In-Narċisiżmu Huwa Epidemija Diżastruża, Hekk Preżenti fid-Dinja tal-Lum

Il-Ħamis, 7 ta’ Lulju 2011 @ 21:00

In-Narċisiżmu Huwa Epidemija Diżastruża, Hekk Preżenti fid-Dinja tal-Lum.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tas-7 ta’ Lulju, 2011, fid-9 pm.


Maħbuba binti l-għażiża, irrid li d-dinja tkun taf, li Imħabbti għalihom taħkimni kollni kemm Jien, hekk kif qiegħed Nipprepara għat-Twissija l-Kbira. Jien mimli bil-Ferħ, għaliex naf li wliedi, speċjalment dawk li ma jafunix, fl-aħħar sejrin jaċċettaw li Jiena Neżisti matul dan l-Att il-Kbir tal-Ħniena tiegħi.

Waħda mill-aktar karatteristiċi inkwetanti, li infestat lil uliedi, hija dik tan-narċisiżmu, jiġifieri l-ammirazzjoni esaġerata għalihom infushom, f’din id-dinja. Din l-epidemija diżastruża hija prevalenti f’kull livell tas-soċjetà, u hija waħda mill-attakki favoriti tax-Xitan (Satana), hekk kif id-demonji tiegħu jidħlu fl-erwieħ (nies ħajjin) ta’ wliedi kullimkien. Dawn in-nies tarawhom minn kif jippreżentaw ruħhom ħalli jimpressjonaw, sabiex l-oħrajn jadurawhom. Lunika mħabba tagħhom, hija għalihom infushom, u mbagħad, jekk dan ma jkunx biżżejjed, jixxennqu għall-attenzjoni minn dawk ta’ madwarhom sabiex jinkoraġġuhom ħalli jqimuhom quddiem kulħadd.

Illum, l-infestazzjoni tax-Xitan hija tant kbira, fil-mod kif dawn l-imsejkna erwieħ jippreżentaw lilhom infushom, li hija diffiċli biex din tinjoraha. L-ossessjoni tagħhom dwar kif jidhru, tfisser li saħansitra jaslu sal-punt, li jagħmlu ħsara lil ġisimhom stess, kif ukoll jagħmlu dak kollu li hemm bżonn sabiex jissodisfaw l-imħabba tagħhom għalihom infushom.

Meta x-Xitan ikun preżenti f’erwieħ bħal dawn, ikun faċli li wieħed jagħrafhom. Dawn in-nies ikunu mimlijin vanità u jkollhom it-tendenza li jidhru f’postijiet ta’ influwenza. Id-dnub tan-narċisiżmu se jintensifika matul l-Aħħar taż-Żminijiet, fejn ħafna sejrin jiżguraw, li l-apparenza tagħhom, is-saħħa totali tagħhom u l-egoiżmu tagħhom ikunu għad-detriment ta’ ħbiebhom, u saħansitra tal-familji tagħhom stess. Fid-dinja tal-lum, l-imħabba għalik  innifsek, saret ikkunsidrata bħala karatteristika ta’ min jammirha. Din it-tfittxija għall-gwadann personali, qatt ma tista’ tiġi ssodisfata, għaliex ix-Xitan se jiżgura, li dawn in-nies jibqgħu jistinkaw għal aktar u aktar.

Uliedi, id-dnub tal-kburija huwa wieħed, li bħalissa qiegħed jintensifika fid-dinja. Qisu li ma taċċettawx din il-forma ta’ mġieba bħala parti mill-ħajja tagħkom ta’ kuljum. Tant żgħażagħ jużaw dawn il-figuri li huma meqjusa li għandhom ġisem perfett, bħala l-mira tagħhom. Madankollu, din il-figura tagħhom hija ta’ min jitħassarrha, jekk tiftħu għajnejkom u tarawha sew. Huwa ksur tal-Ewwel Kmandament, u jekk dawn in-nies jippersistu f’din it-triq, se jinġibdu mill-Qarrieqi għal aktar taħwid.

In-narċisiżmu jidher fl-oqsma kollha tal-ħajja, inkluż fil-politika, fil-moda, fil-midja, fiċ-ċinema, u saħansitra fil-Knisja tiegħi stess. L-umiltà ma tistax tinkiseb jekk tbatu min-narċisiżmu. Mingħajr umiltà ma tistgħux tidħlu fis-Saltna ta’ Missieri.


Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM