X’Qiegħed Iġigħel liż-Żgħażagħ Sabiex Iħossuhom Daqshekk Imbarazzati Minni?
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tad-19 ta’ Awwissu, 2011, fil-11 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, l-Imħabba tiegħi għaż-żgħażagħ, speċjalment dawk fl-adolexxenza u dawk fil-bidu ta’ età adulta, hija profonda ħafna. Bħall-ġenituri tagħhom, Jien Inħoss l-imħabba, l-ferħ, l-inkwiet u xi kultant ir-rabja, hekk kif Narahom jikbru. O kif Naqsam Qalbi, meta Nismagħhom jgħidu li ma jemmnux f’Alla, il-Missier Etern tiegħi. Huma, l-ulied ċkejknin tiegħi, ġew ikkundizzjonati sabiex jiċħdu lil Missieri, ħalli jidhru li jaqblu mal-ħbieb tagħhom, u b’hekk ma jidhrux differenti minnhom.
Il-fatt hu, li issa m’għadux aktar faċli għal persuna żagħżugħa, li tammetti l-imħabba tagħha Għalija, anke jekk dik il-persuna taċċetta li Jiena Neżisti tassew. B’din l-istqarrija tagħhom, jistgħu iħossuhom imbarazzati, meta t-twemmin tagħhom fija, Ġesù Kristu, jew fil-Missier Etern Tiegħi, jiġi disprezzat mill-oħrajn favur l-hekk msejjaħ ‘esseri superjuri’. Imma x’inhu dan li qiegħed jħeġġeġ liż-żgħażagħ jistħu daqshekk minni? Għaliex iridu bilfors iħossu l-ħtieġa li jikkonformaw ma’ dinja li hija vojta mill-ispirtu jew minn kull ħsieb tar-ruħ?
Il-mużika u l-arti, għandhom influwenza kbira fuq dawn l-erwieħ ċkejnin u prezzjużi tiegħi, li ma ġewx mogħtija l-Verità tal-Ġenna jew tal-Infern. Bħall-ulied l-oħra kollha tiegħi, li jibqgħu stinati li jevitaw kull ħaġa li għandha x’taqsam Miegħi, mat-Tagħlim tiegħi, jew mal-Eżistenza ta’ Missieri l-Etern, dawn għandhom l-istess ċans li jintilfu fil-waħx tad-deżert.
Għeżież ġenituri, Jiena qiegħed Insejjħilkom sabiex tgħidu lil uliedkom il-Verità dwar l-eżistenza tagħhom fuq din l-art. Jiġifieri, minn fejn ġew u d-destin li jinsab jistennihom wara din il-ħajja. Huwa d-dmir tagħkom li tgħinuhom jiftħu l-qalbhom għall-Imħabba tiegħi. Resquhom Għandi bil-ħlewwa, imma użaw kwalunkwe mezz possibbli, sabiex tgħinuhom isalvaw ruħhom. Araw li tagħmlu dan bl-imħabba għalihom. Forsi nqastu mid-dmir tagħkom matul is-snin, imma issa huwa ż-żmien li tpattu għalih. Jekk titolbu l-Kurunella tal-Ħniena Divina għall-ruħhom, intom tistgħu tgħinuhom. Ikun aħjar jekk huma stess jimxu Lejja b’idejhom miftuħa Għalija f’din il-ħajja minn jeddhom.
Liż-żgħażagħ għandi dan x’Ngħidilkom: Jekk temmnu Fija, tibżgħux tisqarru dan fil-pubbliku. Araw li ma tiċħdunix, għaliex Jien il-ħabel tas-salvataġġ tagħkom, u li mingħajri m’hemm l-ebda ħajja. Meta l-oħrajn jaraw kemm hu qawwi t-twemmin tagħkom Fija, huma jsiru aktar inklinati li jiftħu qalbhom Għalija. Dan jirrikjedi ħafna kuraġġ min-naħa tagħkom, imma l-Grazzji li tirċievu Mingħandi, bil-bosta se jegħlbu l-biża’ tagħkom. Ladarba tgħidu lin-nies li Jien Neżisti, ladarba turuhom rispett u mħabba, intom tiġbduhom lejkom, waqt li huma huma jsiru jirrispettawkom aktar talli tkellimtu dwari. Forsi jista’ jidher stramb, li intom f’nifs wieħed, filli tkunu qegħdin titkellmu Dwari u filli titkellmu dwar l-affarijiet tad-dinja, imma intom imbagħad issiru aktar b’saħħitkom fil-fidi tagħkom meta tagħmlu dan. Mhux biss se tesperjenzaw tant imħabba f’qalbkom Għalija, imma wkoll se ssalvaw l-erwieħ ta’ sħabkom.
Qisu li tużaw l-Internet sabiex ixxerrdu l-Messaġġi tiegħi. Tkellmu dwarhom mal-oħrajn. Ma jimpurtax min iżeblaħkom. Għaliex meta taghmlu dan, ħafna u ħafna żgħażagħ madwar id-dinja se jkollhom il-Ħajja ta’ Dejjem minħabba l-konverżjoni li tkunu ġibtu bħala riżultat.
Oħorġu issa, armata żagħżugħa u prezzjuża tiegħi. Issa wasal iż-żmien għalikom li tagħmlu l-kuraġġ sabiex ixxerrdu l-Messaġġi tiegħi, li bħalissa qegħdin jingħataw lil din il-ġenerazzjoni fid-dinja, sabiex tfakkruhom min Jien, u għaliex Salvajtkom ilkoll mill-qiegħ tal-Infern, kif ukoll għaliex issa Jiena qiegħed Noħroġ Idejja sabiex Insalvakom għal darb’oħra. Dan huwa l-ħin għalija sabiex Noħdilkom idejkom u Nżommhom f’Idi. Inħobbkom.
Il-Maħbub Salvatur u l-Ħabib tagħkom,
Ġesù Kristu