L-Ewwel Messaġġ Minn Alla l-Missier: Wasal iż-Żmien Għalija Sabiex Nerġa’ Nieħu Lura s-Saltna Glorjuża Tiegħi, Jiġfieri l-Ġenna tal-Art il-Ġdida, li Sejra Ddum 1000 Sena.
Mill-Ktieb tal-Verità. L-ewwel Messaġġ mill-Maħbub Missierna fis-Smewwiet, Alla l-Aktar Għoli, lil Marija Ħniena Divina, tal-25 ta’ Ġunju, 2011, fl-4 pm.
Nota mingħand il-Viżjonarja:
Eżatt qabel ma rċevejt dan il-Messaġġ kont għadni kemm spiċċajt nirreċita l-Kurunella tal-Ħniena Divina, meta f’daqqa waħda l-Ispirtu s-Santu ħabbarli li kont sejra nirċievi Messaġġ mingħand Alla l-Missier. Jien bdejt nirtogħod bil-biża’. Imbagħad staqsejt din il-mistoqsija “Inti f’Isem Min Ġej?” Din kienet it-tweġiba.
Jiena niġi f’Isem Ibni l-għażiż, Ġesù Kristu, is-Salvatur tal-Umanità. Jiena Alla l-Missier u qiegħed nitkellem miegħek għall-ewwel darba. Binti l-magħżula, qiegħed nitkellem miegħek illum, sabiex inkun nista’ ninforma lill-umanità dwar l-Imħabba li Jiena għandi għal kulħadd.
Ħafna nies ma jafunix. Huma jaħsbu li jafuni, imma għal miljuni minn uliedi, Jiena sempliċiment entità anonima. Ftit jafu dwar ix-Xewqa tiegħi sabiex ngħinhom iħalluni nħobbhom bil-mod ta’ kif kien intenzjonat li jkun.
Ismi qiegħed jintuża bl-addoċċ fid-dinja, minn ħafna nies li ma jirrikonoxxux li kien b’Idejja stess, li saret d-dinja u l-ħlejjaq kollha tagħha. Oħrajn li jirrikonoxxu dan, jinsabu konfużi dwar Min Jien u jibżgħu xi ftit minni. Ħadd m’għandu għalfejn jibża’ Minni, għaliex l-Imħabba tiegħi hija Safja u għall-uliedi kollha. Jiena tant inħobbkom, li għamilt l-akbar Sagrifiċċju possibbli sabiex inġibkom lura f’Dirgħajja u nagħtikom l-opportunità li tiġu Salvati mill-ħakma tal-Qarrieqi. Bgħatt lil Ibni l-għażiż, Ġesù Kristu, fid-dinja, sabiex tkunu tistgħu tifhmu l-Verità tal-Imħabba. Din l-Imħabba, meta taċċettawha, sejra Ssalvakom ilkoll.
Għandi Qalbi maqsuma minħabba l-mod ta’ kif tant minnkom ma ddurux Lejja u turuni l-imħabba tagħkom. Kull ma nixtieq hu li sempliċement idduru Lejja u titolbuni l-għajnuna. M’hemmx għalfejn tibżgħu minn Imħabbti, għaliex kien permezz tal-Imħabba tiegħi li intom ingħatajtu l-ewwel nifs tagħkom. Jiena Ħloqt lil kull wieħed u waħda minnkom fix-Xbieha tiegħi, sabiex ikolli familja. Jiena Ħloqt lid-dinja mill-Imħabba Safja, sabiex intom uliedi, tkunu tistgħu taqsmu din il-Ġenna tal-Art Miegħi. Din inħolqot b’tant imħabba, fejn kull dettall inbena b’reqqa kbira. Tant kont ferħan meta nħolqot din il-Ġenna tal-Art, li l-Anġli ferħu u s-Sema kienet mixgħula bil-fjammi tal-imħabba, li l-ebda bniedem ma jista’ qatt jifhem. U dan, sabiex imbagħad inqered kollox mid-dnub, ikkawżat mis-Serp.
Uliedi, ippermettuli nispjega. Wasal iż-żmien Għalija sabiex nerġa’ nieħu lura l-Ġenna tal-Art li Jiena Ħloqt b’imħabba, sabiex aħna nkunu nistgħu nerġgħu insiru familja waħda mill-ġdid. Familja li sejra tkun magħquda ħaġa waħda flimkien, minħabba r-rabtiet qawwija ta’ mħabba fiha.
Din il-Ġenna tal-Art il-Ġdida, bħalissa qiegħda tiġi ppjanata għal uliedi kollha. Din sejra ddum 1,000 sena fid-dinja, u ħadd m’għandu jibqa’ barra minnha, għaliex inkella dan Lili jaqsamli Qalbi. Ibni l-għażiż Ġesù Kristu, u l-Ispirtu s-Santu, qegħdin jippruvaw bis-sħiħ sabiex iġibukom lura fil-maqjel tan-nagħaġ tiegħi mimli mħabba, ħalli l-Ġenna tal-Art maħluqa fil-bidu tad-dinja, tista’ għal darb’oħra, terga’ ssir l-akbar Rigal, sabiex kull wieħed u waħda minn wliedi jgawdu minnha.
Il-Ġenna tal-Art il-Ġdida, sejra tkun post ta’ mħabba, sbuħija, glorja, u sejra tkun id-dar għal dawk kollha li huma safja f’qalbhom u f’ruħhom. Hija għal kull ruħ (persuna) fid-dinja u hija l-iskop li diġà jeżisti f’kull wieħed u waħda fid-dinja, anke f’dawk li ma jirrealizzawx b’dan.
Ibni Ġesù qiegħed ikellem lid-dinja, u jinsab jipprepara sabiex juri l-Ħniena l-Kbira tiegħu matul it-Twissija l-Kbira, sabiex jagħti ċ-ċans lill-midinbin kollha ħalli jgawdu minn din il-Ġenna tal-Art il-Ġdida fid-Dinja.
Jeħtieġ issa li intom tisimgħu Leħni. Qiegħed insejjaħ lilkom ilkoll sabiex tagħtuni l-attenzjoni tagħkom. Erġgħu duru lura Lejja. Qisu li taċċettaw li Jiena neżisti, li Jiena l-bidu ta’ kull ħajja, is-sors tal-ħolqien kollu u tal-glorja kollha. Meta tagħmlu dan, intom sejrin tkunu milqugħa fil-Ġenna tal-Art tiegħi li se toffrilkom dak kollu li qatt tistgħu toħolmu bih. Araw li tisimgħu lil Ibni u l-Messaġġ li Huwa qiegħed jagħti lid-dinja sabiex jikkonvertikom ilkoll. Għal dawk li ma jridux jisimgħu, jew li madankollu jkomplu fit-triq tad-dnub faħxi tagħhom, l-ebda Ħniena mhi sejra tintwera.
Jiena Alla tal-Ħolqien kollu. Jiena Alla tal-Imħabba, tal-Kompassjoni. Jiena wkoll Alla tal-Ġustizzja. Idi sejra tinżel bis-saħħa fuq l-umanità, li permezz tal-lealtà ħażina lejn ix-Xitan, qiegħda tibqa’ tirrifjuta li ssegwi t-triq tal-Imħabba u l-Verità.
Issa wasal iż-żmien Għalija sabiex nerġa’ nieħu lura s-Saltna Glorjuża tiegħi, li l-ebda bniedem, permezz tad-dnub, ma jista’ qatt iwaqqafha. Jekk jippruvaw, dawn jintilfu għal dejjem.
Jiena l-Alla tagħkom, il-Ħallieq tagħkom. L-Imħabba tiegħi qatt ma tmut. Hija mħeġġa u mimlija tenerezza profonda għalikom sabiex inġibkom lura Lejja, lejn il-Wirt li Jiena Ħloqt b’tant imħabba. Minħabba d-dnub, ħafna minn uliedi se jkollhom jitilfu dan id-dritt tagħhom għal dan il-Wirt u jkollhom jersqu lura, sabiex iħallu lil dawk li verament iħobbuni, jidħlu mill-bibien mingħajr xkiel.
Jekk jogħġobkom uliedi, tiċħdux it-talba tiegħi lill-umanità. Aċċettaw il-Ħniena li qiegħda tiġi offruta issa minn Ibni l-Għażiż. Aċċettawha b’dirgħajnkom miftuħa.
Alla l-Missier,
Il-Ħallieq u Dak li Kollox ĠejMinnu