It-Twissija l-Kbira hija Forma ta’ Qrara Globali

Il-Ġimgħa, 21 ta’ Ottubru 2011 @ 20:30

It-Twissija l-Kbira hija Forma ta’ Qrara Globali.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-21 ta’ Ottubru, 2011, fit-8.30 pm.


Maħbuba binti l-għażiża, ikteb hekk. Inti bħalissa għaddejja minn tbatija kbira, sabiex issalva dawk l-erwieħ fid-dlam (nies ħajjin) li bħalissa qegħdin jiċħdu lili u lil Missieri. Tant dawk l-erwieħ, huma magħluqin fihom infushom u ħarxa, li sejjer ikun biss permezz tat-talb ta’ ħaddieħor u t-tbatija ta’ erwieħ vittmi, li dawn jistgħu jiġu salvati, għaliex huma se jibqgħu jirrifjutaw li jfittxu l-maħfra. Ir-ras iebsa tagħhom, sejra żżommhom milli jħossu biżżejjed sogħba, sabiex jistqarru dnubiethom u jitolbuni l-maħfra.

It-Twissija l-Kbira hija forma ta’ Qrara Globali. Din se tkun iż-żmien, meta kulħadd ikun mistenni li jitlob il-maħfra ta’ dnubietu, inkella jiġi mkeċċi. Tant erwieħ fid-dlam se jirrifjutaw l-Id tal-Ħniena tiegħi. Huma se jitilqu ’il bogħod Minni. Inti binti, flimkien mas-segwaċi devoti kollha tiegħi, tista’ tgħin sabiex issalva l-erwieħ tagħhom mill-kundanna eterna. Jiena qatt ma nagħmel pressjoni fuq uliedi sabiex isofru f’Ismi. Imma permeżż ta’ dawk li joffruli dan ir-rigal tagħhom, bħala għajnuna fit-tbatija, Jiena  nkun nista’ Nifdi ħafna mill-umanità.

Is-sofferenza tiġi mill-attakki tax-Xitan (Satana), meta huwa jitturmenta l-erwieħ li huma qrib tiegħi, u ta’ dawk maħtura Minni, sabiex Immexxi l-Missjoni Qaddisa tiegħi, ħalli jikkonvertu l-erwieħ. Kun af, li meta jiġu dawn l-attakki fuqek, ikun sinjal li inti tinsab f’għaqda Miegħi. Imbagħad inti, Lili ssir tafni aħjar. Issir taf kif Inħossni: il-Ferħ tiegħi, id-Dwejjaq tiegħi, in-Niket tiegħi, l-Uġigħ tiegħi, u t-Terrur tiegħi ta’ meta Nitlef ruħ waħda lix-Xitan. Inti ara li ma tinkwetax. Għaliex, diġà miljuni ta’ erwieħ, ġew salvati permezz ta’ dawn il-Messaġġi. It-talb tal-Armata Devota tiegħi, diġà qiegħed itaffi d-diżastri globali, kif ukoll tawwal it-tluq tal-Vigarju Qaddis tiegħi mill-Vatikan. L-ubbidjenza tagħhom fir-reċitar tal-Kurunella tal-Ħniena Divina tiegħi, qiegħed isalva l-erwieħ, s’issa stess.

Binti, qis li tkun żgura, li wliedi kollha jifhmu, li Jiena qiegħed Nitkellem mar-reliġjonijiet u d-denominazzjonijiet kollha, permezz ta’ dawn il-Messaġġi. Jiena ma Neskludi lil ħadd, għaliex huma kollha wlied Alla. Hemm Alla wieħed biss, u Dak Hu l-Missier Etern tiegħi, Alla l-Aktar Għoli. Ejjew ilkoll flimkien miegħi uliedi, u ejja naħdmu bħala ħaġa waħda flimkien, sabiex insalvaw l-erwieħ tiegħi minn madwar id-dinja, u malajr. Intom, bit-talb tagħkom biss, tistgħu tgħinuni Nsalva lid-dinja.


Ġesù tagħkom,
Is-Salvatur tal-Umanità kollha


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM