Organizzaw it-Talb Flimkien tal-Kurunella tal-Ħniena Divina Issa: It-Twissija l-Kbira Qorbot.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-5 ta’ Settembru, 2011, fid-9 pm.
Nota: Illejla Ġesù Kristu ta żewġ Messaġġi. L-ewwel wieħed kien jikkonsisti f’rivelazzjoni privata, fejn ingħataw id-dati lill-Viżjonarja, ta’ meta sejra sseħħ it-Twissija l-Kbira. Il-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dettalji tħalliet fid-diskrezzjoni ta’ Marija Ħniena Divina, li ddeċidiet li ma tippubblikahomx għalissa. Minflok, il-Viżjonarja għaddiet dan il-Messaġġ lil Saċerdot, sabiex jinżamm fis-sigurtà tiegħu. L-intenzjoni hija, li dan il-Messaġġ jiġi ppubblikat wara li sseħħ it-Twissija l-Kbira. It-tieni Messaġġ huwa dan li ġej, fejn jirrigwarda s-sitwazzjoni fid-dinja bħalissa.
Maħbuba binti l-għażiża, iż-żmien issa qorob. It-talb għen lill-Vigarju maħbub tiegħi, il-Papa Benedittu, sabiex ikun jiflaħ jiffaċċja l-battalja interna mill-Forzi tal-Ħażen. Iż-żmien tiegħu li baqgħalu fil-Vatikan ġie estiż.
Jiena qiegħed Inħeġġeġ lis-segwaċi kollha tiegħi, sabiex jorganizzaw u jagħmlu laqgħat ta’ talb tal-Kurunella tal-Ħniena Divina, għal uliedi msieken kollha, li tbiegħdu Minni u minn Missieri l-Etern. Huma jeħtieġu t-talb tagħkom b’mod urġenti. It-talb, u l-ħafna talb, huwa tant meħtieġ bħalissa, sabiex issalvawhom. Qisu li toffru Quddies għal dawk li minħabba l-istat ta’ ruħhom, matul it-Twissija l-Kbira, jistgħu ma jibqgħux ħajjin fil-ġisem. Huma jeħtieġu t-talb tagħkom. Ingħaqdu flimkien. Żommuli Jdejja u kunu ħaġa waħda Miegħi.
Il-Maħbub tagħkom,
Ġesù Kristu