Alla l-Missier Jitlob lil Uliedu Sabiex Jingħaqdu Jitolbu Flimkien

It-Tlieta, 15 ta’ Novembru 2011 @ 11:00

Alla l-Missier Jitlob lil Uliedu Sabiex Jingħaqdu Jitolbu Flimkien.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Missierna fis-Smewwiet, Alla l-Aktar Għoli, lil Marija Ħniena Divina, tal-15 ta’ Novembru, 2011, fil-11 am.


Jien illum qiegħed Niġi binti, sabiex Niġbor flimkien lil uliedi l-prezzjużi, u lil dawk kollha li jemmnu Fija, ħalli jitolbu flimkien, sabiex isalvaw l-erwieħ kollha fid-dinja. Hija x-Xewqa tiegħi uliedi, li intom turu l-imħabba infinita tagħkom lejn it-Trinità Qaddisa, billi turu l-umiltà, fl-imħabba tagħkom għal xulxin, sabiex id-dnub ikun jista’ jinħafer mal-umanità kollha. Jien Alla tal-Ġustizzja, imma l-ewwel u qabel kollox, Jien Alla tal-Imħabba u tal-Ħniena. L-Imħabba Divina tiegħi ta’ Missier, tidher fit-Tjubija Ħanina tiegħi lejnkom, kollha kemm intom. U għalhekk hija l-Intenzjoni tiegħi, li Jien Insalva l-erwieħ kollha (nies ħajjin), f’dan l-aħħar taż-żminijiet, kif qegħdin tarawhom fid-dinja tal-lum. Intom qisu biss li ma tibżgħux uliedi. L-Intenzjoni tiegħi mhix li nbeżża’, imma li Nħaddankom ilkol f’Imħabbti, li tinkludi kollox u lil kulhadd, lil kull iben u bint minn Tiegħi.

Jiena qiegħed Insejjaħ lilkom kollha uliedi, speċjalment lil dawk l-erwieħ, li huma mimlija b’tant imħabba għalija, Lejja, il-Ħallieq tagħhom, sabiex tingħaqdu flimkien ma’ ħutkom, subien u bniet, u tqumu kontra l-Ħażen li hawn fid-dinja. Ix-Xitan (Satana) u kull Demonju mill-Infern, issa jinsabu jiġġerrew l-hawn u l-hemm fid-dinja, sabiex jisfidawni, matul dawn l-aħħar taż-żminijiet, uliedi. Huma jinsabu mifruxin mad-dinja kollha, jippersegwitaw l-erwieħ, sakemm iwassluhom f’xifer il-ġenn tal-moħħ. L-influwenza demonika fid-dinja, bħalissa qegħda tinħass, minn kważi kull wieħed u waħda minnkom. Dan kollu seħħ, minħabba li l-Eżistenza tiegħi, u dik ta’ Ibni l-Għażiż, ġiet miċħuda, ġiet imwarrba u ġiet mormija fil-ġenb, hekk li issa dan id-dlam, jinsab jgħatti d-dinja kollha tagħkom. La intom ma tirrikonoxxux il-Verità dwar il-ħolqien tagħkom Minni fuq din l-art, intom uliedi l-għeżież, mingħajr ma tridu, sirtu l-mira tax-Xitan.

Intom issa sejrin tinnutaw, b’numru ta’ bidliet f’ħajjitkom, minħabba din l-infestazzjoni demonika, li ħakmet lid-dinja tagħkom. Jiġifieri: qtil, delitti, mibegħda, stmerrija għax-xandir tal-Glorja tiegħi, iċ-ċaħda tal-Eżistenza tiegħi, gwerer, persekuzzjoni, regħba, kontroll tan-nies u taħsir morali. Dan il-ħażen kollu, inħoloq fid-dinja tagħkom mix-Xitan, imma nfirex minn dawk il-midinbin, li aċċettaw u belgħu l-wegħdiet foloz u vojta tiegħu. Hu, x-Xitan, l-ewwel ma jittanta, huma lil dawk il-midinbin b’kilba għall-poter, kif ukoll lil dawk dgħajfa fil-fidi tagħhom Fija. Wara li jkun irnexxielu jwaqqagħhom, imbagħad jippossjedihom. Huma wara, u minn naħa tagħhom, jibdew jinfettaw, jaħqru u jabbużaw minn ħuthom stess, subien u bniet, fejn jikkawżaw sofferenza terribbli

Intom, l-ulied fidili u għeżież tiegħi, intom issa qegħdin tiġu msejħa Minni, sabiex tqumu u tiddefendu l-Kelma Mqaddsa tiegħi, ħalli l-umanità tkun tista’ tiġi salvata. Intom sejrin tagħmlu dan b’żewġ modi: L-ewwelnett, permezz tat-talb kontinwu taghkom, u t-tieni, billi xxandru l-Kelma l-Aktar Qaddisa tiegħi. It-talb mhux biss sejjer jgħin, sabiex isalva l-umanità mill-Infern, jigifieri mill-abbandun sħiħ tagħhom Minni, iżda sejjer itaffi wkoll il-Kastig il-Kbir tiegħi fuq id-dinja minn Idejja. Qisu li ma jkollkom l-ebda dubju, li din l-Id tiegħi, tal-Kastig il-Kbir, sejra tinżel bis-saħħa, fuq dawk il-midinbin krudili, li ħallew l-ispirtu tad-dlam, imexxi l-imġieba ħażina tagħhom, fejn huma jikkontrollaw dawk in-nies innoċenti, u li jiddependu fuqhom għal għixien tagħhom. Jiena, Alla l-Missier, qiegħed Insejjaħ lil uliedi mis-Smewwiet, sabiex tisimgħu t-Talba tiegħi, hekk kif Jiena ninsab Inħeġġiġkom ħalli tqumu immedjatament. Ingħaqdu fit-talb billi tirreċitaw:

It-Talba Ċkejkna tal-Kruċjata (16) Il-Karba ta’ Alla l-Missier – Magħqudin fit-Talb:


O Alla l-Aktar Għoli, f’Isem Ibnek il-Maħbub, Ġesù Kristu, li Int Issagrifikajt biex Teħlisna min-nirien tal-Infern, aħna uliedek imsejkna, isma’ t-talba tagħna. Jalla noffru s-sagrifiċċji ċkekkna tagħna, u naċċettaw il-provi u l-kwistjonijiet, bħala mezz biex niksbu s-Salvazzjoni tal-erwieħ kollha waqt It-Twissija. Aħna nokorbulek, biex taħfer lill-midinbin li qed isibuha diffiċli biex iduru lura u jaċċettaw it-Tjubija Ħanina tiegħek, sabiex kif inhu xieraq, jagħmlu dawk is-sagrifiċċji meħtieġa, biex Tifdihom, fl-Għajnejn Imqaddsa tiegħek. Ammen.


Jekk intom titolbu Lili, Jiena, Missierkom fis-Smewwiet, Alla l-Aktar Għoli, l-Ħallieq tal-Univers u tal-Umanità, Jiena Nisma’ t-talb tagħkom u Nagħti l-immunità mix-Xitan, lil dawk l-erwieħ kollha, li intom titolbuni għalihom. Grazzi, uliedi l-għeżiez ta’ Qalbi, talli għaraftu din is-Sejħa Divina tiegħi mis-Smewwiet. Grazzi tal-umiltà f’qalbkom, sabiex tagħrfu Leħni meta Jiena Nitkellem. Ftakru, li Jiena Oċean ta’ Karità, u li Jien Inħobbkom ilkoll, b’tenerezza ta’ Missier. Kull ma Jiena qiegħed Nagħmel, huwa biss Ħilti kollha, sabiex Insalva lil kull wieħed u waħda minnkom, mill-ħakma tal-Qarrieqi, ħalli nkunu nistgħu ningħaqdu flimkien, bħala Familja Qaddisa waħda.


Alla l-Missier Etern


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM