Is-Segwaċi Tiegħi Issa Ngħataw id-Don tal-Interċessjoni

Il-Ġimgħa, 12 ta’ Awwissu 2011 @ 23:45

Is-Segwaċi Tiegħi Issa Ngħataw id-Don tal-Interċessjoni.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-12 ta’ Awwissu, 2011, fil-11.45 pm.


Maħbuba binti, l-imħabba tas-segwaċi tiegħi Żżommni Għaddej fit-tul. Jiena Nibki Dmugħ ta’ Ferħ meta Nara l-imħabba ta’ dawk is-segwaċi tiegħi, li jduru madwarek u jħaddnuk bit-talb tagħhom. Huma binti, minħabba d-Don tal-Ispirtu s-Santu, ġew Imsejħa biex ixandru l-Kelma l-Aktar Qaddisa tiegħi lid-dinja, permezz ta’ dawn il-Messaġġi importanti. Jaħasra li kieku biss dawk l-erwieħ l-oħra (nies ħajjin) li jsegwuni, u li jafu li qiegħed Nikkomunika permezz ta’ diversi Viżjonarji, jiftħu widnejhom u jisimgħu dak li Għandi xi Ngħid. Imbagħad it-talb tagħhom jibbenefika lil dawk l-erwieħ imsejkna, li ma ppreparawx għat-Twissija l-Kbira.

L-Imħabba tiegħi tirrifletti minn uliedi li huma leali u dawn madwar id-dinja kollha. Id-Dawl tal-Imħabba tiegħi, li jirrifletti permezz tagħhom, qiegħed iwassal għal ħafna konverżjonijiet fid-dinja bħalissa. Dan ix-xahar, għalkemm uliedi m’humiex konxji, miljuni ta’ erwieħ issa qegħdin jiġu salvati minħabba d-devozzjoni tas-segwaċi maħbuba tiegħi. Huma, uliedi prezzjużi, obdew il-Kmand tiegħi għat-talb u d-devozzjoni matul dan ix-xahar ta’ Awwissu, ix-Xahar Dedikat għas-Salvazzjoni tal-Erwieħ. Għid lil uliedi, li t-talb u s-sawm tagħhom ġabu ħafna ferħ fil-Qalb Tenera ta’ Missieri. Issa, abbundanza ta’ Grazzji sejra tinżel fuq dawk l-erwieħ għeżież u qaddisa, sabiex mil-lum ’il quddiem, ikunu msaħħa bid-Don li Jinterċedu għall-erwieħ mitlufa. Kemm Nixtieq Ngħannaq lil kull wieħed minnhom f’Dirgħajja qrib Qalbi Mqaddsa, sabiex inkun nista’ Nurihom kemm Inħobbhom ilkoll. Huma daqshekk kuraġġużi u daqshekk leali, minkejja xi devjazzjoni midinba tagħhom ta’ kultant, huma xorta segwaċi tajbin. Qalbhom u ruħhom issa huma mimlija bil-Kompassjoni tiegħi, u l-Ispirtu s-Santu sejjer Jiggwida l-Armata prezzjuża tiegħi, hekk kif jinsabu jimmarċjaw lejn ir-rebħa, sabiex jgħinuni Nirbaħ aktar erwieħ.


Il- Salvatur Leali tagħkom,
Sultan tal-Umanità,
Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM