Il-Bidliet li Se Jiġu Introdotti fil-Knisja, Se Jikkontradixxu l-Kelma t’Alla

It-Tlieta, 13 ta’ Settembru 2011 @ 15:15

Il-Bidliet li Se Jiġu Introdotti fil-Knisja, Se Jikkontradixxu l-Kelma t’Alla.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-13 ta’ Settembru, 2011, fit-3.15 pm.

Maħbuba binti l-għażiża, Huwa Jien, Ġesù Kristu li ġejt fil-Ġisem. Il-Kelma l-Aktar Imqaddsa tiegħi, issa trid tinstema’ mill-Qaddejja Sagri (is-Saċerdoti) tiegħi kullimkien. Is-segwaċi kollha tiegħi, jridu jaqsmu dawn il-Messaġġi mal-Qaddejja Sagri tiegħi u mad-denominazzjonijiet Insara kollha. Huwa vitali li jiġu mħeġġa jisimgħu l-Kelma tiegħi f’dan iż-żmien kruċjali, qabel ma huma jinqasmu u jinqatgħu f’żewġ kampijiet.

Ix-xogħol tal-Qarrieqi infiltra fil-Knisja tiegħi f’kull livell. Issa, dalwaqt ħafna u bil-mod il-mod, imma żgur, se taraw il-Quddies jonqos. Se taraw it-tneħħija ta’ dak it-talb speċjali, u xi wħud mis-Sagramenti bħall-Qrar, se jibdew jonqsu wkoll. Qed insejjaħ lill-Qaddejja Sagri tiegħi bħalissa, sabiex jisimgħuni u jitolbu għad-dixxerniment. Issa huwa Jien li qieghed Insejjħilkom, sabiex inkun nista’ Nsalva l-merħla tagħkom. Huwa Jien li rrid Niftħilkom qalbkom, sabiex tkunu tistgħu tippjanaw għal dan l-Aħħar taż-Żminijiet, u li se jwassal għal bidu kompletament ġdid fid-dinja.

Intom is-Saċerdoti, dalwaqt se tintalbu turu l-lealtà tagħkom lejn il-Profeta Falz. Qisuh għal dak li hu, u araw li tiġġudikaw l-għemejjel tiegħu ħalli taraw jekk jagħmilx frott. Għax il-frott li hu, u d-devoti skjavi tiegħu se jagħmlu, se jkun immuffat sal-għadma. Gidma waħda minn dan il-frott teqredilkom il-lealtà tagħkom Lejja. B’żewġ gidmiet jew aktar, tkunu qegħdin iddaħħlu feles ta’ firda bejnkom u bejn il-Qalb Imqaddsa tiegħi, tant li wara, se ssibuha kważi impossibbli li tidħlu fis-Saltna ta’ Missieri.

Oqgħodu attenti għall-bidliet li se taraw jidħlu fil-Ministeru tagħkom stess. Xi wħud minn dawn il-bidliet, fil-bidu, mhux se jidhru li huma problema. Imma hekk kif jibda’ għaddej iż-żmien, ċerti bidliet se jkunu sfurzati fuqkom, u intom sejrin tkunu mġiegħla tibilgħu l-gideb. Il-gideb jiġi mix-Xitan (Satana) li se jiġi liebes ta’ nagħġa. Dawk minnkom ta’ qalb safja, se tindunaw mill-ewwel u tagħrfu l-makakkerija qarrieqa hekk kif titfaċċa, li fil-fatt, din hija intenzjonata biex teqred il-Knisja tiegħi fid-dinja, u dan, minn ġewwa l-kurituri tagħha stess.

Il-Verità tiegħi se tikkawża ħafna qtugħ ta’ nifs u ta’ mġieba kontrarja madwar id-dinja, meta l-Qassisin tiegħi se jistaqsu għal din il-Profezija tiegħi: Din mhix ċara li hija gidba? L-unika gidba li huma se jkollhom jagħtu xiehda tagħha tkun, li se jkunu mġiegħla japprovaw il kutrarju tal-Iskrittura Mqaddsa tiegħi, mogħtija lill-umanità sa mill-bidu nett. Araw li qatt ma tħallu lilkom infuskom taċċettaw xi Verità oħra, għajr dik li tinsab fil-Bibbja Mqaddsa.

Ħafna bidliet li se jiġu introdotti, se jikkontradixxu l-Kelma ta’ Missieri l-Etern. Dawn il-bidliet, Qaddejja Sagri tiegħi, mhux se jkunu ta’ oriġini Divina u jekk intom tridu tibqgħu leali Lejja, tridu tiċħdu għal dan il-gideb. Qumu mill-irqad tagħkom. Irreżistu għal gideb li se jkollkom tiffaċċjaw. Qisu li ma taċċettawhom qatt. Il-Kelma ta’ Missieri l-Etern qatt ma tinbidel. Qatt ma tista’ tiġi mbagħbsa mill-umanità. Ħafna minnkom, tant se tkunu iddisturbati u mitlufa, li se ssibu ruħkom iżolati saħansitra minn sħabkom stess, il-Qaddejja Sagri l-oħra. Araw li ma tibżgħux, għaliex intom tistgħu tagħżlu naħa waħda biss. Dik in-naħa fejn ninsab Jien. M’hemm l-ebda naħa oħra.


Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM