L-Ewwel Messaġġ Minn Alla l-Missier: Wasal iż-Żmien Għalija Sabiex Nerġa’ Nieħu Lura s-Saltna Glorjuża Tiegħi, Jiġfieri l-Ġenna tal-Art il-Ġdida, li Sejra Ddum Elf Sena

Is-Sibt, 25 ta’ Ġunju 2011 @ 16:00

L-Ewwel Messaġġ Minn Alla l-Missier: Wasal iż-Żmien Għalija Sabiex Nerġa’ Nieħu Lura s-Saltna Glorjuża Tiegħi, Jiġfieri l-Ġenna tal-Art il-Ġdida, li Sejra Ddum Elf Sena.
Mill-Ktieb tal-Verità. L-ewwel Messaġġ mill-Maħbub Missierna fis-Smewwiet, Alla l-Aktar Għoli lil Marija Ħniena Divina, tal-25 ta’ Ġunju, 2011, fl-4 pm.


Nota mingħand il-Viżjonarja:
Eżatt qabel ma rċevejt dan il-Messaġġ kont għadni kemm spiċċajt nirreċita l-Kurunella tal-Ħniena Divina, meta f’daqqa waħda l-Ispirtu s-Santu ħabbarli li kont sejra nirċievi Messaġġ mingħand Alla l-Missier. Jien bdejt nirtogħod bil-biża’. Imbagħad staqsejt din il-mistoqsija
“Inti f’Isem Min Ġej?” Din kienet it-tweġiba:


Jiena Niġi f’Isem Ibni l-għażiż, Ġesù Kristu, is-Salvatur tal-Umanità. Jiena Alla l-Missier u qiegħed Nitkellem miegħek għall-ewwel darba. Binti l-magħżula, qiegħed Nitkellem miegħek illum, sabiex Inkun Nista’ Ninforma lill-umanità dwar l-Imħabba li Jiena Għandi għal kulħadd. Ħafna nies ma jafunix. Huma jaħsbu li jafuni, imma għal miljuni minn uliedi, Jiena sempliċiment entità anonima. Ftit jafu dwar ix-Xewqa tiegħi sabiex Ngħinhom iħalluni Nħobbhom bil-mod ta’ kif kien intenzjonat li jkun. Ismi qiegħed jintuża bl-addoċċ fid-dinja, minn ħafna nies li ma jirrikonoxxux li kien b’Idejja stess, li Saret d-dinja u l-ħlejjaq kollha tagħha. Oħrajn li jirrikonoxxu dan, jinsabu konfużi dwar Min Jien u jibżgħu xi ftit minni. Ħadd m’għandu għalfejn jibża’ Minni, għaliex l-Imħabba tiegħi hija Safja u għall-uliedi kollha. Jiena tant Inħobbkom, li għamilt l-akbar Sagrifiċċju possibbli sabiex Inġibkom lura f’Dirgħajja u Nagħtikom l-opportunità li tiġu Salvati mill-ħakma tal-Qarrieqi. Bgħatt lil Ibni l-Għażiż, Ġesù Kristu, fid-dinja, sabiex tkunu tistgħu tifhmu l-Verità tal-Imħabba. Din l-Imħabba, meta taċċettawha, sejra Ssalvakom ilkoll.

Għandi Qalbi maqsuma minħabba l-mod ta’ kif tant minnkom ma ddurux Lejja u turuni l-imħabba tagħkom. Kull ma Jiena Nixtieq hu, li sempliċement idduru Lejja u titolbuni l-għajnuna. M’hemmx għalfejn tibżgħu minn Imħabbti, għaliex kien permezz tal-Imħabba tiegħi li intom ingħatajtu l-ewwel nifs tagħkom. Jiena Ħloqt lil kull wieħed u waħda minnkom fix-Xbieha tiegħi, sabiex ikolli familja. Jiena Ħloqt lid-dinja mill-Imħabba Safja, sabiex intom uliedi, tkunu tistgħu taqsmu din il-Ġenna tal-Art Miegħi. Din Inħolqot b’tant Imħabba, fejn kull dettall inbena b’reqqa kbira. Tant Kont Ferħan meta Nħolqot din il-Ġenna tal-Art, li l-Anġli ferħu u s-Sema kienet mixgħula bil-fjammi tal-Imħabba, li l-ebda bniedem ma jista’ qatt jifhem. U dan, sabiex imbagħad inqered kollox mid-dnub, ikkawżat mis-Serp.

Uliedi, ippermettuli Nispjega: Wasal iż-żmien Għalija sabiex Nerġa’ Nieħu lura l-Ġenna tal-Art li Jiena Ħloqt b’Imħabba, sabiex aħna nkunu nistgħu nerġgħu insiru familja waħda mill-ġdid. Familja li sejra tkun magħquda ħaġa waħda flimkien, minħabba r-rabtiet qawwija ta’ mħabba fiha. Din il-Ġenna tal-Art il-Ġdida, bħalissa qiegħda tiġi ppjanata għal uliedi kollha. Din sejra ddum elf sena fid-dinja, u ħadd m’għandu jibqa’ barra minnha, għaliex inkella dan Lili Jaqsamli Qalbi. Ibni l-Għażiż Ġesù Kristu, u l-Ispirtu s-Santu, qegħdin Jippruvaw bis-sħiħ sabiex iġibukom lura fil-maqjel tan-nagħaġ tiegħi mimli Mħabba, ħalli l-Ġenna tal-Art Maħluqa fil-bidu tad-dinja, tista’ għal darb’oħra, terga’ ssir l-akbar Rigal, sabiex kull wieħed u waħda minn wliedi jgawdu minnha. Il-Ġenna tal-Art il-Ġdida, sejra tkun post ta’ Mħabba, Sbuħija u Glorja, u sejra tkun id-Dar għal dawk kollha li huma safja f’qalbhom u f’ruħhom. Hija għal kull ruħ (persuna) fid-dinja u hija l-iskop li diġà jeżisti f’kull wieħed u waħda fid-dinja, anke f’dawk li ma jintebħux b’dan. Ibni Ġesù qiegħed Ikellem lid-dinja, u Jinsab Jipprepara sabiex Juri l-Ħniena l-Kbira tiegħu matul it-Twissija l-Kbira, sabiex Jagħti ċ-ċans lill-midinbin kollha ħalli jgawdu minn din il-Ġenna tal-Art il-Ġdida fid-Dinja.

Jeħtieġ issa li intom tisimgħu Leħni. Qiegħed Insejjaħ lilkom ilkoll sabiex tagħtuni l-attenzjoni tagħkom. Erġgħu duru lura Lejja. Qisu li taċċettaw li Jiena Neżisti tassew, li Jiena l-Bidu ta’ kull ħajja, is-Sors tal-Ħolqien kollu u tal-Glorja kollha. Meta tagħmlu dan, intom sejrin tkunu milqugħa fil-Ġenna tal-Art tiegħi li sejra toffrilkom dak kollu li qatt tistgħu toħolmu bih. Araw li tisimgħu lil Ibni u l-Messaġġ li Huwa qiegħed Jagħti lid-dinja sabiex Jikkonvertikom ilkoll. Għal dawk li ma jridux jisimgħu, jew li madankollu jkomplu fit-triq tad-dnub faħxi tagħhom, l-ebda Ħniena mhi sejra tintwera. Jiena Alla tal-Ħolqien kollu. Jiena Alla tal-Imħabba, tal-Kompassjoni. Jiena wkoll Alla tal-Ġustizzja. Idi sejra Tinżel bis-saħħa fuq l-umanità, li permezz tal-lealtà ħażina lejn ix-Xitan, qiegħda tibqa’ tirrifjuta li ssegwi t-triq tal-Imħabba u l-Verità. Issa wasal iż-żmien Għalija sabiex Nerġa’ Nieħu lura s-Saltna Glorjuża tiegħi, li l-ebda bniedem, permezz tad-dnub, ma jista’ qatt iwaqqafha. Jekk imqar jippruvaw, dawn  jintilfu għal dejjem.

Jiena l-Alla tagħkom, il-Ħallieq tagħkom. L-Imħabba tiegħi qatt ma tmut. Hija Mħeġġa u mimlija Tenerezza profonda għalikom sabiex Inġibkom lura Lejja, lejn il-Wirt li Jiena Ħloqt b’tant Imħabba. Minħabba d-dnub, ħafna minn uliedi se jkollhom jitilfu dan id-dritt tagħhom għal dan il-Wirt u jkollhom jersqu lura, sabiex iħallu lil dawk li verament iħobbuni, jidħlu mill-bibien mingħajr xkiel. Jekk jogħġobkom uliedi, tiċħdux din it-talba tiegħi lill-umanità. Aċċettaw il-Ħniena li qiegħda tiġi offruta issa minn Ibni l-Għażiż. Aċċettawha b’dirgħajnkom miftuħa.


Alla l-Missier,
Il-Ħallieq ta’ Kollox u li Kollox Ġej Minnu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM