Qis li Tikkomunika mas-Soċjetà Materjalista u Instabbli taż-Żgħażagħ.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-15 ta’ Ġunju, 2011, fil-11 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, il-provi u n-nixfa spiritwali li inti qiegħda tissaporti bħalissa, huma permessi Minni, sabiex iġibuk f’għaqda akbar Miegħi.
Xi drabi, meta inti tkun qiegħda tbati, Jiena jkolli ndawwar Wiċċi n-naħa l-oħra, sabiex ma narax id-dwejjaq tiegħek. Madankollu, hekk kif inti tissaporti kull prova u timxi 'l quddiem fil-pass li jmiss, inti issir aktar b’saħħtek milli kont qabel. Aktar ma tkun kbira t-tbatija tiegħek, li tkun ġejja mill-krudeltà u l-abbużi tal-oħrajn, li jirridikolawk minħabba dan ix-xogħol sagru, aktar inti sejra tirċievi Grazzji.
Kif Għandek Tbati f’Ismi
Madankollu, li tbati f’Ismi biss, mhux biżżejjed. Inti m’għandekx tilmenta mal-oħrajn dwar dawn it-turmenti tiegħek. Sabiex tissodisfani, jeħtieġ li tbati fis-skiet binti. Imma f’għajnejn l-oħrajn, inti trid tidher ferħana. Imbagħad, u hemmhekk biss, ruħek tkun imsaħħa u miġjuba għal-livell ta’ qdusija, li Jiena neħtieġ minnek għall-missjoni tiegħek. Dan huwa għaliex meta inti tikber b’dan il-mod, il-frott li jinkiseb meta xxandar il-Kelma tiegħi, jfisser li l-Messaġġi tiegħi jinstemgħu b’mod aktar effettiv u f’kull rokna tad-dinja.
Din id-darba, hekk kif Jiena qiegħed nipprepara lil uliedi kollha, għall-akbar sfida mill-Kruċifissjoni tiegħi, huwa vitali, li kemm jista’ jkun nies, jisimgħu l-Kelma l-Aktar Imqaddsa tiegħi. Il-Verità li qiegħda tiġi żvelata bħalissa, sejra tinstema’ mhux biss minn dawk li jemmnu Fija, iżda wkoll minn dawk li ma jridux isiru jafuni, jew li ma jridux jaċċettaw il-Verità tal-Eżistenza ta’ Alla, il-Missier Etern.
Qis li Tikkomunika mas-Soċjetà Materjalista u Instabbli taż-Żgħażagħ
Binti, hemm bżonn li tuża metodi li jikkomunikaw il-Kelma tiegħi lis-soċjetà żagħżugħa, li hija materjalista u instabbli. Qis li tkun żgura li tikkomunika b’mod li jifhmuk, jagħtu kas ta’ dak li tkun qiegħda tgħid u li wara jibqgħu jitkellmu dwaru. Dan minħabba li, għal xiex jista’ jiswa dan ix-xogħol, jekk inti sempliċement isaħħaħ il-Kelma Mqaddsa tiegħi lil dawk biss li diġà jemmnu Fija? Iva, veru li huwa importanti, li s-segwaċi tiegħi jiġu mfakkra fil-wegħdiet li Jiena għamilt, meta għedt li sejjer Nerġa’ Niġi, iżda huma dawk l-erwieħ (nies) mingħajr tagħlim, fehim jew interess fil-Kompassjoni tiegħi għall-umanità, li Jiena rrid nilħaq, u dan akkost ta’ kollox.
Inti binti, u s-segwaċi tiegħi, għandkom id-dmir li tinfurmaw issa lill-agnostiċi, lill-atei u lil ġenerazzjoni żagħżugħa kollha, dwar il-Verità. Tkellmu magħhom b’ton ġentili. Araw li qatt ma tkunu aggressivi. Użaw kliem ta’ inkoraġġiment. Ippreżentaw il-Kelma tiegħi b’mod interessanti.
Le, Mhux l-Aħħar tad-Dinja
Tkellmu magħhom dwar il-wegħda li Jiena għamilt dwar il-Ġenna tal-Art il-Ġdida fid-Dinja. Dan ma jfissirx li d-dinja sejra tispiċċa, anzi pjuttost il-kontra, li issa sejra tevolvi Era Ġdida ta’ Paċi, Ferħ u Hena. Huma ma jistgħux, u m’għandhomx jagħtu daharhom lil din il-Glorja. Qisu li titolbu għalihom. Ġibuhom għandi u intom tirċievu Gwida u Grazzji speċjali.
Is-sempliċità u l-Verità għandhom ikunu l-armi tal-għażla tagħkom. Araw li tmexxu bl-eżempju. Binti, inti trid issa tippjana sabiex tuża metodi ġodda u differenti ħalli tikkomunika l-Kelma tiegħi. Sejra tintbagħatlek l-għajnuna sabiex inti tikseb dan.
Xandar il-Kelma Tiegħi bl-Użu tal-Komunikazzjonijiet Moderni
Il-metodi ta’ komunikazzjoni moderni għandhom jintużaw sabiex jiżguraw li l-Kelma tiegħi tinfirex malajr. Qis li titlob issa. Itlob lill-pubblikaturi f’kemm jista’ jkun pajjiżi, sabiex jipproduċu l-volumi tal-Messaġġi f’kemm jista’ jkun lingwi differenti. Uża l-awdjo, il-vidjo u l-metodi l-oħra, ħalli l-Kelma tiegħi tifirex malajr. Sejjaħ il-voluntiera sabiex jibagħtu l-Messaġġi tiegħi lil kemm jista’ jkun nies.
Għal dan binti, Jiena sejjer Insalva l-erwieħ. Inħobbok. Is-saħħa u d-determinazzjoni tiegħek biex tirnexxi f’dan ix-xogħol, li ġej mill-imħabba safja li inti għandek Għalija u għal Ommi l-Maħbuba, se jġibu dawk l-erwieħ, fejn kieku kienu sejrin jispiċċaw fl-Infern, lura f’Dirgħajja u għas-Salvazzjoni Eterna.
Injora lil Dawk li Juru Nuqqas ta’ Rispett Lejn Ismi
Kun kuraġġuża. Injora l-abbuż. Qis li ma tirrispondix lil dawk li juru nuqqas ta’ rispett lejn Ismi. Kun af li sejrin jkunu l-istess s-segwaċi tiegħi li se jweġġgħuk l-aktar. Għaliex ħafna dixxipli veri tiegħi, b’intenzjonijiet tajbin, xorta jaqgħu fl-iżbalji minn żmien għal żmien. L-għarfien tagħhom tat-Tagħlim tiegħi jista’ joħloq sens ta’ kburija fihom, li twassal għall-arroganza. Imbagħad il-kburija intellettwali tidħol bil-mod il-mod. Dawk l-erwieħ imsieken tiegħi, li jħobbuni u huma serji, li mħabbthom Għalija hija bla dubju, m’għandhom qatt iħarsu b’disprezz lejn dawk li jistgħu jħossu li qegħdin fit-triq ħażina. Dawn m’għandhomx jaqgħu fin-nassa ta’ Satana, li hu mimli atteġġjament ta’ superjorità u riġidità solenni. Dan kollu mbagħad isir battalja tal-imħuħ, sabiex juru f’termini umani, min huwa l-aktar għaref, jew min jifhem l-aktar fil-Verità tat-Tagħlim tiegħi.
Ftakru x’għallimtkom ilkoll. Il-Verità hija sempliċi. Il-Verità hija Mħabba. Fit-tfittxija tagħkom sabiex tipprovaw turi l-interpretazzjoni tagħkom tal-Kelma Mqaddsa tiegħi, jekk ma turux imħabba u paċenzja allura l-verżjoni tagħkom tal-verità mhix dik tiegħi.
Araw li tħobbu lil xulxin. Intom ilkoll ugwali f’Għajnejja. Imma għal dawk minnkom li toħorġu minn triqitkom sabiex tgħinu ġġibu l-erwieħ mitlufa tiegħi lura Għandi, allura intom sejrin tkunu merfugħa 'il fuq f’Għajnejja.
Is-Salvatur Divin tagħkom,
Is-Sultan tal-Umanità kollha,
Ġesù Kristu