Ħejju l-Familji Tagħkom Għal Meta Jaraw s-Salib Tiegħi fis-Sema

L-Erbgħa, 8 ta’ Ġunju 2011 @ 16:45

Ħejju l-Familji Tagħkom Għal Meta Jaraw s-Salib Tiegħi fis-Sema.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-8 ta’ Ġunju, 2011, fl-4.45 pm.


Maħbuba binti l-għażiża, irrid naqsam miegħek is-sentimenti li qiegħed inħoss bħalissa. L-ewwel huwa wieħed ta’ ferħ, għaliex sejjer nġib tant Ħniena lil uliedi matul l-Illuminazzjoni tal-Kuxjenza, li hija fil-qrib. U mbagħad hemm id-Dmugħ tan-Niket kbir tiegħi, għal dawk li ma jafux b’dan l-avveniment u li mhumiex ippreparati għalih. Uliedi se jkollhom bżonn jgħidu lil kemm jista’ jkun minn ħbiebhom u mill-familjari tagħhom dwar dan l-avveniment kbir, sabiex isalvaw ruħhom.

Ma jimpurtax jekk huma jitbissmu u jirridikolaw l-istqarrijiet tagħkom, għaliex wara sejrin jirringrazzjawkom. Għidulhom il-verità. Itolbuhom jiftħu moħħhom. Huma għandhom bżonn ikunu konxji ta’ dak li se jaraw, sabiex meta jilmħu s-Salib tiegħi fis-sema, jkunu ppreparati. Dak hu kollu li jeħtieġ li jifhmu. Hekk imbagħad, huma jkunu jistgħu  jaċċettaw id-dwejjaq li se jissaportu meta ħajjithom tal-passat tidher quddiem għajnejhom. Itolbuhom sabiex jirrevedu ħajjithom u sabiex jiftakru fil-ħsara li setgħu għamlu lil ħuthom subien u bniet.


Wara t-Twissija l-Kbira, Xerrdu l-Kelma Tiegħi 

Uliedi, hekk kif isseħħ it-Twissija l-Kbira u meta sseħħ il-konverżjoni, qis li tgħaġġlu sabiex ixerrdu l-Kelma l-Aktar Imqaddsa tiegħi. Dan kollu huwa urġenti, għaliex sejjer ikun perjodu kruċjali. Dak ikun, meta permezz tal-ħidma tas-segwaċi għeżież tiegħi u kull fejn jinsabu, uliedi sejrin jibqgħu fit-triq it-tajba. Dak ikun iż-żmien, meta t-talb u l-konverżjoni jistgħu jnaqqsu l-impatt tal-kaos li se jseħħ, permezz tar-renju tal-Antikrist u tal-Profeta Falz.

Aċċettaw il-Verità issa għal dak li hi tassew. Qisu li ma tibżgħux mill-Verità. Għannquha magħkom. Għaliex meta tagħmlu dan, intom tinħelsu u l-fiduċja tagħkom Fija tippermettilkom tiddefendu l-Kelma tiegħi kif suppost. Il-biża’ żżommkom lura, wliedi prezzjużi. Il-kuraġġ jirbaħ l-erwieħ. Il-battalja tagħkom f’Ismi, sejra ttaffi t-Tbatija tiegħi u tagħti l-Ħajja Eterna lil ħafna aktar erwieħ (nies ħajjin) li jinsabu ddisprati għall-għajnuna tagħkom.

L-Imħabba tiegħi għalikom ulied, tinkludi lil kulħadd u qatt ma tonqos fl-intensità tagħha. Is-Salib tiegħi huwa tqil, imma meta taċċettawh bl-imħabba f’qalbkom, it-tagħbija tkun ħafifa. Intom is-segwaċi għeżież tiegħi, sew Qaddejja Sagri (is-Saċerdoti) u sew lajċi. Intom l-armata futura tiegħi sabiex tgħinu jingħeleb x-Xitan (Satana). Itolbu issa għas-saħħa, sabiex tikkumbattu l-isfidi għall-fidi tagħkom. Mexxu l-oħrajn bl-eżempju. Id-Don li Jiena qiegħed nagħti lil kull wieħed u waħda minnkom, meta twiegħdu l-lealtà tagħkom Lejja, sejjer joħloq konverżjoni immedjata meta xxandru l-Kelma l-Aktar Imqaddsa tiegħi.

Qisu li tiftakru, li Jiena magħkom il-ħin kollu issa. Ħafna minnkom li ilkom qrib tiegħi għal xi żmien, issa sejrin tesperjenzaw sens aktar b’saħħtu tal-Ispirtu s-Santu u l-qawwa tad-dixxerniment, tant li se jissorprendikom. Aċċettaw dan bħala wieħed mill-akbar rigali li qed jingħataw lill-bniedem illum. Jiena ma tajtx dan l-għadd kbir ta’ Grazzji bħal dawn, minn mindu l-Appostli tiegħi ngħataw id-Doni prezzjużi permezz tal-Ispirtu s-Santu.

Intom, is-segwaċi tiegħi, inklużi l-Qaddejja Sagri tiegħi, intom il-Knisja Vera tiegħi. Jiena, bl-għajnuna ta’ Alla, il-Missier Etern, sejjer immexxikom sabiex tkunu tistgħu timmarċjaw ma’ wliedi kollha lejn il-Ġenna tal art il-Ġdida, li tinsab tistenniekom ilkoll.


Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM