmu. L-anġli li qegħdin issejjhu billi tipparteċipaw fi prattiċi bħal dawn, mhux ġejjin mis-Sema jew mis-Saltna tad-Dawl. Huma biss jidhru li ġejjin mis-Saltna tad-Dawl, iżda dak huwa l-qerq li x-Xitan u d-demonji tiegħu, li jużaw sabiex jaħbu b’mod intelliġenti, l-azzjonijiet qarrieqa tagħhom.
Ftakru issa lezzjoni waħda tal-aħħar. Iddandnu b’dawn il-prattiċi pagani tagħkom kemm tridu, sabiex tidhru qiskom qegħdin tagħtu ġieħ lid-Dawl Divin tas-Sema, iżda din hija gidba. Din il-gidba, flimkien ma’ dawk in-nies li intom tikkonvinċu sabiex isegwu dan il-vjaġġ stramb lejn dak li jissejjaħ renju spiritwali, barra minn dak ta’ Missieri, se tressaqkom tant qrib ix-Xitan, li mbagħad meta taslu f’ċertu punt, ma jista’ jkun hemm l-ebda ritorn lura.
L-unika Saltna Divina ta’ Mħabba li teżisti, 'l fuq minn din id-dinja, hija Dik tas-Sema. Kull ħaġa oħra differenti li ġejtu mgħarrfa biha, mhix vera. Ix-Xitan, madankollu, jridkom temmnu li renju ieħor jeżisti tassew. Ir-realtà hi, li huwa qiegħed jiġbed dawk l-erwieħ kollha, li xejn u qatt ma jissuspettaw u li huma superstizzjużi, lejn is-Saltna tad-Dlam u tal-Infern miegħu, u mad-demonji, u kollox f’isem imħabba falza.
Jekk jogħġobkom ftakru, li l-Imħabba, l-Imħabba Vera, tista’ tiġi biss minn Alla, il-Missier Etern.
Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu