L-Aħħar Sigriet ta’ Fatima Jiżvela l-Verità Dwar is-Setta Qerrieda ta’ Satana li Daħlet fil-Vatikan.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna, Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tas-26 ta’ Jannar, 2012, fid-9.40 pm
Maħbuba binti l-għażiża, wasal iż-żmien li l-Verità kollha, dwar il-misteri tar-Renju Divin, tiġi żvelata lid-dinja. Il-Verità issa ilha moħbija mhux ħażin. L-għarfien tal-Intervent Divin tiegħi fid-dinja, permezz tal-mirakli, id-dehriet u l-Komunikazzjonijiet Divini lil erwieħ magħżula (nies ħajjin), ġie mwarrab fil-ġenb mill-Knisja tiegħi, għal ħafna snin. Issa, għaliex il-Knisja tiegħi ħasset il-ħtieġa li tberred il-Verità, meta din kienet tant meħtieġa biex issaħħaħ il-fidi ta’ wliedi kullimkien, huwa magħruf biss minnhom. Kull viżjonarju u viżjonarja veri tiegħi u ta’ Ommi l-Imbierka, ġew injorati sa mill-bidu u ttrattati b’disprezz mill-Knisja tiegħi.
Binti, saħansitra anke l-aħħar sigriet ta’ Fatima, ma ngħatax lid-dinja, għax dan kixef il-verità dwar is-setta qerrieda ta’ Satana li daħlet fil-Vatikan. L-aħħar parti tas-sigriet ma ġietx żvelata, sabiex tiġi protetta s-setta qerrieda li daħlet fil-Vatikan u f’numri kbar, minn mindu dehret Ommi fis-Santwarju Mqaddes ta’ Fatima. Binti Lucia, ġiet imsikkta mill-poteri li jikkontrollaw parti mill-Vatikan, li fih, l-msieken papiet u maħbubin tiegħi, ftit li xejn għandhom kontroll. Ħarsilhom kif mhux biss għawġu l-Verità tat-Tagħlim tiegħi, iżda introduċew metodi ġodda ta’ qima Kattolika, li Lili tinsulenta, u lill-Missier Etern tiegħi.
Il-Knisja Kattolika hija l-Knisja Waħda u Vera u bħala tali hija l-mira prinċipali tax-Xitan (Satana) u s-setta qerrieda tiegħu. Il-Verità ġejja minni. Il-Verità tagħmel lill-umanità skomda, għax tista’ tinvolvi sagrifiċċji personali. Il-Verità, f’xi każijiet, tikkawża rabja, u f’ħafna każijiet, tiġi kkunsidrata bħala ereżija. Madankollu, l-Verità biss tista’ teħlisek mill-gideb, il-gideb li ġej mix-Xitan, il-gideb li jtaqqallek sew lir-ruħek. Wasal iż-żmien li l-Verità tiġi żvelata f’dinja mimlija gideb.
Tant gideb binti, ġie ppreżentat lil uliedi minn reliġjonijiet foloz, allat foloz, mexxejja foloz tal-knejjes, mexxejja u organizzazzjonijiet politiċi foloz, kif ukoll midja falza. Tant mill-Verità hija moħbija. Madankollu, kieku l-Verità ta’ dak li qed jiġri fid-dinja tiġi żvelata llum, kieku ftit nies kienu jaċċettawha. L-istess japplika għall-Għaxar Kmandamenti ta’ Missieri. Dawn huma r-Regoli stabbiliti minn Missieri l-Etern u mogħtija lill-profeta tiegħu, Mosè. Il-Verità qatt ma tinbidel, irrispettivament minn kemm l-umanità tipprova tibdilha. Il-Kmandamenti ta’ Missieri m’għadhomx aċċettati, lanqas fost il-knejjes Kristjani. La toqtolx tfisser li ma tistax toqtol bniedem ieħor. Ma tirreferix għal difiża personali, iżda f’kull ċirkostanza oħra.
L-ebda bniedem ma jista’ jiġġustifika l-qtil: l-abort, l-eżekuzzjoni ta’ kriminali jew l-ewtanasja. Ħadd u ħadd. Dan huwa dnub mejjet u l-kastig huwa ħajja fl-Infern għall-eternità. Uliedi jaċċettawh dan id-dnub mejjet binti? Le. Huma saħansitra qegħdin jgħaddu liġijiet, li jagħmluh mhux biss aċċettabbli, iżda wkoll skużabbli f’Għajnejn Alla. Imma dan mhux hekk. Kull wieħed mill-Għaxar Kmandamenti ta’ Missieri qiegħed jinkiser kuljum. Madankollu, l-Knisja tiegħi qatt ma tippriedka dwar is-serjetà tad-dnub. Qatt ma jgħidu lin-nies li se jmorru l-Infern jekk jagħmlu dnub mejjet u jekk ma jurux indiema. Qalbi hija midruba profondament. Huma, il-Knejjes tiegħi madwar id-dinja kollha, mhux qed jippridkaw il-Verità. Ħafna mill-Qaddejja Sagri (is-Saċerdoti) tiegħi m’għadhomx jemmnu fl-eżistenza tal-Infern jew tal-Purgatorju. Mhux qed jaċċettaw il-Kmandamenti ta’ Missieri. Huma qegħdin jiskużaw kull dnub.
Huma jitkellmu dwar il-Ħniena ta’ Missieri, iżda qegħdin jonqsu milli jispjegaw il-konsegwenzi ta’ meta xi ħadd imut fid-dnub il-mejjet. Talli mhux qed iwettqu dmirijiethom, li għalihom ġew assenjati, huma qegħdin joffenduni bil-kbir. F’ħafna każijiet, huma stess qegħdin ikunu responsabbli għat-telfien ta’ tant erwieħ. Stenbħu għall-Verità, intom ilkoll li tistqarru li temmnu f’Alla l-Missier li Jista’ Kollox, il-Ħallieq ta’ Kollox, u kunu afu dan: Hemm Verità waħda biss. Ma jistax ikun hemm aktar minn Verità waħda. Kull ħaġa oħra għajr il-Verità, hija gidba u ma tiġix minn Missieri fis-Smewwiet, Alla li Jista’ Kollox u l-Ħallieq ta’ kollox.
Il-Maħbub Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu
Nota: Ta’ min jinnota, li f’Messaġġ preċedenti, Ġesù qal lil Marija Ħniena Divina, li anke d-dnub tal-qtil jista’ jinħafer f’persuna li tindem tassew.