Nies Ordinarji u Nies Twajba, Qegħdin Idawwru Wiċċhom in-Naħa l-Oħra Minni.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-23 ta’ Ġunju, 2011, fid-9.10 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, il-ferħ li qiegħda tħoss illum huwa riżultat tal-Grazzji mogħtija lilek waqt l-Adorazzjoni tiegħek tal-bieraħ. Int issa taf kemm hu importanti li tħallini nferra’ Grazzji bħal dawn, fuq l-erwieħ (nies ħajjin) waqt dan il-ħin speċjali ħafna, jiġifieri meta tkunu fil-Kumpanija Personali tiegħi.
Kif Tidentifikaw l-Erwieħ Mitlufa
Illum nixtieq inkellmek dwar l-erwieħ mitlufa fid-dinja u kif tgħarfuhom. Is-segwaċi tiegħi, ta’ spiss jaħsbu bi żball, li l-erwieħ mitlufa huma dawk li qegħdin jgħixu fid-dnub il-mejjet. Dan mhux neċessarjament veru. Ruħ mitlufa tista’ tkun persuna li ma temminx Fija jew fil-Missier Etern tiegħi. Ruħ mitlufa tista’ tkun ukoll minn dawk l-ulied tant maħkuma mit-tfittxija tagħhom ta’ kuljum, sabiex jaqilgħu aktar flus, ikabbru r-rikkezzi, javvanzaw fil-karrieri u jixxennqu għal affarijiet materjali. Dan kollu għaliex jemmnu, li dawn l-affarijiet se jġibulhom il-ferħ fil-ħajja futura tagħhom. Dawn huma nies ordinarji, nies twajba, imma li qegħdin idawwru wiċċhom in-naħa l-oħra Minni.
Ħafna minn dawn uliedi, huma twajba f’qalbhom. Jistgħu jkunu anke mimlija mħabba għal proxxmu, għall-familja u għall-ħbieb tagħhom. Jistgħu jkunu popolari u maħbuba minn kulħadd. Imma madankollu, jistgħu jkunu erwieħ mitlufa. Forsi tistaqsuni: Kif jista’ jkun dan? Jien Inweġibkom: Għaliex huma ma jemmnux li ruħhom hija importanti daqs il-bżonnijiet fiżiċi tagħhom, u għalhekk jittraskurawha. Issa, meta huma jittraskuraw ruħhom, isiru suxxettibbli għat-tentazzjonijiet li jitpoġġew fi triqthom ta’ kuljum. Huma jsibuha diffiċli sabiex jirreżistu l-ġid li toffri d-dinja, u għalhekk ma jikkunsidrawx, li l-ħin li qegħdin jinvestu fl-ambizzjonijiet tagħhom, jista’ jbiegħdhom milli juru mħabba lejn ħaddieħor, jekk biss jaqsmu dak li għandhom mal-oħrajn. Fit-tfittxija tagħhom għall-flus, huma jistgħu jsiru mkabbrin bihom infushom. Il-kburija mbagħad, tagħmilha diffiċli sabiex iġġib ruħek ta’ segwaċi veru tiegħi.
Uliedi, jekk tqattgħu l-ħin kollu tagħkom tiġru wara l-ħolm, li taħsbu li din id-dinja għandha x’toffri, jiġifieri l-ġid, ir-rikkezzi u l-pożizzjonijiet ta’ poter, allura mbagħad ftit li xejn jibqa’ ħin biex titolbu, jew trawwmu lir-ruħkom għall-ħajja li jmiss. Kemm hemm minn uliedi li ma jistgħux jifhmu, għaliex il-ġid tad-dinja jħallihom vojta minn ġewwa! Dawn ma jisimgħux minn dawk is-segwaċi tiegħi li jafu l-Verità. Issa meta huma jonqsu milli jirrikonoxxu l-Eżistenza ta’ Alla, il-Missier li Jista’ Kollox, huma ma jirnexxilhom jogħġbu lil ħadd, ħlief lilhom infushom. Dawn in-nies jidhru minn barra, li huma b’saħħithom, li qegħdin jgħixu ħajja attiva u mimlija pjaċir, u mingħajr l-ebda nkwiet. Iżda dan l-istil ta’ ħajja, ma jistax jinkiseb, mingħajr ma jemmnu fil-Ħajja Eterna. L-umiltà hija nieqsa minn ħajjithom.
Intom tistgħu tiddefenduhom u tistaqsuni: Imma dawn in-nies, jeħtieġ li jitimgħu lill-familji tagħhom, u jieħdu ħsieb oħrajn li jiddependu minnhom, u allura mhux għalhekk li qegħdin jaħdmu b’dawn l-għanijiet? It-Tweġiba tiegħi hija “le”. Le, mhux qegħdin jagħmlu dan. Le, mhumiex qegħdin jaħsbu sabiex jitimgħu lill-familji tagħhom. F’ħafna każijiet, qegħdin jistinkaw għaż-żejjed, sabiex jissodisfaw ix-ġibdiet ħżiena tagħhom. Issa, aktar ma jagħmlu dan, aktar sejrin jintilfu Minni u mill-Missier Etern.
Dlament li intom uliedi, ma tistenbħux, u ma tagħrfux il-modi kif ix-Xitan (Satana), juża l-attrazzjonijiet glorifikanti kollha tad-dinja, sabiex idaħħlilkom f’moħħom, sens falz ta’ sigurtà materjalista, intom ma tistgħux tiġu Għandi. Iż-żmien li għandkom f’din il-ħajja, jrid jintuża fit-tifħir tal-Ħallieq tagħkom. F’li tieħdu ħsieb il-proxxmu tagħkom permezz ta’ atti ta’ karità. F’li tpoġġu l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor qabel tagħkom. Billi timxu fuq il-Passi tiegħi.
Issa, sakemm uliedi ma jemmnux f’Alla l-Missier, jew li jemmnu Fiħ, imma li għażlu, għax hekk jiqblilhom, li jwarrbu kwalunkwe qima Lejh, għaliex huma jinsabu aktar moħħhom fuq kwistjonijiet tad-dinja, dawn sejrin isibuha diffiċli biex jidħlu mill-bibien tas-Sema, il-Ġenna Vera, li tant jixtiequ. Din id-Dinja hija biss fażi fl-eżistenza kollha tagħkom. Il-Ġenna, anke lemħa żgħira minn dak li toffri, ma tistgħux tesperjenzawha f’ħajjitkom fuq din l-art. L-ebda waħda minn dawk l-attrazzjonijiet tad-dinja ma tiswa xi ħaġa, u meta intom tiġru warajhom, ifisser li jkollkom titilfu l-ġawhra prezjuża, li hija l-Ġenna. Il-karatteristiċi essenzjali sabiex intom tidħlu fis-Saltna Glorjuża tiegħi, huma dawn: il-fidi, l-imħabba, l-umiltà u x-xewqa li togħġobni.
Il-Maħbub tagħkom, Għalliem u Salvatur tal-Umanità kollha,
Ġesù Kristu