Iż-Żminijiet ta’ Paċi u Glorja Kważi Waslu.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tas-17 ta’ Settembru, 2011, fis-6.50 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, inti fl-aħħar issa qegħda tinduna, li meta tħossok imwarba mill-oħrajn, dan huwa sempliċement mera tal-Agunija tiegħi stess. Meta tkun f’għaqda Miegħi, kif tinsab int, din iċ-ċaħda sejra ssir parti minn ħajtek, minn issa 'l quddiem. Meta n-nies jiċħdu l-Messaġġi li inti tippubblika, huma jkunu qegħdin jiċħdu l-Kelma l-Aktar Qaddisa tiegħi. Meta huma jisfidawhom u jsibu difetti fihom, huma jkunu qegħdin jikkritikaw Lili. Meta jħarsu lejk b’disprezz, huma jkunu qegħdin iżebilħu Lili. Meta jidħku b’dawn il-Messaġġi, huma jkunu qegħdin isalbuni.
Dak li inti qegħda tħoss, huwa biss farka mit-Tbatija tiegħi, hekk kif Jiena Nara bi swiet ta’ qalb, l-għama tal-bniedem għall-Verità tal-Eżistenza ta’ Missieri l-Etern. L-Uġigħ u d-Dwejjaq li Nħoss, meta Jiena jkolli Nara d-dnubiet tal-bniedem, inklużi d-dnubiet ta’ dawk li jemmnu Fija, huwa l-aktar aħrax. Dan it-turment bilkemm jieqaf, iżda jittaffa mit-tbatija tal-erwieħ li huma vittmi (nies ħajjin). Jittaffa wkoll bl-imħabba, li s-segwaċi tiegħi juruni permezz tad-devozzjoni tagħhom Lejja.
Binti, filwaqt li Jiena għandi Bżonn it-tbatija sabiex insalva erwieħ oħra, imsieken u sfortunati, mhijiex xi ħaġa li din Lili tagħtini pjaċir. Jien stess Inħossni Miġugħ meta Nara it-tbatija, imma fl-istess ħin, Inħossni Mfarraġ minnha. Tant hemm affarijiet li inti trid titgħallem binti, u li huma diffiċli għalik biex tifhimhom. It-Toroq tas-Saltna Divina ma jistgħux jiġu mifhuma mill-umanità. Imma għad tiġi ġurnata meta huma sejrin jifhmu.
Kun afu dan uliedi, li ż-żminijiet diffiċli, li l-bniedem kellu jissaporti għal sekli sħaħ, issa waslu biex jintemmu. Din hija aħbar tajba għall-bniedem, li juri mħabba lejn il-proxxmu tiegħu, u bl-istess mod iħobb Lili. Din l-aħbar sejra ġġib ukoll fi tmiem, fl-aħħar, it-Tbatija tiegħi, li Jiena Nissaporti għaliex Inħobbkom ilkoll. Din l-Imħabba tiegħi li hija qawwija, u li dejjem tipprovdi, sejra tkun il-kawża tas-Salvazzjoni finali tagħkom. Mur issa binti, u qis li taċċetta t-tbatija, fejn f’qalbek tifhem aktar is-sinjifikat u l-importanza tagħha. Ifraħ, għaliex iż-żminijiet ta’ Paċi u Glorja kważi waslu.
Il-Maħbub Ħabib u Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu,
Is-Sultan tal-Umanità