Għidilhom li Jien Inħobbhom, Imma li Rridhom Jitkellmu Miegħi.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-31 ta’ Mejju, 2011, fl-10 am.
Maħbuba binti l-għażiża, dan kien vjaġġ straordinarju għalik, u fuq perjodu daqstant qasir. Jiena qiegħed Ninduna li issa inti tinsab għajjiena. Madankollu, l-ħeffa li biha dawn il-Messaġġi ġew milqugħa minnek, u ppubblikati f’tant lingwi, u f’daqshekk malajr, turi l-urġenza li dawn jirrappreżentaw. Dan juri wkoll il-Gwida Divina, li tinsab taħdem fl-aktar format perfett tagħha. Dawn il-Messaġġi, filwaqt li huma mimlija bit-Tagħlim tiegħi, fil-fatt qegħdin jingħataw sabiex jispjegaw l-importanza li intom tippreparaw ruħkom, f’din il-ħajja, issa u sakemm tistgħu. Ħafna nies, meta jaqraw dawn il-Messaġġi, speċjalment dawk li ftit jemmnu f’Alla, il-Missier Etern, sejrin jitħawwdu bihom. Ħafna nies sejrin jikkonvertu. Xi wħud se jibżgħu dwar il-futur tagħhom fuq din l-art, kif ukoll dak tal-familja u l-ħbieb tagħhom.
Jekk jogħġbok, għidilhom li Jien Inħobbhom. Jekk, billi l-ewwel jiftħu moħħhom għall-fatt li Alla verament Jeżisti, allura mbagħad, huma jkunu lesti għat-tieni stadju. Dak ikun il-mument meta jibdew jistaqsu: “Għaliex qegħda isseħħ din il-komunikazzjoni? Għaliex Ġesù Kristu, l-Iben Uniku ta’ Alla, il-Missier Etern, Jieħu daqshekk passi straordinarji?” U mbagħad huma jaslu għall-konklużjoni ovvja: Huwa għaliex Jien Inħobb lil kull wieħed u waħda minnkom, tant li Rrid Insalvakom mill-ġdid. Jien Irrid Ingħożżkom ilkoll Miegħi u sejjer Nagħmel l-aktar Sforzi Straordinarji sabiex Inressaqkom eqreb lejn Qalbi. Jien Irrid Immisskom f’qalbkom stess, sabiex id-dawl jixgħel f’ruħkom. M’hemm xejn minn xiex għandkom tibżgħu f’din id-dinja, jekk tafdaw Fija kompletament. Jiena Għandi Pjanijiet mill-isbaħ għalikom ilkoll, jekk biss tersqu eqreb lejn il-Qalb Imqaddsa tiegħi. L-akbar Doni prezzjużi qegħdin jistennewkom. Qisu li ma tibżgħux mill-inkwiet tad-dinja. Għaliex Jiena Nipproteġi lil dawk kollha li jemmnu Fija, u Nipprovdi għall-bżonnijiet ta’ ġisimkom. Afdaw Fija, il-Mulej tal-Umanità, mibgħut għal darb’oħra, sabiex Insalvakom mid-dlam etern.
Duru lejja, bħalma jagħmlu t-tfal innoċenti. M’hemmx bżonn toqgħodu titgħallmu t-talb, jekk intom injoranti. Iva, dawn huma ta’ għajnuna kbira u qawwija, imma kull ma Jiena qiegħed Nitlobkom tagħmlu hu, li titkellmu Miegħi, bil-mod li normalment titkellmu ma’ ħabib. Isa intelqu. Afdaw Fija. Itolbu l-Għajnuna tiegħi. Il-Ħniena tiegħi hija kbira u qegħda tfur, qegħda tistenna biss sabiex taħkimkom. Jaħasra, li kieku biss kontu tafu l-Kompassjoni li Jiena Għandi għal kulħadd fid-dinja, u anke għall-midinbin. Qegħdin taraw kif uliedi jibqgħu wliedi, anke meta d-dnub iħammeġ lir-ruħ tagħhom. Jiena Nobgħod id-dnub, imma Nħobb lill-persuna. Tant minnkom tibżgħu titolbuni regolarment għall-maħfra. Imma intom qatt m’għandkom għafejn tinkwetaw. U qatt ifisser qatt. Jekk verament jiddispjaċikom, intom tkunu maħfura.
Id-dnub uliedi, sejjer ikun problema kontinwa f’ħajjitkom. Anke l-aktar segwaċi devoti tiegħi jidinbu, anzi, jidinbu darba wara l-oħra. Dan huwa fatt. Ladarba x-Xitan (Satana) daħal fid-dinja, id-dnub imfirex. Ħafna nies jistħu wisq biex iduru Lejja. Jiddejjqu jbaxxu rashom u jagħlqu għajnejhom meta jkunu ġabu ruħhom ħażin. Huma mkabbrin wisq u imbarazzati, ikomplu bħallikieku d-dnub, sejjer jintesa waħdu. Dak li ma jirrealizzawx hu, li d-dlam jattira d-dlam. Għalhekk meta tidinbu, imbagħad ikun ħafna aktar faċli li terġgħu tidinbu. Billi timblokkaw l-kuxjenza tagħkom, dan iċ-ċiklu jispiċċa jkompli jdur u jdur. Imbagħad il-midneb isib kull skuża sabiex jinjora l-ħażen tiegħu. Huma jibqgħu niżlin dejjem aktar ’l isfel, f’dan il-garigor bla qiegħ. Dan kollu għaliex ma jafux kif jitolbu maħfra. Minħabba li ma fehmux l-importanza tal-umiltà, isibuha impossibbli li jduru Lejja, sabiex jitolbuni Naħfrilhom.
Jaħasra, din mhix xi ħaġa kkumplikata, u intom tafu kif titolbuni maħfra. Imma issa araw li qatt ma tibżgħu Minni. Jiena qiegħed Nistenna lil kull wieħed u waħda minnkom li għandkom il-kuraġġ, sabiex tikkundannaw dnubietkom stess. Meta trabbu din id-drawwa fikom, jingħatawlkom rigali straordinarji. Wara li tistqarru dnubietkom, intom tkunu fi stat ta’ Grazzja. Imbagħad, meta tirċievu l-Ewkaristija Mqaddsa, intom tħossu enerġija qawwija fikom, li tissorprendikom. Imbagħad u dakinhar biss, issibu l-vera paċi. Xejn ma jħawwadkom aktar. Issiru b’saħħitkom u mhux biss f’ruħkom. Moħħkom ikun aktar kalm u jkun aktar ikkontrollat. Intom imbagħad tiffaċċjaw il-ħajja minn perspettiva differenti u aktar pożittiva. Għiduli ftit: Min ma jridx ħajja bħal din? Erġgħu lura Għandi uliedi, matul dawn iż-żminijiet ta’ niket fid-dinja. Ħalluni Nurikom il-ferħ li hu tagħkom, meta dduru Lejja. Qisu li tiftakru, li Jiena darba tajt Ħajti għalikom. L-Imħabba tiegħi ma għandhiex limiti. Jiena sejjer Inwieġeb għas-sejħa tagħkom. Kull ma tridu tagħmlu hu biss li titolbuni.
Il-Maħbub u Prezzjuż Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu