Il-Konfużjoni Dwar Xi Tfisser it-Tieni Miġja Tiegħi

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Mejju 2011 @ 10:00

Il-Konfużjoni Dwar Xi Tfisser it-Tieni Miġja Tiegħi.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-20 ta’ Mejju, 2011, fl-10 am.


Maħbuba binti l-għażiża, ħafna nies jistaqsu dwar, xi tfisser eżatt it-Tieni Miġja tiegħi, mela allura ħalli Nispjega: Jiena Ġejt fid-dinja l-ewwel darba, sabiex Nifdi lill-umanità mid-dlam etern, u dan sabiex l-umanità, tkun tista’ tibbenefika mill-Ħajja Eterna. Alla, il-Missier li Jista’ Kollox, mill-Ħniena tiegħu, Bagħatni sabiex uliedu kollha jkollhom il-Ħajja. Għaliex sa dakinhar, minħabba d-dnubiet ta’ Adam u Eva, dan ma setax ikun possibbli. Jiena sejjer Nerġa’ Niġi din id-darba fid-dinja, sabiex Nippremja lil dawk kollha li jinsabu mixjin Warajja. Hawn ħafna konfużjoni fid-dinja dwar dan l-avveniment. Ħafna nies jemmnu, li t-Tieni Miġja tiegħi tindika li waslet l-aħħar tad-dinja. Dan mhux il-każ, anzi altru minnhekk, għaliex minflok, din it-Tieni Miġja tiegħi, tfisser tmiem iż-żmien, ta’ meta Satana u s-segwaċi tiegħu, li qegħdin joħolqu miżerja bla qies fid-dinja, se jitkeċċew minn din l-art, għal elf sena.


Dwar il-Ġenna tal-Art il-Ġdida fid-Dinja

Din il-Ġenna tal-Art il-Ġdida li Jiena Wegħedt, sejra sseħħ meta s-Sema u l-Art jingħaqdu flimkien sabiex isiru ħaġa waħda. Din il-Ħajja Ġdida, li Jiena qiegħed Inġib lis-segwaċi devoti kollha tiegħi, hija Ħajja ta’ Mħabba u Glorja. Madankollu, intom, is-segwaċi tiegħi, se jkollkom tissaportu ħafna tbatija, sakemm isseħħ din it-tranżizzjoni. Sabiex Jiena Ngħin ħalli Nipprepara lid-dinja għal dan l-avveniment kbir, Jiena qiegħed Inġib ir-rigal kbir tal-Ħniena tiegħi minn qabel. It-Twissija l-Kbira, li sejra tagħti lil kull wieħed u waħda minnkom, iċ-ċans li taraw dnubietkom u kif dawn joffenduni, sejra tippermettilkom taraw il-Verità. Meta intom tirrealizzaw it-tabajja’ tad-dnub li jeżistu ġewwa fikom, imbagħad dakinhar biss tifhmu verament in-Niket li Jiena Nħoss.


Ħjiel ta’ x’Sejjer Jiġri fil-Ġudizzju Finali

Billi Nħallikom ilkoll tesperjenzaw dan l-att kbir tal-Ħniena tiegħi, se tingħatalkom lemħa vera ta’ x’se jiġri f’dak il-jum tal-Aħħar l-Ġudizzju. B’dan il-mod ikun qiegħed jingħatalkom ċans ġust sabiex terġgħu lura Għandi. Qegħdin taraw, Jien Inħobbkom ilkoll b’Passjoni tant profonda u dejjiema, li se Nagħmel dak kollu possibbli sabiex Insalvakom mill-ħakma tal-Qarrieqi. Madankollu, għandkom tkunu mwissija, li x-Xitan (Satana) issa sejjer jżid l-attivitajiet tiegħu permezz ta’ ħutkom, sabiex jipperswadikom tagħtuni dahrkom, anke wara li sseħħ din il-ġrajja kbira. Issa jeħtieġ li tiftħu moħħkom, twarrbu kull raġunament uman fil-ġenb, sabiex taċċettaw il-verità tal-eżistenza tagħkom fid-dinja. Kull gidba mdaħħla fil-ħsieb xjentifiku uman, sejra titwettaq sabiex ma tħallikomx taċċettaw il-Verità. Ix-Xitan ma jridx li intom uliedi, tiġu Għandi. Il-ħakma tiegħu li qisa morsa, trid tintemm, imma dan jista’ jsir biss bl-għajnuna tagħkom. Tħalluhx iċajpar il-ġudizzju tagħkom bil-gideb tiegħu. Madankollu, sejjer ikun diffiċli ħafna għalikom li tinjoraw l-argumenti, it-tmaqdir u ż-żeblieħ tiegħu. Għaliex hu hekk jaħdem.


Ix-Xitan Sejjer Jaħdem Permezz ta’ Nies Oħra, Sabiex Jaqtagħlkom Qalbkom

Ħafna minnkom ma tintebħux li Satana qiegħed jaħdem hekk, permezz ta’ nies oħra, u li forsi intom anke tirrispettaw il-fehmiet tagħhom. Imma hu jaħdem eżattament hekk. Huwa sejjer jikkomunika permezz ta’ dawk l-erwieħ imsejkna, li jinsabu miġbuda lejn id-dlam. Huwa se jiżgura li moħħhom ikun imblukkat għall-Verità tal-Glorja tiegħi, kif ukoll għall-Ħajja Eterna, li hija tagħkom bi dritt. Araw li qatt ma tħallu l-influwenza tiegħu taffettwa l-imħabba tagħkom Għalija. U qisu li tiftakru, li huwa mhux se jirbaħ din il-battalja, qatt, u mela allura għalhekk ukoll, dawk l-erwieħ imsejkna li jsegwuh, sejrin jintefgħu fl-Infern miegħu. Jekk tixtiequ l-Ħajja Eterna, mela użaw dan iż-żmien fid-dinja sabiex kompletament twarrbu lix-Xitan, dlament li tistgħu.


Jiena Sejjer Insaltan Fuq id-Dinja għal Elf Sena

Binti, Jiena sejjer Insaltan fuq id-dinja għal elf sena. Qisu li ma tagħmlux xi żball u taħsbu mod ieħor, għaliex Jien issa Inkarigat mill-ġrajjiet ta’ kif qegħdin jiżvolġu fid-dinja bħalissa. Jiena issa Ħejjejt it-triq għas-Saltna l-Ġdida tiegħi fid-dinja, u dak iż-żmien issa qorob, ħafna eqreb milli ħafna jaħsbu. Ifirħu għaliex din l-aħbar sejra tintlaqa’ tajjeb minn kulħadd. Sejra ġġib fi tmiem it-tbatija kollha fid-dinja. Sejra tqabbad ħuġġieġa nar ta’ mħabba u glorja, sabiex uliedi kollha jkunu parti minnha.

Din il-Ġenna tal-Art il-Ġdida sejra tkun lil hinn mill-komprensjoni tagħkom, imma isimgħu dan: Din il-Ħajja l-Ġdida sejra toffri lis-segwaċi devoti tiegħi kollha, ħajja ħielsa mill-inkwiet. Mhu se jkun jonqoskom allolutament xejn. Kollox sejjer jiġi pprovdut lilkom Minni. Kull wieħed u waħda minnkom, li għażiltu din is-Saltna Glorjuża sejrin tibqgħu mistagħġba bil-Ġojjell Prezzjuż li qiegħed jistenniekom. Araw li titolbu issa sabiex ħutkom jiftħu għajnejhom għall-Verità tal-Wegħdiet li Jiena Għamilt, sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jidħlu f’din il-Ħajja l-Ġdida fid-Dinja.


Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM