L-Aktar Ġrajja Importanti mill-Qawmien Tiegħi 'l Hawn.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tad-19 ta’ Settembru, 2011, fit-8.15 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, hija l-Intenzjoni tiegħi li Nwassal lil kull raġel u mara, tifel u tifla, fil-Ġenna tal-Art il-Ġdida tiegħi fid-dinja, għaliex anke jekk ruħ waħda biss titħalla barra, dan Lili Jaqsamli Qalbi. Huwa għalhekk, li Jiena Żidt in-numru ta’ Messaġġiera li qiegħed Nibgħat fid-dinja. Dan sabiex huma jkunu jistgħu jxerrdu l-Kelma Mqaddsa tiegħi, ħalli jinkoraġġixxu l-konverżjoni. Jiena ma nibgħatx il-Messaġġiera tiegħi sabiex ibeżżgħu lil uliedi. Altru minn hekk, minflok, ir-rwol tal-Messaġġiera tiegħi huwa li jħejju lil kull persuna fuq din l-art, sabiex ikuni lesti u denja li jgħixu f’din il-Ġenna tal-Art il-Ġdida.
Uliedi, iż-żminijiet li intom qegħdin tgħixu fihom mhumiex pjaċevoli. Il-liġi u l-ordni sffixxaw. Ir-regħba għall-flus fissret, li l-istabbiltà finanzjarja tagħkom insterqet minn għandkom. Il-glorja li wieħed jagħti lilu nnifsu u l-ossessjoni bl-ambizzjoni tad-dinja fissru, li anke l-Fidi tagħkom ittieħdet minnkom.
Bħal Dar Fejn M’Hemmx Kontroll mill-Ġenituri
Intom uliedi, intom qiskom qegħdin tgħixu f’dar fejn m’hemmx kontroll mill-ġenituri. Bħat-tfal imħassrin, intom qegħdin tiġu pprovduti bil-kumditajiet materjali kollha li tixxennqu għalihom, mingħajr ma jkollkom għalfejn taqilgħu il-flus għalihom. Ġejtu pprovduti bl-ikel, li ma kellkomx għalfejn titħabtu għalih. Kull ħaġa li ma tissodisfakomx, tiġi sostitwita b’xi ħaġa oħra ġdida, b’xi forma ta’ stimulant ieħor. Madankollu xejn ma jissodisfakom fit-tul. Imbagħad, jibdew iseħħu l-argumenti fost l-ulied, kull wieħed ifittex kif sejjer jikkontrolla lill-ieħor, sabiex jagħmel li jrid. Wara, anke tista’ tinqala’ glieda fiżika. Imma minħabba li ħadd ma jkun inkarigat, l-aħwa jispiċċaw iweġġgħu lil xulxin, u xi kultant b’konsegwenzi gravi.
Jiena hekk naraha lid-dinja. Uliedi mhumiex kuntenti, neqsin mill-ġid spiritwali, waqt li jirrifjutaw li jiġu ggwidati mill-Knisja tiegħi. Il-Knisja tiegħi illum, ma tistax tikkontrolla popolazzjoni daqstant indixxiplinata, fejn in-nies ma jsibux id-devozzjoni Lejja daqshekk stimulanti, daqs il-ġid tal-ġisem. Il-gwerra qegħda teqred lill-umanità u dan it-telf spiritwali, ħoloq vojt fid-dinja, li ħafna minnkom, għalmenu s’issa, qegħdin tħossu l-effetti tiegħu f’qalbkom. L-affarijiet xejn ma huma kif jidhru. Huwa veru, li l-glorja materjali tleqq minn barra, u li d-dawl tagħha jiġbed lil dawk imxennqa għall-kumdità, imma wara dan it-tlellix, m’hemm xejn ħlief dlam.
Jiena Hu id-Dawl, li jinsab nieqes minn ħajjiet in-nies solitarji, konfużi u xi ftit imbeżża’ tagħkom. Huwa għalhekk, li wasal iż-żmien Għalija, sabiex Jiena Nintervjeni u Nieħu l-Kontroll f’Idejja. Intom uliedi, tridu tilqgħu u tippreparaw għall-Ħniena l-Kbira tiegħi. Jeħtieġ li titolbu għal ħutkom u tħarsu 'il quddiem b’dirgħajn miftuħa, sabiex tilqgħu dan l-Intervent tiegħi. Araw li tkunu pożittivi. Kunu mimlijin tama. Qisu li tkunu fiduċjużi li anke l-aktar midinbin ħarxa, sejrin isibu l-ħelsien bil-Miġja ta’ dan l-Avveniment il-Kbir, l-aktar wieħed importanti mill-Qawmien tiegħi 'l hawn.
Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu