Alla l-Missier: Ħejji lid-Dinja Għall-Wasla ta’ Ibni l-Għażiż, Ġesù Kristu.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Missierna fis-Smewwiet, Alla l-Aktar Għoli, lil Marija Ħniena Divina, tad-19 ta’ Ottubru, 2011, fis-2 pm.
Binti, qis issa li inti tħejji lid-dinja għall-wasla ta’ Ibni l-Għażiż, Ġesù Kristu, għaliex issa Ġej, kif imħabbar, sabiex għal darb’oħra, Isalva lill-umanità. Il-Wasla tiegħu sejra tiġi mħabbra bit-trombi minn tal-Ġenna, u l-Kori tal-Anġli, li sejrin ikantaw b’tifħir, sabiex iħabbru dan l-avveniment kbir. Ir-Rigal Kbir tiegħi lill-umanità, qiegħed jiġi ppreżentat lilkom fil-forma ta’ Ibni l-Għażiż, li qiegħed jintbagħat Minni, sabiex Isalvakom qabel l-Aħħar Ġudizzju.
Issa araw li tippreparaw ruħkom għal meta dnubietkom sejrin jiġu murija lilkom. Jiena qiegħed Nikkmandakom sabiex tinżlu b’umiltà f’Riġlejn Ibni u titolbu l-Ħniena tiegħu. Tridu titolbuh jaħfrilkom, u tkunu tridu taċċettaw il-kastig meħtieġ biex tnaddfu lir-ruħkom. Il-Ħniena tiegħu, hija tant kbira, li kwalinkwe dnub, ikun kemm ikun gravi, jkun jista’ jinħafer, jekk tintwera sogħba vera. L-umiltà hija meħtieġa minnkom ilkoll, sabiex tkunu denji li tidħlu fl-Era Glorjuża Ġdida ta’ Paċi fid-dinja, li ż-żmien tagħha, issa huwa qrib ħafna. Dawk l-erwieħ biss li jindmu verament, u li juru lealtà vera lejn Ibni l-Għażiż, ikunu tajbin biex jidħlu mill-bibien. Għaliex intom tridu tkunu ħielsa mid-dnub, sabiex tidħlu f’din il-Ġenna Ġdida u Meraviljuża fid-dinja.
Maħbuba uliedi, Jiena diġà Ħejjejt din il-Ġenna tal-Art b’Imħabba kbira, għal kull wieħed u waħda minnkom. Dan huwa l-Wirt li intom kontu qegħdin tistennew. Dan huwa l-mod, kif ir-rigal tad-dinja kollha kemm hi, ġie ppreżentat oriġinarjament lil Adam u Eva. Kull bniedem li jirrifjuta din il-Ġenna tal-Art, fejn fiha, l-ebda ħażen ma jeżisti u fl-ebda forma tiegħu, ikun qiegħed jagħti dahru għas-Salvazzjoni. Dan huwa l-aħħar ċans tagħkom, sabiex teħilsu l-erwieħ tagħkom mill-ħakma tax-Xitan (Satana), u l-influwenza krudila li għandu fuq ħajjitkom.
Qisu li taċċettaw dan ir-Rigal Meraviljuż tal-Ħniena Kbira tiegħi. Permezz ta’ dan ir-Rigal, intom qegħdin tiġu offruti ċans ta’ Salvazzjoni vera, u ta’ Ġenna Glorjuża, li intom ma tistgħux timmaġinawha. Għal dawk il-midinbin imsieken, li sejrin jirrifjutaw l-offerta ta’ maħfra mingħand Ibni, intom sejjer jingħatalkom ftit aktar żmien, sabiex terġgħu lura lejn il-fidi tagħkom. Madankollu, mhux sejjer jingħatalkom wisq żmien, għaliex il-Paċenzja tiegħi qegħda tispiċċa. Stennew issa r-ritorn ta’ Ibni, sabiex Isalvakom għal darb’oħra mid-dnub, ħalli jwassalkom għas-Salvazzjoni Eterna.
Alla l-Missier