Qis li l-Qaddejja Sagri Tiegħi Jkunu Jafu l-Kontenut ta’ Dawn il-Messaġġi, Sabiex Ikunu Jistgħu Jħejju l-Merħla Tagħhom

Is-Sibt, 9 ta’ Lulju 2011 @ 16:00

Qis li l-Qaddejja Sagri Tiegħi Jkunu Jafu l-Kontenut ta’ Dawn il-Messaġġi, Sabiex Ikunu Jistgħu Jħejju l-Merħla Tagħhom.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tad-9 ta’ Lulju, 2011, fl-4 pm.


Maħbuba binti l-għażiża, hekk kif inti tkun miexja 'l quddiem b’fiduċja fid-dixxerniment tiegħek tal-Messaġġi tiegħi, inti mbagħad tieqaf u tibda tħoss it-turmenti tad-dubji. Dawn id-dubji, f’dan l-istadju tal-Komunikazzjoni tiegħi miegħek, jistgħu jħawduk. Kull pass lura li inti tieħu, huwa mument ta’ prova tal-fidi tiegħek binti. Dan għaliex, l-ebda bniedem ma jista’ jassumi li dejjem se jkun denju Quddiemi. Qis li taċċetta din it-tbatija binti, għaliex dawn il-provi dejjem se jattakkawk f’dan ix-xogħol. Afda Fija u ċedi r-rieda ħielsa tiegħek kontinwament, sabiex Jiena ngħinek issir aktar b’saħħtek f’din il-ħidma.

Binti, bħalissa hemm numru ta’ viżjonarji, li magħhom Jiena nikkomunika bl-għajnuna ta’ Ommi l-Imbierka, tal-Arkanġlu Mikiel u tat-Trinità Qaddisa, imma hemm inqas minnhom milli taħseb. Xi wħud mill-Appostli se jkunu moħbija, xogħolhom magħruf biss mill-Qaddisin fis-Sema. Imbagħad hemm dawk, li d-dinja eventwalment sejra tagħrafhom bħala l-Messaġġiera tiegħi. Inti waħda minn dawn. Mhux se tkun Missjoni faċli binti. Għalhekk Jiena qiegħed inħallik tbati minn intoppi, provi u żbalji. Huwa biss meta inti tidra dawn l-episodji, li inti tkun tista’ tkompli tissoda aktar, sakemm eventwalment, bl-ebda mod ma jkun jimpurtak aktar, dwar x’jaħsbu l-oħrajn fuqek. Inti tinsab miexja Miegħi f’kull pass ta’ din il-Missjoni u ara li qatt ma tinsa dan.

Huwa importanti li tiżgura, li kemm jista’ jkun, erwieħ imsieken, jingħataw il-Verità tal-Kelma tiegħi. Jeħtieġ li tgħarraf lill-Qaddejja Sagri tiegħi (is-Saċerdoti) il-kontenut ta’ dawn il-Messaġġi, sabiex ikunu jistgħu jħejju l-merħla tagħhom qabel it-Twissija l-Kbira. Mhuwiex importanti jekk il-Knisja tapprovax dawn il-Messaġġi jew le, għaliex iż-żmien huwa kontra tagħhom. Huma, il-Qaddejja Sagri tiegħi, se jieħdu ħafna snin sabiex jaċċettaw dawn il-Messaġġi tiegħi, mela allura inti kompli għaddejja.

Inti binti, sejra tagħmel ħafna għedewwa f’Ismi. Din hija xi ħaġa li se jkollok taċċetta, u allura tħallix dawk l-ostakli b’xi mod ifixkluk. Il-Messaġġi tiegħi diġà qegħdin jikkonvertu eluf ta’ erwieħ mitlufa (nies ħajjin). Huwa essenzjali allura, li inti tobdini l-ħin kollu, sabiex aktar erwieħ ikunu jistgħu jiġu Salvati.

Jiena Nifhem, li dan ix-xogħol huwa solitarju u tal-biża’ għalik, imma ftakar, li Jien Nagħżel biss lil dawk li għandhom qalbhom miftuħa, u li huma b’saħħithom biżżejjed biex iwasslu l-Kelma tiegħi. Min-naħa l-oħra, il-qawwa li inti tirċievi, sejra tgħinek sabiex dawn il-Messaġġi jaslu aktar malajr u lil udjenza akbar. Allura jekk jogħġbok, ara li qatt ma taqta’ qalbek. Għaliex waqt li inti tistinka sabiex tħoss il-ferħ f’qalbek, waqt li inti tkun iġġorr is-Salib tiegħi, rarament jiġri hekk. Int dejjem sejra tbati f’Ismi, u se tinduna li trid ftit taż-żmien sew qabel ma tħoss il-qawwa sħiħa tal-ferħ f’qalbek.

It-tbatija tiegħek qegħda ssalva miljuni ta’ erwieħ, u allura jeħtieġ li tkun grata għal dan. Il-qaddisin kollha qegħdin jaħdmu miegħek sabiex iżommuk soda u sabiex jipproteġuk mix-Xitan, li se jagħmel dak kollu li jista’ biex iwaqqfek. Imma hu, qatt mhu se jirnexxilu jagħmel dan, għaliex l-Id ta’ Missieri, sejra tolqot lil dawk li jippruvaw jeqirdu x-Xogħol tiegħi, sabiex Insalva kemm jista’ jkun erwieħ permezz tiegħek. Strieħ fuqi waqt li Jiena sejjer immexxi dan ix-Xogħol ’il quddiem, sabiex il-Messaġġi tiegħi jinstemgħu minn miljuni ta' nies, sew dawk li jemmnu Fija u sew dawk li ma jemmnux, u dan f’kull rokna tad-dinja.


Il-Maħbub Għalliem Tagħkom,
Salvatur tal-Umanità,
Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM