Jekk Issibuha Diffiċli Sabiex Titolbu.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-24 ta’ Mejju, 2011, fis-6 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, kemm Jiena ferħan illum, għaliex tant sar xogħol, sabiex il-Kelma l-Aktar Qaddisa tiegħi tinfirex mad-dinja, bis-saħħa tal-Ħidma tiegħek. Inti qatt m’għandek tħossok li m’intix qegħda taħdem biżżejjed, minħabba l-ammont ta’ nies li jinsabu jirrifjutaw dawn il-Messaġġi. Dawk minn uliedi li ma jaċċettawx il-Kelma tiegħi issa, maż-żmien għad jaċċettawha. Imbagħad huma jsiru bil-għatx sabiex jisimgħu Leħni. Int issa qis biss li tibqa’ ffukata Fuqi. Titfixkilx minħabba dawk li jżebilħu dawn il-Messaġġi. Ara li ma taqtax qalbek, għaliex dawk li qegħdin jisimgħu l-Kelma tiegħi, issa fil-fatt, huma stess jinsabu jxerrdu l-Verità lil oħrajn, minħabba l-imħabba tagħhom Għalija.
Il-konverżjoni hija sfida diffiċli, f’dinja li tinsab tant għamja għall-Verità tal-Ħajja Eterna. Il-perseveranza hija meħtieġa, għaliex bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, li l-Qawwa tiegħu issa qiegħda tinħass ma’ kullimkien madwar id-dinja, uliedi eventwalment, sejrin jerġgħu lura Għandi, iżda mhux kollha kemm huma. Għal dawk li jippreferu l-kumditajiet artifiċjali, offruti lilhom permezz tal-Qarrieqi, huma sejrin isibuha diffiċli ħafna li jiċħdu l-ħajja li qegħdin jgħixu. Araw li titolbu għall-familji u l-ħbieb kollha tagħkom issa, sabiex tkunu tistgħu tingħaqdu lkoll fl-imħabba tagħkom Għalija matul it-Twissija l-Kbira. Għaliex jekk taċċettaw dan l-avveniment bħala t-triq tagħkom lejn il-libertà, intom sejrin tiġu ppremjati bil-Ħniena l-Kbira tiegħi.
It-Talb Mhux Faċli
Għal ħafna minn uliedi, li jsibu r-reċitazzjoni ta’ talb twil u ripetittiv xi ftit tedjanti, it-talb għalihom mhux faċli. Jekk dan huwa l-mod kif titolbu u qegħdin titħabtu sabiex tgħiduh, allura kemm toqogħdu bilqiegħda fil-kwiet, u tikkomunikaw Miegħi fis-silenzju. Intom kemm biss tirriflettu fuq Ħajti, ta’ meta Jiena Kont fid-dinja. Sempliċiment kemm tfakkru lilkom infuskom, dwar iż-żmien li Jiena Qattajt fuq din l-art, u t-Tagħlim ta’ Mħabba li tajtkom ilkoll. Dak ikun biżżejjed. Ħallu lilkom infuskom u lil moħħkom jikkalma u Jien Inkun magħkom waqt il-kontemplazzjoni. Jiena Nimxi ma’ kulħadd. Jien Inkun Preżenti kull minuta tal-ġurnata tagħkom, tkunu xi tkunu qegħdin tagħmlu. Jiena qatt ma Nkun ’il bogħod minnkom.
Ftakru li Jien il-Bastun tagħkom fil-ħajja. Strieħu Fuqi. Itolbuni l-Għinuna b’sinċerità u Jiena Nisma’ s-sejħa tagħkom. Jiena qatt ma Nirrifjuta t-talba tagħkom, jekk din tkun skont ir-Rieda Mqaddsa tiegħi. Madankollu, meta intom titolbuni xi pjaċiri, li huma maħsuba sabiex ikollkom iż-żejjed fid-dinja, kunu afu, li Jiena dawn qatt ma Nagħtihom. Għaliex Jiena qatt ma Nista’ Nagħtikom xi rigali, li Naf li huma ta’ ħsara għal ruħkom. Ir-rigali tiegħi jingħataw sabiex Inkun Nista’ Nressaqkom eqreb lejn Qalbi, għax meta jiġri dan, intom ma jkun jonqoskom xejn aktar.
Il-Mahbub u Devot Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu