Messaġġ ta’ Twissija lill-Mexxejja tad-Dinja.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-25 ta’ Mejju, 2011, fl-10 pm.
Binti, pajjiżi sħaħ madwar id-dinja, kollha qegħdin ibaqbdu minn taħt, bl-inkwiet li għandhom, kemm minħabba l-mibegħda li qed tintwera mill-bniedem għall-bniedem ieħor, kif ukoll minħabba t-taqlib ekoloġiku imminenti. Hawnhekk, in-Natura Omm dalwaqt se tifrex dak li ma ħadd ma qiegħed jistenna, sabiex turi lill-bniedem, li irrispettivament mis-suppervja arroganti tiegħu, huwa fil-fatt m’għandu kontroll ta’ xejn.
Il-bniedem għandu ħafna lezzjonijiet x’jitgħallem. L-isforzi kostanti minn dawk fl-awtorità, sabiex jiksbu l-poter fl-ogħla livelli, qiegħed ikollhom effett fuq il-bniedem ordinarju, li jkollu jiddependi fuq dawk il-mexxejja tal-gvern u tan-negozju, sabiex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu. L-għajnuna meħtieġa mill-bniedem, sejra tidher biss, meta dawk il-mexxejja jaħkmu b’imħabba vera f’qalbhom, fuq in-nies tagħhom stess. Sfortunatament, ir-regħba u x-xenqa għall-poter, ifissru li fil-fatt dan mhuwiex l-għan ta’ ħafna mexxejja fid-dinja tal-lum.
Alla l-Missier Mhux Se Jibqa’ Jittollera l-Għemejjel Midinbin Tagħkom
It-twissija tiegħi lil dawk il-mexxejja madwar id-dinja kollha, intom min intom, hija din. Wikku fuq in-nies tagħkom prattiki inġusti u tbatijiet, u l-Id tal-Missier Etern tiegħi, malajr sejra tinżel fuq dawk il-pajjiżi u l-postijiet fejn tgħixu. Huwa mhux se jibqa’ jittollera l-għemejjel midinbin tagħkom. Inħbew jekk tridu, imma jkun kollu għalxejn. L-armamenti tal-qerda tagħkom sejrin jinqerdu. Il-mod kif qegħdin tittrattaw liċ-ċittadini oħra sħabkom, se joħloq sitwazzjoni, tridu jew ma tridux, fejn ikollkom tagħtu kont lil Alla l-Missier Etern. Ir-responsabbiltajiet morali tagħkom iridu jiġu osservati, għaliex eventwalment, intom sejrin tiġu ġġudikati skont l-azzjonijiet taghkom.
Qisu li tmexxu lin-nies tagħkom b’imħabba, b’dinjità u b’rispett, għall-ġid fiżiku u morali tagħhom. Jekk iċċaħħdu lin-nies tagħkom mid-dritt għal-libertà reliġjuża, jew timponu dittatorjati ta’ kwalunkwe tip fuqhom, li jġegħluhom inaqqsu jew jieqfu mill-prattiki reliġjużi tagħhom, f’isem l-għaqda politika tagħkom, allura mbagħad intom sejrin tkunu kkundannati, u minbarra s-sofferenza minħabba l-azzjonijiet tagħkom, sejjer ikollkom ġudizzju aħrax. Kull min minnkom jaħlef lealtà lejn in-nies tagħkom f’Isem Alla, il-Missier Etern, u li mbagħad idaħħal liġijiet ġodda inġusti, li jċaħduhom mid-dritt għall-ikel, għall-kenn u għall-libertà reliġjuża, sejjer jiffaċċja l-Qilla u l-Id ta’ Alla, il-Missier.
Id-dinja bħalissa qiegħda tbati f’kull pajjiż, minħabba d-dittatorjati, għalkemm mhux f’ċertu postijiet fejn intom tassumu li qiegħed jiġri hekk. Id-dinja qiegħda tbati wkoll minn diffikultajiet finanzjarji li jkomplu jdgħajfu lill-vulnerabbli. Issa Jiena rrid ngħid lil dawk il-mexxejja li għandhom xi sens ta’ dmir Nisrani, li intom għandkom tiġġieldu għad-dritt li jippermetti t-Tagħlim tiegħi jinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħkom, fejn dawn se jkollhom impatt dirett fuq uliedi kullimkien.
Lil dawk minnkom li qegħdin tikkonfoffaw fil-kurituri tal-poter, sabiex trażżnu għadd kbir ta’ pajjiżi b’mod ikkontrollat, li sejjer jaffettwa nazzjon wara ieħor, u li sejjer iwassal għal tbatija kullimkien, mela kunu afu, li l-azzjonijiet tagħkom sejrin jiġu kkastigati. Għaliex Alla, il-Missier Etern, kien paċenzjuż s’issa, bit-tama li intom taraw il-bluha ta’ triqatkom. Minflok imxejtu ’l quddiem bħala grupp elitista, li jqis lilu nnifsu aktar importanti mill-bqija tar-razza umana. Oqogħdu attenti, għaliex l-azzjonijiet tagħkom sejrin jispiċċaw f’diżastru. Il-lealtà tagħkom għall-ġid, għad-dominanza u għar-regħba, mhux biss se jħallukom imneżża’ u vulnerabbli, iżda fi stat agħar minn ta’ dawk stess, li intom tabbużaw minnhom permezz tal-użu ħażin tal-poter.
Issa wasal iż-żmien għall-battalja, sabiex id-dinja tinħeles mill-ħażen u l-ħakma tax-Xitan (Satana). Alla l-Missier issa wasal biex jippermetti ħafna terremoti, tsunamis u għargħar, fi sforz sabiex iġegħelkom tieqfu u tindunaw. Il-pjanijiet tagħkom biex twaqqgħu mexxejja dinjija, tneħħu lil dawk fil-poter ta’ gruppi reliġjużi, u biex tintroduċu miżuri ta’ kontroll, inkluż il-Munita Waħda Dinjija, mhux se jiġu injorati. Hekk kif issa qegħdin taraw dawn l-avvenimenti jiżvolġu, intom sejrin issibuhom impossibbli li tinjorahom. Dawn l-avvenimenti se jfixxklu l-ossessjoni għamja tagħkom għall-poter. Sejrin tindunaw bl-iżbalji ta’ triqatkom. U meta tagħmlu dan, Jien sejjer nkun għall-lest nistenniekom. Intom sejrin tiġu tiġru Lejja u titolbuni, mhux biss għall-maħfra, iżda sejrin tużaw l-imħabba tagħkom Lejja bħala tpattija. Intom uliedi, li għandkom imħabba profonda Għalija, intom l-akbar tama tiegħi, sabiex Jiena negħleb il-ħażen u l-korruzzjoni fil politika inġusta fid-dinja tal-lum. Itolbuni għall-Grazzji sabiex jgħinukom terġgħu lura Għandi.
Katastrofi Klimatiċi li Ma Dehrux Bħalhom Sa Minn Żmien Noè
It-talb, kif digà Għidt qabel, se jgħin biex id-diżastri fid-dinja jitnaqqsu, hekk kif id-dinja issa miexja lejn sensiela ta’ katastrofi relatati mal-klima, li qatt ma dehru bħalhom mill-bniedem sa minn żmien Noè. Id-dinja, kif tafuha, sejra tbati tant avvenimenti f’daqqa, li l-kaos u l-konfużjoni sejrin jsiru n-norma.
Għaliex tridu tħallu jiġri dan? Jiena qiegħed Nitkellem ma’ dawk b’influwenza politika u finanzjarja kbira, u li jafu b’dak kollu li qiegħed jiġri wara l-bibien magħluqa. Dan huwa l-aħħar ċans tagħkom, mogħti lilkom minn sens ta’ Mħabba u Kompassjoni lejn il-bniedem kullimkien, sabiex idduru issa u twaqqfu t-triqat ħżiena tagħkom. Jew inkella, jkollkom tiffaċċjaw il-konsegwenzi.
L-Imħallef Ġust tagħkom,
Ġesù Kristu,
Is-Sultan tal-Ħniena