Il-Verġni Marija: Id-Don Tiegħi Sabiex Negħleb u Neqred is-Serp

It-Tlieta, 29 ta’ Novembru 2011 @ 21:00

Il-Verġni Marija: Id-Don Tiegħi Sabiex Negħleb u Neqred is-Serp.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ minn Omm Alla, Omm is-Salvazzjoni, lil Marija Ħniena Divina, tad-29 ta’ Novembru, 2011, fid-9 pm.


Binti, għid lis-segwaċi kollha ta’ Ibni l-Għażiż, Ġesù Kristu, li huma għandhom ifittxu l-Protezzjoni tiegħi il-ħin kollu. Il-jiem tax-Xitan (Satana) qed joqorbu malajr lejn it-tmiem tagħhom, u ħafna wlied jinsabu f’periklu minħabba tentazzjonijiet tiegħu. Jekk intom titolbuni għall-Protezzjoni u l-Grazzji Speċjali tiegħi, ix-Xitan mhux se jagħmel ħsara lil uliedi, jew ibiegħedhom minn Ibni. Bħalissa, kulħadd huwa fil-mira tax-Xitan, hekk kif hu jinsab jiġġerra l-hawn u l-hemm ma’ kullimkien, ifittex il-qerda tal-erwieħ. L-attakki tiegħu huma l-aktar ħorox, meta intom tkunu s-segwaċi devoti ta’ Alla, u meta jkollkom fidi soda Fih. Il-mibegħda tal-Qarrieqi għal erwieħ bħal dawn (nies ħajjin) sejra ġġibilhom tbagħtija u konfużjoni. Hu, għandu għan wieħed biss, u dan hu li jwaqqa’ l-erwieħ kollha fid-dnub, sabiex isegwuh u b’hekk itelfilhom is-salvazzjoni eterna.

Itolbu, kull mument fejn tistgħu, għall-Protezzjoni tiegħi kontra l-Qarrieqi. Jien Ingħatajt id-Don kbir minn Missieri tas-Smewwiet, sabiex Negħleb u Neqred is-Serp. Meta intom idduru Lejja għall-Għajnuna, Jiena dejjem Ngħinkom, ħalli terġgħu lura għand Ibni, sabiex Jagħtikom il-faraġ li qegħdin tfittxu u li tant għandkom bżonn, ħalli jserrħilkom ruħkom. Itolbu, itolbu u itolbu, u għidu r-Rużarju Mqaddes tiegħi, għaliex huwa l-aktar arma qawwija sabiex iżżomm lix-Xitan 'l bogħod milli jeqred lil ħajjitkom. Grazzi talli weġibt għas-sejħa tiegħi binti, għaliex Jiena kelli bżonn infakkrek fl-urġenza li tfittex l-Għajnuna tiegħi, minħabba li inti tinsab taħt attakk feroċi f’dan l-istadju tal-missjoni tiegħek. Mur fil-paċi.


Ommkom tas-Sema,
Marija Sultana tas-Sema


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM