Il-Kelma Tiegħi Mhix Imwarrba Minħabba l-Biża’, Iżda Minħabba d-Dnub tal-Kburija.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-14 ta’ Novembru, 2011, fit-8.15 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, għaliex qegħdin in-nies jikkomplikaw it-Tagħlim tiegħi? Tant hemm minn uliedi, li qegħdin jifhmuh ħażin u jtaffu mill-qawwa tal-Ħniena l-Kbira tiegħi. Minkejja li Jiena bosta drabi, Nwiegħed lil uliedi l-Maħfra ta’ dnubiethom, huma xorta għadhom beżgħana, u jaħsbu li Jiena ma nistax Naħfer id-dnubiet kollha, huma liema huma, inklużi l-aktar dnubiet gravi tagħhom.
Il-ħażen kollu fid-dinja, huwa kkawżat mill-mibegħda li x-Xitan (Satana) għandu għall-umanità. Dawk il-midinbin imqarrqa u msieken, li jsegwu bħall-iskjavi, t-triq tal-Qarrieqi, huma wkoll l-għeżież uliedi. Jien Inħobb lil kull wieħed u waħda minnhom, u sejjer Nibqa’ Nħobbhom, minkejja d-dlam li jeżisti fir-ruħ tagħhom. L-Imħabba tiegħi għall-erwieħ kollha (nies ħajjin), ma tispiċċa qatt, hija għal dejjem, u ma tmut qatt. Jiena Lest li Naħfer kompletament u Nħaddan lil kulħadd Miegħi. Jiena Lest li Nagħmel minn kollox, sabiex Inġib Lura l-midinbin kollha, fil-Maqjel tan-Nagħaġ tiegħi, ikunu kemm ikunu offendewni.
Ix-Xitan issa sejjer jinżamm milli jkompli jisraqli dawn l-erwieħ, imma dan jista’ jiġri biss meta t-tarka tal-kburija tal-midinbin titwarrab, ħalli mbagħad huma jkunu jistgħu jduru Lejja, u jsiru parti mill-Familja Għażiża tiegħi mill-ġdid. Tifhmunix ħażin. Jiena Nista’ biss, Inressaq l-erwieħ eqreb Lejja. Għaliex Jiena, ma nistax Inġiegħelhom iħobbuni bilfors. Lanqas ma nista Inġiegħelhom jidħlu fis-Saltna tiegħi tal-Ġenna tal-Art bilfors. Huma l-ewwel ikollhom jaċċettaw l-Id tar-Rikonċiljazzjoni tiegħi minn rajhom, u permezz tar-rieda ħielsa tagħhom stess. Kif digà Għedtlek binti, u għal kemm il-darba, Jiena l-ewwel u qabel kollox, Alla tal-Ħniena. Iva, l-Ġustizzja tiegħi sejra sseħħ, imma biss wara li Jiena Nkun Għamilt dak kollu possibbli, Hadt kull miżura, u sal-aħħar net, sabiex Insalva lil kull ruħ fid-dinja.
Binti, dan ix-Xogħol qatt ma kien se jkun faċli għalik. Minħabba li Jiena Tajtek dan il-Kompitu Qaddis, u ta’ kobor daqshekk vast, inti min-naħa tiegħek, teħtieġ saħħa tremenda. Inti ġejt maħluqa b’saħħtek. Inti wkoll ġejt imħarrġa għal dan ix-xogħol, minn mindu ħriġt minn ġuf ommok. Ir-risposti kollha tiegħek, għall-Istruzzjonijiet tiegħi l-aktar Qaddisa, kienu skont il-Pjan Divin tiegħi għall-umanità. Huwa minħabba li inti tinsab f’għaqda miegħi (jaqaw insejtu dan?) li inti sejra tbati l-istess ċaħda, li kelli Nissaporti Jiena, matul iż-żmien tiegħi fid-dinja. Din l-istess ċaħda, minn dawk li jiftaħru bl-għerf intellettwali tagħhom stess tat-Tagħlim tiegħi, sabiex huma jiċħdu dawn il-Messaġġi tiegħi, inti issa qegħda taraha sew fid-dinja llum. Dawk l-erwieħ mimlija kburija u mimlija bit-tagħlim tagħhom stess, dwar l-Iskrittura Mqaddsa, ma jirnexxilhomx jifhmuhom dawn il-Messaġġi.
It-Tagħlim tiegħi huwa sempliċi ħafna. Tista’ żżid miegħu il-lingwaġġ sabiħ kemm trid, u l-proża fina kollha li tixtieq, imma l-Verità tibqa’ kif dejjem kienet. Jiġifieri, li tħobbu lil xulxin kif Inħobbkom Jien. Huwa biss meta intom turu rispett lejn xulxin, u tħobbu lil xulxin, li intom tistgħu verament tistqarru l-Kelma tiegħi. Kemm hawn konfużjoni bħalissa, binti. Tant jezisti twerwir u biża’ imnissla f’uliedi, dwar il-futur tagħhom. Jaħasra, li kieku biss dawn l-erwieħ jikkalmaw u jitolbu għall-Ħniena tiegħi, allura mbagħad it-talb tagħhom jiġi mwieġeb.
Id-diżastri fid-dinja sejrin jiġu, u jistgħu jiġu mtaffija bit-talb. Uliedi, qisu li żżommu t-tama ħajja f’ruħkom. Araw li qatt ma tispiċċaw tiġġudikaw lil xulxin, u aktar minnhekk, araw li qatt ma tagħmlu dan f’Ismi. Min jissogra jiġġudika lil ħaddieħor permezz tar-redikolu, u f’isem il-Kristjaneżmu, ikollu jiffaċċjani. Min jidneb kontra l-Profeti tiegħi, jkollu wkoll iwieġeb Lili. Il-Kelma tiegħi mhix qegħda tiġi mwarrba minħabba l-imħabba. Il-Kelma tiegħi mhix qegħda tiġi mwarrba minħabba l-biża’. Le, l-Kelma tiegħi hija mwarrba minħabba d-dnub tal-kburija.
Is-Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu