Araw li Tkunu Ppreparati l-Ħin Kollu

It-Tnejn, 1 ta’ Awwissu 2011 @ 23:00

Araw li Tkunu Ppreparati l-Ħin Kollu.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-1 ta’ Awwissu, 2011, fil-11 pm.


Maħbuba binti l-għażiża, sa fl-aħħar, int tassew tinsab f’għaqda Miegħi. Issa sejra tara għaliex hemm din l-urġenza li ngħinu lin-nies jiftħu għajnejhom, ħalli jkunu jistgħu jikkonvertu, u dan sabiex jidħlu fis-Saltna ta’ Missieri.

Tant irġiel u nisa llum qegħdin jgħajbuni. Meta Ismi jissemma bil-qima, minn dawk li jemmnu Fija, huma wkoll jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt, iddisprezzati u jiddieħku bihom. Imbagħad hemm oħrajn, li jinkurlaw meta jiġu sfidati f’Ismi. Hemm ukoll oħrajn, li mhux biss jiċħduni, iżda li saħansitra jobogħduni. Qatt qabel ma kien hawn daqstant nies fid-dinja, li taw daharhom lill-Fidi tagħhom Fija, daqs illum.

Tant erwieħ (nies ħajjin) għażlu li jkeċċu kwalunkwe ħsieb minn moħħhom, li Jiena, jew il-Missier Etern tiegħi, neżistu. Dawn jaħsbu li ma jimpurtax, jekk jemmnux jew le, għaliex Jiena irrilevanti f’ħajjithom. Ħafna minn dawk li huma fietla fil-fidi tagħhom, jiċħdu t-Tagħlim tiegħi qisu xejn mhu xejn, għaliex dawn kliem biss għandhom. Dawn jemmnu li mbagħad se jkollhom ħafna ħin, aktar tard f’ħajjithom, sabiex jiddedikawh għall-fidi tagħhom.

Dan kollu japplika speċjalment, għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, li jaħsbu li l-fidi tagħhom mhix xi ħaġa li għandhom għalfejn joqogħdu jinkwetaw dwarha għalissa. Huma jemmnu, li għandhom ħafna snin oħra quddiemhom biex jonorawni, Lili, il-Maħbub Salvatur tagħhom, u l-Missier Etern tiegħi. Huwa għalhekk, li l-anzjani għandhom it-tendenza, li jerġgħu jqanqlu l-fidi tagħhom, aktar tard f’ħajjithom, meta huma jibdew jaħsbu dwar il-ħajja li jmiss. Dak li l-bniedem mhux jifhem huwa, li hu jista’ jmut fi kwalunkwe mument, fi kwalunkwe ħin, u fi kwalunkwe età, mit-twelid sax-xjuħija. Dan għalihom ma jimpurtax. Madankollu, l-bniedem jeħtieġ li jkun ippreparat il-ħin kollu.

Jiena qiegħed Nitlob lil dawk kollha li jemmnu Fija, sabiex jitolbu għad-dixxerniment, ħalli jgħallmu liż-żgħażagħ kullimkien, dwar il-ħtieġa urġenti li jiftħu għajnejhom, għall-Imħabba li Jiena u l-Missier Etern tiegħi, għandna għal kull wieħed u waħda minnhom. Għinuhom jiftħu għajnejhom għall-Wegħda tal-Ġenna tal-Art il-Ġdida. Dan huwa d-dmir tagħkom Lejja issa, sabiex Jiena ma nitlifx lil dawn uliedi żagħżagħ, minħabba l-gideb li x-Xitan (Satana) jinsab ixerred fid-dinja llum. Għinuni Nsalva lil dawk kollha, li mingħalihom baqalhom ħafna żmien, ħalli huma jagħtu kas ta’ ruħhom issa, bi tħejjija għall-Ġenna tal-Art il-Ġdida fid-dinja li qegħda toqrob, u li se ssir realtà f’ħakka t’għajn, meta għal ħafna minnkom, l-inqas li tkunu qegħdin tistennewha. 


Il-Maħbub Għalliem u Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM