Il-Biża’ mit-Twissija l-Kbira, Mhix Xi Ħaġa li Jiena Ninkoraġġixxi

L-Erbgħa, 10 ta’ Awwissu 2011 @ 23:00

Il-Biża’ mit-Twissija l-Kbira, Mhix Xi Ħaġa li Jiena Ninkoraġġixxi.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-10 ta’ Awwissu, 2011, fil-11.00 pm.


Maħbuba binti l-għażiża, il-ħeffa tal-avvenimenti madwar id-dinja, li jwasslu għat-Twissija l-Kbira, kif inħabbra, issa qed tkompli tiżdied. It-talb uliedi, issa huwa essenzjali, hekk kif is-segwaċi kollha tiegħi madwar id-dinja, mimlija bil-Grazzji tal-Ispirtu s-Santu, qegħdin jingħaqdu sabiex jiffurmaw l-Armata tiegħi. Din l-Armata, waqt li hija pjuttost żgħira, fis-sens li ħafna mis-segwaċi tiegħi għad iridu jifhmu, li kull wieħed u waħda minnhom għandu rwol importanti minn issa, se tqum u tmexxi lil uliedi sal-aħħar nett.

Jeħtieġ li wliedi kollha issa jisimgħuni. Għal kull atroċità mwettqa minn xi bniedem kontra bniedem ieħor f’dawn iż-żminijiet, intom tridu titolbu għal dak li kkommetta d-delitt u fi kwalinkwe każ. Issa qiegħed jiġi mitlub sabiex intom titolbu għall-midinbin. Bit-talb tistgħu tinvokaw l-Ispirtu s-Santu sabiex jagħti d-Dawl Divin lil dawn l-imsejkna erwieħ (nies ħajjin). Ħafna minnhom, tant huma għomja għall-Verità tal-Imħabba ta’ Missieri, li spiċċaw jiġġerrew l-hawn u l-hemm bla skop, jgħixu minn kriżi għall-oħra, hekk li jweġġgħu lil kull min jiltaqgħu miegħu. Jekk aktar minnkom titolbu għall-Ħniena tiegħi għal dawn il-midinbin, allura l-impatt tal-ħażen tad-Demonju jiddgħajjef mhux ftit. Dan hu s-sigriet uliedi, biex tnaqqsu l-mibegħda tax-Xitan (Satana) hekk kif din qed tinbeżaq bħan-nar minn fomm id-Dragun, fl-attentat tiegħu biex jiksi lid-dinja bid-duħħan tal-odju tiegħu.

Hu, il-Qarrieqi, u d-demonji tiegħu, jinsabu kullimkien. Minħabba li l-fidi ta’ wliedi hija tant dgħajfa u fuq skala globali, l-għemejjel krudili tax-Xitan ħakmu lill-bniedm f’morsa, li huwa diffiċli li jinħall minha. Kieku wliedi kullimkien, kienu jemmnu fl-eżistenza ta’ Alla l-Missier li Jista’ Kollox, dan ma kienx jiġri. Kieku mbagħad, il-ħakma tax-Xitan kienet tkun dgħajfa, speċjalment kieku wliedi fittxew l-għajnuna u talbu l-Ħniena ta’ Missieri.

It-talb issa huwa l-armatura tagħkom uliedi, minn issa saż-żmien tat-Twissija l-Kbira. Qisu li tużaw it-talb sabiex issalvaw l-erwieħ li jinsabu fid-dlam. Wara t-Twissija l-Kbira, it-talb tagħkom se jkun meħtieġ biex jgħin lil uliedi ikomplu bid-devozzjoni tagħhom lejn Missieri l-Etern u biex ifaħħru l-Glorja tiegħu. Il-paċenzja, it-talb fis-skiet ta’ kuljum, il-formazzjoni ta’ gruppi tat-talb, ir-reċitazzjoni ta’ kuljum tal-Kurunella tal-Ħniena Divina, is-sawm u r-Rużarju Mqaddes lil Ommi l-Għażiża, kollha flimkien, huma r-riċetta perfetta għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Il-biża’ mit-Twissija l-Kbira mhix xi ħaġa li Jien ninkoraġġixxi. Itolbu issa għal ruħkom u għal erwieħ tal-oħrajn permezz tal-att tal-maħfra, u qabel ma tiltaqgħu wiċċ imb wiċċ Miegħi, is-Salvatur Maħbub tagħkom.

Nitbissem bil-ferħ u l-hena, meta naħseb fil-mument ta’ meta dan id-Don Kbir tal-Ħniena tiegħi se jiġi żvelat lil uliedi. Huwa r-ritorn kbir lura d-Dar, li ma jistax jiġi deskritt. Għax dan ikun meta qlubkom jimtlew bl-Imħabba Divina tiegħi. Ruħkom fl-aħħar tkun imdawla bi tħejjija għall-Ġenna tal-Art il-Ġdida fid-dinja. Imbagħad inġibilkom il-faraġ, s’issa tant nieqes minn ħajjitkom, meta tingħaqdu ħaġa waħda Miegħi.

Ftakru uliedi, dwar ir-raġuni għaliex Jien qiegħed nikkomunika mad-dinja issa. Hija x-Xewqa tiegħi li niżgura li wliedi kollha jiġu salvati mid-dwiefer tax-Xitan. Hija wkoll l-Imħabba profonda u bla tarf tiegħi, għal kull wieħed u waħda minnkom, li ġġgħalni noħroġ Idi sabiex tingħaqdu Miegħi ħalli nippreparakom sabiex terġgħu lura d-Dar tagħkom bi dritt.

Il-biża’ mhix ġejja minni. Inħobbkom uliedi. Jiena qiegħed Inġibilkom dan ir-Rigal glorjuż mill-Imħabba tiegħi. Ifirħu, tbissmu u ilqgħuni meta mbagħad jidher is-Sinjal fis-Sema. Għollu jdejkom u faħħru lil Alla l-Missier talli tani din l-aħħar ċans biex Insalvakom.


Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu,
Is-Sultan tal-Ħniena


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM