Messaġġ ta’ Mħabba lis-Segwaċi Kollha Tiegħi.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-8 ta’ Ġunju, 2011, fid-9 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, illum qiegħed nifraħ minħabba l-fidi murija mis-segwaċi għeżież tiegħi, u minn madwar id-dinja kollha, li bħalissa jinsabu jagħtu widen għas-Sejħa tiegħi permezz ta’ dawn il-Messaġġi. Jiena Nifraħ minħabba l-fidi profonda murija minn dawn l-għeżież uliedi, f’dinja li qiegħda tiċħadni. Dawk uliedi prezzjużi li jemmnu Fija, joħorġuli Dmugħ ta’ ferħ f’dawn iż-żminijiet ta’ dwejjaq. Li kieku ma kienx għal dawk li għandhom devozzjoni profonda Lejja, Jien ma kontx inkun ikkonsolat.
Uliedi li jħobbuni, għandhom jisimgħuni issa. Ħalluni nħaddankom f’dirgħajja u nispjegalkom l-importanza tal-fidi tagħkom. Il-fidi tagħkom hija bħal fjamma f’Qalbi, li qatt ma tintefa. Din tista’ tibda tteptep minn żmien għal żmien, imma Jien sejjer innissel fikom l-enerġija sabiex iżżommu din il-fjamma mixgħula u tiddi. Intom, uliedi tad-Dawl, sejrin teqirdu d-Dlam, imma tridu tibqgħu magħquda flimkien bħala ħaġa waħda, sabiex tiġġieldu kontra l-Antikrist.
Ix-Xitan Qatt Ma Jista’ Jirbaħ, Għax Dan Huwa Impossibbli
Qisu li dejjem tifhmu dan il-fatt importanti. Hu, il-Qarrieqi, ma jistax u qatt mhu sejjer jirbaħ, għaliex dan huwa impossibbli. Għalhekk, intom tridu dejjem taċċettaw, li d-Dawl tiegħi u dak ta’ Missieri l-Etern, qatt ma jonqos fikom, għaliex dan id-Dawl ma jintefiex. Madankollu, huwa d-Dlam li se jattira dawk l-erwieħ imsieken li se jinġibdu lejh. Dawk l-ulied imsieken u żvijati jinsabu f’Qalbi u Għalija jfissru daqs kemm tfissru intom. Intom uliedi, bħal ma jiġri fi kwalunkwe familja, tridu tieħdu ħsieb ħutkom li jinsabu żvijati. Ma jimpurtax kemm huma gravi dnubiethom, araw li qatt ma tiġġudikawhom. Ġibuhom lura Għandi. Tkellmu magħhom. Qisu li tolbu l-Ħniena Divina tiegħi għalihom, sabiex huma jkunu jistgħu jiġu salvati minn idejn id-Demonju fil-ħin tal-mewt.
Għajtu issa minn fuq il-qċaċet tal-għoljiet. Fakkru lil kulħadd fil-Verità. Injoraw dak it-tmaqdir li tirċievu. Madankollu, meta tispjegaw lil uliedi kemm Jien Inħobbhom, tisforzawx il-fehmiet tagħkom fuqhom. Minflok, sempliċement kemm tispjegawlhom li huma maħluqin minn Alla l-Missier. Għidulhom li Jiena, l-Iben Uniku tiegħu, bagħatni sabiex Insalvahom, sabiex nagħtihom iċ-ċans li jgħixu l-Ħajja Eterna. U mbagħad għidulhom, li Jiena Nħobbhom u li nimxi ma’ kull wieħed u waħda minnhom, kull minuta tal-ġurnata. Anke meta Jiena nara r-rifjut tagħhom, u l-ħażen li jagħmlu lil ħaddieħor, Jiena xorta nkun hemm ħdejhom. Jiena dejjem nibqa’ Nittama li huma jduru Lejja u jitolbuni l-għajnuna, għaliex meta jagħmlu dan, Jien Inħaddanhom Miegħi bid-Dmugħ ta’ ferħ u serħan. Għinnuni Nsalva dawk l-erwieħ prezzjużi. Tħallux lill-Qarrieqi jeħodhomli. Dawn huma l-familja tagħkom. Il-familja tiegħi. Aħna ħaġa waħda. Anke ruħ waħda mitlufa hija ħafna.
Grazzi wliedi għeżież u kullimkien. Kunu afu li Jiena issa qiegħed magħkom fi Preżenza ferm aktar qawwija permezz tal-Ispirtu s-Santu, milli fi kwalunkwe żmien ieħor fl-Istorja. Żommuli Idi u imxu miegħi lejn il-Ġenna tal-Art il-Ġdida fid-Dinja, li se tkun id-dar glorjuża tagħkom fil-futur.
Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħniena