Araw li Qatt Ma Theddu lil Xi Ħadd f’Ismi

Is-Sibt, 10 ta’ Settembru 2011 @ 15:30

Araw li Qatt Ma Theddu lil Xi Ħadd f’Ismi.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-10 ta’ Settembru, 2011, fit-3.30 pm.


Illum qed Nitkellem miegħek, maħbuba binti l-għażiża, dwar il-ħtieġa li inti Lili tobdini f’kollox. Binti, is-segwaċi kollha tiegħi, sabiex ikunu denji tal-Imħabba u d-devozzjoni tiegħi, iridu jonoraw il-Kmandamenti ta’ Missieri. Filwaqt li jistgħu jitfixklu minn żmien għal żmien, huma jridu jistinkaw il-ħin kollu, sabiex isegwu r-Regola tal-Imħabba. Din hija li tħobbu lil xulxin, u li tpoġġu il-bżonnijiet tal-proxxmu tagħkom qabel il-bżonnijiet tagħkom stess. Imbagħad taraw li kollox jiġi f’postu.

Dawk in-nies li jsejħu lilhom infushom segwaċi tiegħi, għandhom joqogħdu attenti ħafna, dwar kif ixerrdu l-Kelma l-Aktar Qaddisa tiegħi. Jekk jaqgħu fin-nassa tal-arroganza, fil-kburija tat-tjieba personali, jew meta jikkundannaw lil ħaddieħor f’Ismi, dawn in-nies Lili joffenduni bil-kbir. Araw li qatt ma theddu lil xi ħadd bil-kastigi li huma forsi jistennew minni. Qisu li qatt ma tgħidu lil xi ħaddieħor li Jiena sejjer Nikkastigahom, minħabba li tħossukom irrabjati magħhom, jew għal kwalunkwe raġuni oħra. Jekk intom tagħmlu dan, tkunu ħatja li qegħdin tiċħduni, għaliex tkunu qegħdin iddawwru l-Verità sabiex taqbel mal-aġenda tagħkom stess. Araw li qatt ma tħossokom superjuri għal ħaddieħor, sempliċement għaliex għandkom il-privileġġ li tafu l-Verità.

Uliedi, Jien Inħobb lil uliedi kollha, anke meta jiżbaljaw u jitbiegħdu l-bogħod Minni. Qisu li titolbu għalihom il-ħin kollu, jekk tisqarru li intom segwaċi veri tiegħi. Iva, għaliex le, ippridkaw il-Verità u b’kull mezz. Għidulhom dejjem dwar l-Imħabba profonda tiegħi, li Jiena Għandi għal uliedi. Imma araw li qatt m’għandkom tiġġudikawhom. Qatt ma tgħidu lil ħaddieħor li dnubiethom, jew dawk li intom stess tqisu bħala dnubiet, li se jiġu kkastigati Minni b’ċertu mod, għaliex intom m’għandkom l-ebda dritt tagħmlu dan.

Il-Messaġġ tiegħi llum huwa sempliċi: Jekk intom tħobbuni u titkellmu f’Ismi, qisu li qatt ma teżaltaw lilkom infuskom minħabba dan. Qatt m’għandkom theddu lil ħutkom, subien u bniet, jew taqilgħu kalunji fuqhom f’Ismi. Issa ftakru, li peress li intom segwaċi tiegħi, intom sejrin tkunu fil-mira tal-Qarrieqi, preċiżament minħabba l-fidi tagħkom. Għalhekk, tridu toqogħdu attenti ħafna, li ma jqarraqx bikom, ħalli tidinbu kontra ħutkom stess. Intom tridu tibqgħu sodi uliedi. Illum, Jiena qiegħed Nagħtikom dan il-Messaġġ, sabiex Niggwidakom u biex Inżommkom fit-triq it-tajba Lejja.


Il-Maħbub Ġesù tagħkom,
Sultan tal-Umanità


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM