Intom M’Inthomx tax-Xitan, Intom Tappartjenu Lili u lill-Missier Etern Tiegħi

Is-Sibt, 30 ta’ Lulju 2011 @ 15:30

Intom M’Inthomx tax-Xitan, Intom Tappartjenu Lili u lill-Missier Etern Tiegħi.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-30 ta’ Lulju, 2011, fit-3.30 pm.


Maħbuba binti l-għażiża, qed ikollok mumenti, meta inti taħseb li mhux se tkun tista’ tissaporti l-provi li qegħda tirċievi, minħabba dawn il-Messaġġi tiegħi, imma inti m’għandek għalfejn tibża xejn. Il-biża’ mhix xi ħaġa li inti għandek bżonn tħoss. Jekk tista’ l-ewwel tħallini Nneħħilek il-biżgħat tiegħek billi tafda fija, inti tiġi ħielsa kompletament.

O kif insew uliedi l-qawwa tas-Saltna Divina, binti. Li kieku huma jistgħu, imqar għal mument wieħed biss, iniżżlu t-tarka tagħhom Minni, huma jkunu kapaċi jaraw jiżvolġu b’mod ċar, biċċiet mill-Pjan Divin tiegħi għall-umanità. Din it-tarka, it-tarka tal-intelliġenza tal-bniedem, immexxija mil-loġika umana, li mbagħad tkun sostnuta mill-avvanzi li l-bniedem għamel permezz tax-xjenza, mhi xejn ħlief ftit tiben. Din it-tarka tidher b’saħħitha, imma fil-fatt hija vojta minn kull sustanza. Madankollu, l-bniedem jemmen, li din it-tarka tipprovdi xi protezzjoni kontra l-Verità, jiġifieri, l-Verità tal-Preżenza Divina ta’ Alla.

Din it-tarka tagħkom uliedi, sabiex twaqqfu Lili u t-Tagħlim tiegħi milli jidħol f’ħajjitkom, sejra tkun it-telfien tagħkom. Maż-żmien, din mhi sejra toffrilkom l-ebda protezzjoni, u bħat-tiben, tinħaraq daqshekk malajr, u daqshekk f’salt, li intom tispiċċaw għarwenin. Eventwalment, din l-għera tagħkom, sejra turikom il-qerq tax-Xitan (Satana) u l-wegħdiet vojta kollha tiegħu, ta’ xi forma ta’ sigurtà dinjija, li fir-realtà ma teżistix. Ir-ras iebsa tal-bniedem, li ma jaċċettax l-eżistenza ta’ Missieri Etern, sejra tkun il-kawża tal-eżilju tiegħu fid-Dlam ta’ Dejjem.

Meta intom taraw id-Dawl tiegħi, il-fjammi ta’ Imħabbti, li dalwaqt se jidhru fis-sema, m’huma sejrin iħallulkom l-ebda dubju. Din id-dehra mhix se tkun xi illużjoni. Sejra tkun realtà, u intom tridu tumiljaw ruħkom, sabiex tiftħu għajnejkom għall-Verità. Araw li ma ddawrux għajnejkom in-naħa l-oħra, jew tinżlu gozz mal-art bil-biża’. Il-Preżenza tiegħi trid tiġi milqugħa minnkom, bħala l-aħħar ċans tagħkom għas-Salvazzjoni. Huwa Jien li sejjer Niġi sabiex Inħaddankom f’Dirgħajja. Huwa Jien, is-Salvatur tagħkom, li għal darb’oħra sejjer Niġi sabiex Inreġġagħkom lura mix-xifer tad-Dlamijiet u tad-Disperazzjoni. Jiena diġà Għedtilkom, li qatt ma Jien sejjer nabbandunakom. Qatt ma Jien sejjer inħallikom maħkuma mix-Xitan, għaliex intom m’intomx tiegħu. Intom tappartjenu Lili u lil Missieri Etern, il-Ħallieq tagħkom.

Meta taraw il-Fjammi tal-Glorja tiegħi fis-sema, ifirħu. Kwalunkwe dubju li qatt kellkom dwar l-eżistenza ta’ Alla l-Missier, sejjer jisparixxi. Issa, sabiex tibbenefikaw mill-grazzji li t-Twissija l-Kbira sejra ġġib lil ruħkom, ħalli tkunu tistgħu Issalvaw, intom tridu tidhru ċkejknin f’Għajnejja, u tridu titolbuni Naħfrilkom dnubietkom. L-Imħabba tiegħi mbagħad, sejra tfawwar lir-ruħkom u intom terġgħu lura Għandi, u fid-Dar leġittima tagħkom bi dritt. Imma jekk trreżistu l-Ħniena tiegħi, minħabba l-arroganza jew xi raġunament intellettwali, intom tintilfu Minni. Araw issa li tistennew il-Ħniena tiegħi bil-ferħ u l-entużjażmu, sabiex terġgħu issiru sħaħ u kompluti mill-ġdid. Intom sejrin titwiledu mill-ġdid.


Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM