Id-Dħul fil-Ġenna tal-Art il-Ġdida Sejjer Iseħħ f’Salt u Mingħajr Tbatija.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-11 ta’ Diċembru, 2011, f’12.45 pm.
Illum Jiena Ġejt għandek b’ferħ kbir għalik, mill-Qalb Imqaddsa Tiegħi, bħala l-Għarus tiegħek. Inti binti, aċċettajt din it-Talba l-Aktar Sagra, sabiex tingħaqad Miegħi ħalli tgħini Nsalva l-erwieħ (nies ħajjin). Huwa minħabba l-ubbidjenza umli tiegħek Lejja, li għalhekk sejjer ikun mistenni ħafna minnek. Il-biża’ tiegħek sejra tispiċċa, hekk kif inti timxi ’l quddiem, bħala riżultat tad-Dispożizzjoni Speċjali tiegħi għalik, fejn inti tiddedika ħajtek għax-Xewqa Ħerqana Tiegħi, jiġifieri, li Nsalva l-umanità mill-qiegħ tal-Infern. Ix-Xogħol tiegħek, Iggwidat mill-Id Divina Tiegħi, issa huwa kompletament Sagru u Ħieles minn kwalunkwe tip ta’ indħil mill-Qarrieqi. L-ebda dubju mhu sejjer jinvadik aktar, imma issa kun af dan: Il-Kelma Tiegħi lilek sejra tittertaq f’biċċiet mill-oħrajn. Kull tentattiv issa se jsir, sabiex dawn il-Messaġġi Mqaddsa jitħammġu, saħansitra anke minn dawk stess li jiftaħru li jafuni. Minn issa ’l quddiem, inti sejra taċċetta t-tbatija tiegħek, u dan b’ċediment sħiħ Lejja u ferħ f’ruħek. Il-Qawwa Tiegħi, mogħtija lilek bil-Ħila tal-Ispirtu s-Santu, sejra taħsdek. Imma inti se tqum, b’konvinzjoni sħiħa f’qalbek, u b’kunfidenza kwieta, iżda determinata, sabiex twassal il-Kelma Tiegħi mad-dinja kollha.
Issa ħadd mhu se jkun jista’ jwaqqfek, għaliex ħadd ma jista’ jwaqqaf din il-Ħidma. L-ebda bniedem ma jista’ jżommok minn din l-iżjed Sejħa Sagra u Pura mis-Sema. Inti binti, lesta li ssir dak il-ħabel tas-salvataġġ, għal dawk l-erwieħ li jinsabu jiġġerrew l-hawn u l-hemm fid-deżert. Huma se jwieġbu għas-Sejħa ta’ dawn il-Messaġġi, irrispettivament minn kemm huma stinati f’qalbhom. Ħafna minnhom, lanqas biss se jindunaw għaliex qiegħed jiġrilhom hekk. Kollox sejjer ikun bil-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li se Jqabbad Fjamma ta’ Mħabba u Ferħ f’ruħhom, li sejra tiġbidhom Lejja, permezz ta’ dawn is-Sejħiet Urġenti tiegħi, sabiex Inġib lil uliedi lura fid-Dirgħajn Qaddisa Tiegħi. Grazzi talli weġibt għal din it-Talba Speċjali Tiegħi lilek, li tkun l-għarusa tiegħi, f’għaqda dejjiema Miegħi. Dan il-kuntratt, meta inti tagħtini ruħek kompletament, Lili sejjer jagħtini l-libertà li Għandi Bżonn, ħalli Nikkonkludi b’suċċess din il-Missjoni, li għaliha inti ġejt Magħżula. Mur issa binti l-prezzjuża, u kompli għinni Nwettaq il-Wegħda Tiegħi lill-umanità. Ir-Ritorn Tiegħi fid-dinja, sejjer ikun sabiex Jiena Nerġa’ Nieħu lura lil uliedi prezzjużi, u Noħodhom fl-Era l-Ġdida ta’ Paċi. Dan id-dħul fil-Ġenna tal-Art il-Ġdida, sejjer iseħħ f’salt u mingħajr tbatija, minħabba dan ir-rigal tiegħek Lili. Qis li tgħid lil uliedi, li Qalbi hija Mimlija bil-Ferħ f’dan iż-żmien, hekk kif qiegħed joqrob il-mument ħalli niċċelebraw it-Twelid tiegħi. Jien Inħobbkom.
Il-Maħbub Salvatur u Feddej tagħkom,
Ġesù Kristu