L-Armata Tiegħi Se Tikber u Issir Grupp ta’ Aktar Minn 20 Miljun Ruħ.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-31 ta’ Awwissu, 2011, fid-9 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, l-imħabba li Jiena għandi għalik u għas-segwaċi tiegħi, tfawwar Minni u ġġibli tant ferħ. Kemm Inħobbkom ilkoll. Id-dedikazzjoni, l-umiltà, il-fiduċja u l-imħabba safja tagħkom Għalija qegħda tissaħħah kuljum. M’intomx tħossuh dan? Dan huwa r-Rigal tiegħi, lil kull wieħed u waħda minnkom, intom l-erwieħ safja tiegħi, li ġejtu maqlugħin mill-ħajja tagħkom ta’ kuljum, sabiex isegwuni fit-triq lejn il-Ġenna tal-Art.
Uliedi, li ġew imqajmin mill-irqad mill-Ispirtu s-Santu, li tferra’ fuq id-dinja f’Mejju li għadda, issa se jħossu devozzjoni speċjali Lejja, li ħafna minnhom ma kellhomx bħala qabel. Jien issa qiegħed Ngħaqqad malajr l-Armata tiegħi, fejn din, dalwaqt sejra tikber u ssir grupp ta’ aktar minn 20 miljun ruħ. Iktar ma tkun kbira l-Armata, iktar ikun qawwi l-Ispirtu s-Santu, sabiex iġib lil uliedi flimkien bħala ħaġa waħda, ħalli tiġġieled kontra l-Qarrieqi. Il-Gwida Divina tiegħi, issa tpoġġiet f’ruħkom, kemm jekk intom tindunaw b’dan, u kemm jekk le. Huwa bħallikieku għandkom swiċċ minn ġewwa fikom. Dan ifisser, li meta l-Imħabba tiegħi issejħilkom, intom tobdu b’mod naturali, ħalli tikkonvertu lil ħaddieħor. Din hija l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, u li bħalissa qegħda tinħass f’kull rokna tad-dinja.
Ir-reliġjonijiet kollha, kull twemmin, ir-razez kollha, u n-nazzjonijiet kollha, issa sejrin jirrispondu għad-Dawl tiegħi tal-Verità. Dawn huma kollha prezzjużi bil-bosta quddiem Missieri l-Etern. Issa Hu qiegħed Imiss lil kull raġel, mara, tifel u tifla, sabiex jisimgħu s-Sejħa tiegħu. Ix-Xitan (Satana) mhux se jkun jista’ jissaporti t-talb li jingħad mis-segwaċi tiegħi. Il-morsa tal-ħakma tiegħu sejra tinħall dalwaqt. It-talb u l-fidi tas-segwaċi tiegħi qed jirrabjawh sew. Minħabba li m’għandux saħħa fl-attentati tiegħu, li jpoġġi dubji f’moħħ il-fidili tiegħi, issa se jdawwar l-attenzjoni tiegħu, lejn il-midinbin dgħajfa. Dawn l-ulied, li diġà huma tant konfużi u meqruda mid-dnub il-mejjet tagħhom, sejrin jinġibdu lejh. Minħabba d-dlam li hemm f’ruħhom, huma ma jkunux jistgħu jiddefendu lilhom infushom. Qisu li titolbu bis-sħiħ sabiex ruħhom tkun tista’ tiġi salvata.
Din hija l-era fejn il-Knisja tiegħi, għalkemm tinsab tiffaċċja ostakli tremendi, ikkawżati mid-dnub, issa sejra tinbena mill-ġdid mis-segwaċi tiegħi fid-dinja. Dan se jieħu ż-żmien, iżda meta jseħħ, il-Knisja tiegħi terġa’ lura għall-Glorja li kellha qabel, u terġa’ tieħu saħħitha. Flimkien mal-poplu magħżul tiegħi kollu, il-Knisja tiegħi sejra tingħaqad mas-Saltna Glorjuża ta’ Missieri. Il-ħlewwa ta’ dan l-avveniment, jiġifieri meta d-dinja teħles mix-Xitan, u minn kull ħaġa ħażina li teżisti, għandha tintlaqa’ tajjeb minnkom uliedi. Din hija l-Era l-Ġdida ta’ Paċi, li tridu tħarsu ’l quddiem għaliha fid-dinja. Iż-żminijiet li ġejjin jistgħu jkunu diffiċli għalikom uliedi. Iżda araw li tiffokaw il-ħarsa tagħkom Fuqi, sabiex intom tgħixu u ma tmutux. Imbagħad taraw kif tiġi l-paċi li intom qegħdin tistennew.
Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu