Għaliex Jien Nikkomunika mad-Dinja b’Dan il-Mod

It-Tnejn, 23 ta’ Mejju 2011 @ 09:45

Għaliex Jiena Nikkomunika mad-Dinja b’Dan il-Mod.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-23 ta’ Mejju, 2011, fid-9.45 am.


Maħbuba binti l-għażiża, issa wasal iż-żmien li tirrifletti fuq il-Messaġġi Sagri tiegħi, u tiżgura, li kemm jista’ jkun midinbin madwar id-dinja, jagħtu kashom. Araw li ma tagħmlux żball, għaliex dawn il-Messaġġi qegħdin jingħataw lid-dinja bħala rigal, sabiex jgħinu fis-Salvazzjoni tagħkom ilkoll, intom uliedi kollha kemm intom, inklużi dawk li qegħdin isegwu toroq differenti lejn Alla l-Missier Etern. In-nies, speċjalment il-Kattoliċi, se jkunu konfużi meta Jiena ma Npoġġihomx qabel uliedi l-oħra ta’ twemmin differenti. Il-Kliem li Jiena Għażilt huma mfassla apposta, sabiex jinstemgħu minn kulħadd, u mhux biss mill-ftit magħżula. L-Imħabba tiegħi ma Tagħzilx bejn persuna jew oħra. Għal dawk li jiddubitaw, dwar dan il-mod ta’ kif Jiena Nitkellem mal-umanità, permezz ta’ din il-Messaġġiera, isimgħuni issa: Filwaqt li intom, is-segwaċi tiegħi, tifhmu li l-Verità qatt ma nbidlet minn żmien il-Kruċifissjoni tiegħi, kunu afu mela, li Jien Irrid Nestendi l-Imħabba tiegħi lil-ulied kollha ta’ Alla. Ħadd mhu aħjar minn ħaddieħor.

Binti, inti m’għandekx twieġeb jew tipprova tiddefendi l-Kelma tiegħi, meta inti tiġi sfidata, sabiex tispjega għaliex Jiena nitkellem b’dan il-mod. Il-Kelma tiegħi hija Divina. Din m’għandhiex tinbidel jew tiġi emendata biex taqbel ma’ dawk li jqisu lilhom infushom esperti fil-liġi teoloġika. Dan għaliex il-Kelma tiegħi sejra tingħata lid-dinja b’mod ċar u b’lingwa li tinftiehem mill-umanità tal-lum. Ħafna sejrin jistaqsu: Għaliex dan il-Kliem ma jużax l-istess terminoloġija, jew espressjonijiet użati mill-Profeti u l-Appostli tiegħi tal-qedem, u Jien issa se Nweġebhom: Ftakru li t-Tagħlim tiegħi qatt ma jinbidel. Ma jimpurtax liema lingwa Jiena Nuża llum sabiex Nikkomunika b’mod modern, il-Verità tibqa’ l-istess, mhux minsusa.

Oqogħdu attenti mill-viżjonarji jew nies li jkollhom dehriet, li jsostnu li qed jirċievu messaġġi Mingħandi, fejn jużaw lingwaġġ antik jew siltiet mill-Bibbja Mqaddsa. Għaliex dan mhux il-mod kif Jiena Nikkomunika mal-umanità tal-lum. U għaliex Jiena qiegħed Nagħmel dan? Ma nkunx forsi qiegħed inbegħed Minni ġenerazzjoni ġdida? Ta’ dawk li mhumiex konxji tal-lingwa li tinsab fil-Ktieb Imqaddes ta’ Missieri? Is-sempliċità hija ċ-ċavetta wliedi, meta intom tikkomunikaw il-Kelma l-aktar Imqaddsa tiegħi. Ftakru, li meta tgħallmu lil ħaddieħor dwar il-Verità tal-Eżistenza tiegħi, is-sempliċità fl-imġieba tagħkom hija essenzjali. Jekk ma tagħmlux dan, ma tilħqux dawk l-erwieħ mitlufa, għaliex huma jagħlqu widnejhom għalikom.


Messaġġ tal-Imħabba Tiegħi

Il-Messaġġ ta’ Mħabbti huwa sempliċi ħafna. Jiena Hu l-Ħajja li jixxennqu għaliha wliedi fid-dinja. Araw li tispjegawlhom li Jiena l-Verità. Agħmluwilhom ċara, li mingħajri m’hemm l-ebda Ħajja Eterna. Użaw il-Profeziji, li Jiena qiegħed Niżvela lil din il-Messaġġiera, sabiex tiġbdu l-attenzjoni ta’ dawk li ma jemmnux. Għaliex għalhekk dawn qegħdin jingħataw lid-dinja. Mhux biex ibeżżgħuhom, imma sabiex ikollhom il-provi li Jiena tassew Qiegħed Nikkomunika llum, u dan b’mod li bih, l-aktar Kelma Mqaddsa tiegħi, mhux biss tinstema’, imma tiġi emmnuta.


Il-Maħbub Salvatur u Għalliem tagħkom,
Ġesù Kristu,
Is-Sultan tal-Ħniena


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM