Il-Mument tal-Glorja Tagħkom f’Għajnejja, Huwa l-Mument tas-Salvazzjoni Tagħkom.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-12 ta’ Novembru, 2011, fl-4 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, is-separazzjoni tal-bniedem Minni jġiblu wġigħ, speċjalment għal dawk in-nies li Lili jafuni. Ladarba l-erwieħ (nies ħajjin), ikollhom biss lemħa tal-Imħabba li Jiena għandi għalihom, allura huma jsibu l-uġigħ tas-separazzjoni tagħhom Minni, aktar diffiċli biex jissaportuh. Imbagħad, dan l-uġigħ huwa saħansitra aktar qawwi, meta l-erwieħ li jistqarru li jħobbuni, minħabba d-dnub tagħhom, huma jsibu ruħhom fil-Purgatorju wara mewthom. Filwaqt li l-erwieħ kollha fil-Purgatorju eventwalment jidħlu l-Ġenna, l-uġigħ li huma jkunu qiegħdin ibagħtu minħabba s-separazzjoni tagħhom Minni, huwa ta’ piena u ta’ dwejjaq kbar.
Għal ħafna erwieħ li jemmnu f’Alla, l-iċken aċċenn tal-Infern mill-oħrajn, iġibilhom turment f’qalbhom. Imbagħad għal dawk li r-ruħ tagħhom, tkun teħtieġ purifikazzjoni fl-Istat tal-Purgatorju, dawn iħossu miżerja tant kbira, li hija diffiċli biex tiftiehem minn dawk in-nies li huma ħajjin illum. Uliedi, ż-żmien tagħkom fid-dinja huwa ħafna importanti, għaliex huwa matul dan il-perjodu, li intom għandkom tistinkaw, sabiex tippurifikaw irwieħkom, u dan permezz tas-sawm u tal-penitenza. Użaw dan iż-żmien sakemm tistgħu, sabiex issalvaw l-erwieħ tagħkom. Issa sabiex intom tagħmlu dan, tridu tfittxu li tkunu umli l-ħin kollu, ħalli b’hekk tiżguraw, li intom issiru ċkejknin f’Għajnejja. Ikunu afu, li wliedi ċ-ċkejknin biss, jistgħu jgħaddu mill-aktar bibien dojoq tal-Ġenna.
Għalhekk, ilqgħu dan ir-Rigal tal-Purgatorju fid-dinja, li sejjer jiġi ppreżentat lilkom matul it-Twissija l-Kbira, sabiex tiġu ppurifikati, bħala penitenza għal dnubietkom. Intom mhux se jkollkom għalfejn tistennew il-mewt uliedi, sabiex tiffaċċjaw din il-purifikazzjoni. Intom l-uliedi l-imberkin, għaliex l-ebda tebgħa tad-dnub mhi sejra tibqa’ f’ruħkom. Imbagħad mela, intom tkunu tistgħu tidħlu mill-ewwel fl-Era l-Ġdida ta’ Paċi fid-dinja, li Jiena qiegħed Nitkellem dwarha. Dan huwa l-post, li sejrin jittieħdu wliedi kollha, jiġifieri dawk li jfittxu l-maħfra għal dnubiethom matul it-Twissija l-Kbira. Qisu li tiftħu qlubkom u tilqgħuni, meta Jiena Niġi għandkom, matul it-Twissija l-Kbira li issa waslet, meta intom Lili tkunu tistgħu tgħannquni magħkom. Ħalluni Nżommkom Miegħi u Naħfrilkom dnubietkom, sabiex fl-aħħar issiru Tiegħi, kemm fil-ġisem, fil-moħħ u fir-ruħ, u b’dak l-abbandun totali li Jiena Għandi Bżonn mingħandkom.
Dan se jkun il-mument tal-Glorja tagħkom quddiem Għajnejja. Imbagħad, intom tkunu lesti għat-tieni stadju, meta tkunu tistgħu tingħaqdu ma’ ħutkom fil-Ġenna l-Ġdida fuq l-art, kif inħolqot fil-bidu tad-dinja, minn Alla l-Ħallieq ta’ kollox. Din se tkun id-dar il-ġdida u bi dritt tagħkom għal elf sena. Stennew il-Wasla tiegħi bl-imħabba, bit-tama u bil-ferħ f’qalbkom. M’hemm xejn minn xiex għandkom tibżgħu. Anzi, qisu li tifirħu. Jiena Ġej għal darb'oħra, sabiex Insalvakom mill-Għadu tal-Umanità. Issa din id-darba, l-qawwa tiegħu hija tant dgħajfa, li se jkun diffiċli għalih li jaħtaf l-erwieħ ta’ dawk li jilqgħuni b’dirgħajn miftuħa, matul it-Twissija l-Kbira.
Ġesù tagħkom,
Ir-Redentur tal-Umanità