Alla l-Missier: Intom il-Maħbubin Uliedi u Għandkom Futur Glorjuż Quddiemkom.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Missierna fis-Smewwiet, Alla l-Aktar Għoli, lil Marija Ħniena Divina, tat-8 ta’ Jannar, 2012, fis-2.04 pm.
Jiena s-Sultan tal-Ħolqien kollu. Jiena l-Alfa u l-Omega. L-Umanità kollha sejra tonorani. Binti l-għażiża, iż-żmien għall-umanità biex tonorani, Lili, Missierhom fis-Smewwiet, fil-Glorja Kollha Tiegħi, fl-aħħar qegħda joqrob sew. It-talb tal-maħbubin wliedi, dawk il-qaddejja umli tiegħi, qed isalva l-erwieħ (nies ħajjin) u l-parti l-kbira mill-bnedmin, kontra l-forzi tad-Dlam, li bħalissa jinsabu fuq id-dinja kollha. Araw, qiegħed Ngħid lilkom ilkoll, intom is-segwaċi umli tiegħi, u dawk li jemmnu Fija, il-Ħallieq tal-Umanità kollha, ingħaqdu flimkien issa. Tridu tingħaqdu bħala forza waħda biex tonorawni, Lili, Missierkom. Itolbu f’għaqda waħda issa, għal konverżjoni tad-dinja. L-Ispirtu s-Santu tferra’ Minni, fuq id-dinja kollha, fl-10 ta’ Mejju tal 2011. Dan diġà, sejjaħ tant erwieħ twajba biex jipproklamaw il-Kelma Tiegħi. Issa, li l-qawwa tax-Xitan (Satana) qegħda tonqos, huwa se jattakka kemm jista’ jkun erwieħ. L-agħar attakki se jiġu mmirati fuq il-Knejjes Tiegħi u dawk kollha li jonorawni, Lili, Missierhom fis-Smewwiet.
Il-fidi tal-Knisja tiegħi se tkompli tiddgħajjef, iżda l-fidi ta’ dawk li jmilu lilhom infushom Quddiemi, se tinfluwenza l-imħuħ tal-Insara twajba kullimkien u tressaqhom eqreb Lejja. Bħalissa, tinsab tiżviluppa ħafna konfużjoni fost uliedi. Lil dawk kollha li huma distratti milli jitolbu Lili, Alla l-Aktar Għoli, isimgħu issa t-Talba Tiegħi lill-bnedmin kollha: Qatt tħallu lil xi ħadd itellifkom mill-Verità tal-Kelma Mqaddsa Tiegħi mogħtija lill-umanità biex issalva l-erwieħ. Qatt tħallu lil xi ħadd iżommkom lura milli titolbu, għal dawk l-erwieħ imsejkna u tturmentati, li nħatfu mix-Xitan. Ingħaqdu flimkien uliedi, u għall-aħħar darba, itolbu l-Ħniena Tiegħi. It-talb tagħkom joffrili dik l-għajnuna meħtieġa, biex Insalva l-biċċa l-kbira tal-bnedmin. Inti binti, int il-Profeta tal-Aħħar taż-Żminijiet, inti li sejra tbati l-aktar. Minħabba din il-Missjoni, inti se tirċievi l-aħħar Messaġġi bħal dawn, għad-dinja kollha, u se tkun il-mira prinċipali tax-Xitan u l-qaddejja tiegħu.
Bħalissa hemm ħafna Profeti li ngħataw missjoni qaddisa approvata Minni, biex jgħinu u jiggwidaw il-bnedmin kollha. Wara l-Missjoni tiegħek, Jiena mhu se nibgħat lil ħadd aktar biex iwassal il-Messaġġi Tiegħi, għaliex id-dinja, kif inti tafha issa, sejra tinbidel għal dejjem. Bħala l-Profeta tal-Aħħar taż-Żminijiet, leħnek se jiġi mwarrab, u l-ewwel nett, minn dawk stess li jemmnu Fija, għaliex se jopponu dawn il-Messaġġi Divini, b’mod aggressiv, u b’mod li lilek sejjer jaħsdek u jbeżżgħek, binti. Ix-Xitan se jattakka lil dawk l-erwieħ imsejkna u qaddisa, bħala mezz biex iweġġagħni. Huwa diġà għama l-qlub ta’ dawk li jemmnu fil-Verità. Huwa se jgħawweġ il-Verità f’moħħ dawk li jagħtuni Ġieħ, Lili, Missierhom fis-Smewwiet u lil Ibni l-Għażiż, Ġesù Kristu. Madankollu, kun ferħana, għax ħafna konverżjonijiet diġà nkisbu, bl-għajnuna ta’ Viżjonarji u Profeti oħra fid-dinja.
Tant avvenimenti katastrofiċi, diġà ġew evitati minħabba l-Ħidma tagħhom. Madankollu, ċertu numru ta’ kastigi se jkomplu jolqtu l-bnedmin fid-dinja, sabiex jiġu ppurifikati l-pajjiżi. Binti, il-qawwa tas-Serpent trid titfarrak, u dan dalwaqt. Huwa għalhekk li wliedi m’għandhomx għalfejn jibżgħu mill-futur. Intom il-maħbubin uliedi u għandkom futur glorjuż quddiemkom. Kull ma tridu tagħmlu hu li titolbu għal ħutkom u tafdaw kompletament Fija. Filwaqt li t-Twissija l-Kbira, li se sseħħ dalwaqt, u b’mod mhux mistenni, u se ssalva l-erwieħ, ħafna aktar talb għadu meħtieġ. It-talb li Jiena qiegħed Nitlobkom issa, huwa speċjalment għaż-żgħażagħ f’kull parti tad-dinja. Dawn huma l-ulied maqbudin mill-gideb faħxi tax-Xitan. Dawn huma l-ulied li jqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom jgħixu f’idolatrija falza u f’dinja finta. Huma l-aktar li jeħtieġu it-talb tagħkom. Ingħaqdu, uliedi. Poġġu d-differenzi tagħkom fil-ġenb. Neħħu l-maskra tagħkom tal-kburija. Inżlu mal-art, b’imħabba u b’umiltà, biex titolbuni l-Grazzji li għandkom bżonn. Dawn il-Grazzji jfawwrulkom ruħkom bl-Ispirtu s-Santu. Imbagħad, u hekk biss, it-talb tagħkom jinstema’ u jiġi mwieġeb.
Il-Maħbub Missierkom fis-Smewwiet,
Alla l-Aktar Għoli