It-Twissija l-Kbira Turi biċ-Ċar il-Ħniena Divina Tiegħi Mogħtija lil Santa Fawstina.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tas-26 ta’ Ġunju, 2011, fis-6 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, iż-żmien issa wasal. Ftit li xejn baqa’ żmien, sabiex Inwissi u Nipprepara lil dawk l-erwieħ imsejkna kollha, li sejrin jispiċċaw maħsudin bil-kbir waqt it-Twissija l-Kbira, minħabba li ma jkunux jistgħu jifhmu dak li jkunu qegħdin jaraw. Dawn in-nies, jeħtieġ li jiġu mgħarrfa sabiex ikunu jafu x’għandhom jistennew dak inhar. Jekk dawn jiftħu qalbhom għal dan il-mument kbir tal-Ħniena Divina, huma sejrin jingħataw iċ-ċans għall-Ħajja ta’ Dejjem.
Din it-Twissija kbira, turi biċ-ċar il-Ħniena Divina tiegħi mogħtija lil Swor Faustina. Dan l-Att kbir tal-Ħniena tiegħi kien imħabbar, u sejjer ikun propju waqt it-Twissija, li l-Ħniena l-Kbira tiegħi sejra tkopri d-dinja kollha kemm hi. Id-Demmi u l-Ilma tiegħi, sejrin joħorġu sabiex fl-aħħar, intom ilkoll tkunu tafu l-Verità. Araw li tgħidu lil dawk li ma jemmnux Fija, jew fil-Missier Etern tiegħi, li dan l-avveniment sejjer jiġri tassew. Dan sabiex imbagħad, meta jseħħ, huma jkunu jifilħu għall-ħasda tal-Ħniena tiegħi, li sejra teħles miljuni ta’ erwieħ (nies ħajjin) waqt it-Twissija l-Kbira, mid-dwiefer tax-Xitan (Satana). Din il-Verità, meta tiġi żvelata, sejra ssalva tant nies min-nar tal-Infern.
L-Ispirtu s-Santu, minn dakinhar ’il quddiem, preżenti f’uliedi u kullimkien, sejjer jgħin sabiex jegħleb l-għemejjel tad-Demonju. Intom ilkoll, qisu li taraw li xxerrdu l-Kelma dwar kif l-umanità jeħtieġ li tħejji ruħha minn qabel. Dan għaliex, anke dawk stess li jemmnu Fija, għandhom jifhmu, li huma wkoll sejrin isibuha emozzjonalment diffiċċli, meta jaraw l-imġieba midinba tal-passat tagħhom kif Naraha Jien.
Jiena qiegħed Insejjaħ lilkom ilkoll issa, sabiex tfittxu s-Sagrament tal-Qrar. Għal dawk l-Insara l-oħra, intom tridu tinżlu għarkupptejkom u titolbu maħfra. Għal dawk li mhumiex ċerti minn din il-profezija, jekk jogħġobkom, żommu moħħkom miftuħ, għaliex meta taraw iseħħ dan l-avveniment ekoloġiku, iżda sopranaturali, jkun importanti li tifhmu, li dan huwa l-akbar miraklu li qatt sejrin taraw u li huwa r-Rigal Kbir tiegħi lilkom ilkoll. Ikkunsidraw dan: Bl-istess mod, sejjer jiżvolġi l-Aħħar Jum tal-Ġudizzju, imma din id-darba, intom mhux sejrin tiġu kkundannati. Intom sejrin tingħataw bidu ta’ ħajja ġdida, meta ruħkom tiġi salvata, sabiex tkunu mġedda għal-dak il-livell li nixtieq minnkom Jien. Intom li temmnu Fija, itolbu għall-oħrajn b’qalbkom kollha issa, sabiex l-oħrajn jiġu salvati.
Is-Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu