L-Aqwa Arma Tagħkom Hija Imħabbitkom Għalija.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tad-19 ta’ Lulju, 2011, fil-11.45 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, b’xorti tajba, int issa qegħda terġa’ lura għar-rutina tiegħek, wara li ħadt pawża qasira. B’riżultat ta’ dan, inti sejra ssir aktar b’saħħtek, imma jekk jogħġbok ftakar, li inti xorta trid tiffoka Fuqi l-ħin kollu.
L-Imħabba tiegħi għal uliedi kollha hija qawwija ħafna, u hija pjuttost differenti mill-imħabba li wieħed jitkellem dwarha kif ġie ġie f’din id-dinja. Uliedi jħossu l-Imħabba tiegħi meta Jiena Nħabbat u jiftħuli l-bieb. Issa meta Jiena Nkun ħdejn il-bieb tagħhom, huma ikollhom żewġ għażliet: Jistgħu jew jiftħuli l-bieb u jħalluni Nidħol, jew inkella jistgħu jagħlquni barra. Meta huma jħalluni Nidħol f’ruħhom, l-Imħabba tiegħi tippenetra sal-ġewwieni tagħhom. Hija Mħabba, li b’sorpriża tista’ ġġagħalhom iħossuhom dgħajfa immensament, jew inkella tant ferrieħa, li huma ma jkunux jistgħu jieqfu jgħidu lil ħaddieħor dwar din l-aħbar it-tajba tagħhom.
Is-segwaċi għeżież tiegħi li jħobbuni, dan jafuh. Minħabba l-imħabba u d-devozzjoni tagħkom Lejja, Jien imbagħad Inħalli l-Imħabba tiegħi tirrifletti minnkom, sabiex issir kontaġjuża u tinfirex, ħalli tħaddan erwieħ oħra. Ladarba tħalluni nidħol f’qalbkom, Jiena Nimliekom bil-Grazzja tal-Ispirtu s-Santu, sabiex tkunu tistgħu tgħidu lil kulħadd x’Għandi bżonn Ngħidilkom issa: L-ewwelnett, li Jien Inħobbkom b’tenerezza profonda f’Qalbi. It-tieni, li minħabba l-Imħabba tiegħi, Jien issa se Neqred il-ħażen mid-dinja, sabiex inkun nista’ Nġib lil uliedi kollha lura fit-Tgħanniqa tal-Ħallieq tagħkom, li ma jieqafx Iħobb, jiġifieri Alla l-Missier.
Jekk jogħġobkom, ħadd minnkom is-segwaċi devoti tiegħi, m’għandu jħalli l-biża’ jidħol f’qalbkom, hekk kif it-Twissija l-Kbira qegħda toqrob kull ġimgħa. Għaliex meta jseħħ, dan l-Att kbir tal-Ħniena tiegħi, intom tifirħu. Ir-Rigal tiegħi lilkom huwa li Nressaqkom eqreb lejn Qalbi, aktar minn qatt qabel. Dan jissodakom sabiex tbaħħru fuq l-ilma mingħajr biza’, lejn il-Ġenna tal-Art il-Ġdida fid-dinja, u hekk tant tkun bla xkiel din it-tranżizzjoni.
L-Imħabba tiegħi issa hija aktar qawwija minn qatt qabel, hekk kif intom, is-segwaċi għeżież tiegħi, tagħmlu dak kollu li tistgħu sabiex ixerrdu l-Kelma tiegħi. Użaw il-mezzi li tistgħu sabiex tgħidu lin-nies ħalli jippreparaw għat-Twissija l-Kbira. Intom kuraġġużi wliedi u ġġibuli ferħ u hena f’Qalbi, li hija mnikkta u tixxennaq kull sekonda, sabiex Issalva l-erwieħ mitlufa kollha tiegħi.
Jien issa qiegħed Niddependi fuqkom, sabiex titolbu kemm tistgħu bil-ħerqa għal dawk il-midinbin li mhux se jifilħu għall-prova li sejra tippreżentalhom it-Twissija l-Kbira. Morru issa, intom l-armata qawwija tiegħi u kollkom mħabba. L-aqwa arma tagħkom hija imħabbitkom Għalija. Intom tkunu tafu f’qalbkom li Jien issa qiegħed Nitkellem u li huwa Jien li qiegħed Inħabbat fuq il-bieb tagħkom. Issa intom tridu tħabbtu fuq il-bibien tal-Qaddejja Sagri tiegħi (is-Saċerdoti) madwar id-dinja kollha u tiżguraw li huma jaqraw il-Kelma Mqaddsa tiegħi.
Il-Maħbub Salvatur u Feddej tagħkom,
Ġesù Kristu