Il-Profeti Foloz Qed Jippruvaw Inaqqsu mill-Kelma Mqaddsa Tiegħi

L-Erbgħa, 26 ta’ Ottubru 2011 @ 15:30

Il-Profeti Foloz Qegħdin Jippruvaw Inaqqsu mill-Kelma Mqaddsa Tiegħi.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tas-26 ta’ Ottubru, 2011, fit-3.30 pm.


Maħbuba binti l-għażiża, jekk jogħġbok, għid lil uliedi, sabiex joqogħdu attenti mil-Viżjonarji Foloz li jgħidu li jitkellmu f’Ismi, imma li fil-fatt jippromwovu kliem li ma joħroġx minn Fommi. Ħafna minn dawn li jsejjħu lilhom infushom bħala viżjonarji, li minn barra jidhru qishom Kattoliċi, bil-fattizzi kollha assoċjati ma’ din id-duttrina Nisranija, kif ukoll ma’ duttrini Nsara oħra, imma li huma fil-fatt segwaċi tal-Moviment tal-Era Ġdida.

Is-segwaċi ta’ dan il-Moviment ħażin tal-Era Ġdida issa sejrin jinfiltraw fid-dinja, sabiex jikkonvinċu lil uliedi stess, li ntbagħtu biex jippromwovu l-Kelma Mqaddsa tiegħi. Minn barra, kliemhom sejjer jidher li hu veru. Il-lingwaġġ li jużaw se jkun raffinat, mimli mħabba, u maħsub sew, imma sejjer jaħbi gidba. Din hija l-era fejn se jitfaċċaw il-Profeti Foloz, u fejn ħafna minn uliedi, se jsibuha diffiċli sabiex jagħrfu l-Verità minn dik sempliċi invenzjoni falza.

Inti, binti, issa qegħda tkun fil-mira ta’ dawn il-Viżjonarji Foloz, sabiex jippruvaw inaqqsu mill-Kelma Mqaddsa tiegħi. Ara li ma tħallix li dan jiġri, għax inkella wliedi sejrin jinqabdu f’dalma li se jkun diffiċli biex joħorġu minnha. Ftakru f’dan: Dawn il-Profeti Foloz huma wkoll uliedi l-għeżież. Allura jekk jogħġobkom, araw li titolbu għalihom. Sfortunatament, dawn ġew żvijati sabiex jemmnu f’ġerarkija immaġinarja, u f’univers ieħor, li ma jeżistix.
 
Qisu li toqgħodu attenti minn dawk li jirreferu għal ċertu imgħallmin imtellgħin fis-sema, jew li jitkellmu dwar xi era ġdida ta’ dawl, fejn Alla l-Missier huwa sempliċement meqjus bħala xi aspett ieħor minn ħafna. Dawn l-erwieħ (nies ħajjin) ma jinsabu jieħdu l-ebda direzzjoni Mingħandi. Huma qegħdin iħaddnu twemmin maħluq mill-Qarrieqi. F’ħafna każijiet, dawn l-erwieħ imqarrqa, saħansitra jemmnu li qed jirċievu messaġġi divini. Hekk jaħdem ix-Xitan (Satana). Waqt li kliemu ħelu u rpużat, huwa jlablab litanija ta’ kliem vojt u indifferenti, iżda konvinċenti. Dawn il-Profeti Foloz ma jiġux minn Alla l-Aktar Għoli. Kif għedtilkom qabel, Jien Inkellem lid-dinja b’mod sempliċi. Ma Nużax kliem kollu xinxilli bl-iskuża ta’ xi leħen superjuri u kiesaħ. Jiena Nipprova ma Nnisselx il-biża’ f’qalbkom. Sempliċement Nipprova Nwassalkom għall-Verità u l-importanza li tħobbu lill-proxxmu tagħkom.

Kemm hu diffiċli għalikom uliedi, f’dawn iż-żminijiet imħawwda. Itolbu u itolbu, sabiex ma taqgħux vittmi ta’ sensiela sħieħa ta’ gideb, li se jinfirex mill-Profeti Foloz. Jekk il-messaġġi tagħhom jidhru li huma artifiċjali, diffiċli biex tifhimhom u jbeżżgħukom, dawn mhumiex ġejjin Minni. Uliedi, araw li tibqgħu ffukati Fuqi biss. Għandi ħafna x’Ngħidilkom. Tħallux lilkom infuskom tiġu aljenati, lanqas għal minuta waħda biss, għaliex dan se jxekkilkom milli ssalvaw dawk l-erwieħ, li tant għandhom bżonn it-talb tagħkom.


Ġesù tagħkom


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM